Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0062/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0062/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Petizzjoni 0924/2011, imressqa minn Dan Pescod, ta’ ċittadinanza Brittanika, f’isem l-Unjoni Ewropea għall-Għomja (EBU)/l-Istitut Nazzjonali Rjali għall-Għomja (RNIB), dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra (2011/2894(RSP))

10.2.2012

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B7‑0030/2012
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Erminia Mazzoni f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Proċedura : 2011/2894(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0062/2012

B7‑0062/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Petizzjoni 0924/2011, imressqa minn Dan Pescod, ta’ ċittadinanza Brittanika, f’isem l-Unjoni Ewropea għall-Għomja (EBU)/l-Istitut Nazzjonali Rjali għall-Għomja (RNIB), dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra (2011/2894(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tat-13 ta’ Jannar 2012 lill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-Petizzjoni 0924/2011, imressqa minn Dan Pescod, ta’ ċittadinanza Brittanika, f’isem l-Unjoni Ewropea għall-Għomja (EBU)/l-Istitut Nazzjonali Rjali għall-Għomja (RNIB), dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra (O-000005/2012 – B7‑0029/2012 u O-000006/2012 – B7‑0030/2012),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-għomja u l-persuni nieqsa mid-dawl fl-Unjoni Ewropea għandhom aċċess ristrett ħafna għal kotba u prodotti stampati oħra peress li 95 % tax-xogħlijiet kollha ippubblikati qatt ma jiġu konvertiti għal 'formati aċċessibbli' bħal Braille, tipa kbira jew awdjo;

B.  billi globalment bħalissa ma hemm ebda standard legali internazzjonali għal eċċezzjoni mmirata għar-regoli tad-drittijiet tal-awtur għal distribuzzjoni transkonfinali ta' formati adattati għal persuni b’diżabilità fil-kitba stampata;

C. billi l-Kumitat għad-Drittijiet tal-Awtur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) qed iqis trattat internazzjonali li jtejjeb l-aċċess tal-kotba għall-għomja u l-persuni neqsin mid-dawl;

D. billi r-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea opponew b’mod konsistenti test legalment vinkolanti, li jiffavorixxi rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti;

E.  billi fir-rapport tiegħu tat-13 ta’ April 2011 dwar ‘L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi’[1] il-Parlament Ewropew talab lill-UE tappoġġa trattat tad-WIPO vinkolanti;

F.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, b’mod partikolari l-Artikoli 21 u 30, kif ukoll il-Karta Ewropew tad-Drittijiet Fundamentali jistabbilixxu l-prinċipji applikabbli għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità;

1.  Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni jappoġġaw trattat tad-WIPO vinkolanti fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur għal kotba u prodotti pubblikati għal persuni għomja u nieqsa mid-dawl;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.