Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0068/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0068/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2012/2543(RSP))

13.2.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Sajjad Karim, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Valdemar Tomaševski f'isem il-Grupp ECR <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0068/2012

Proċedura : 2012/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0068/2012
Testi mressqa :
B7-0068/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0068/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2012/2543(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012/UE dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/37/PESK li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-Sirja tat-8 u l-31 ta’ Lulju; l-1, l-4, it-18, id-19, it-23 u t-30 ta' Awwissu; it-2 u t-23 ta' Settembru; it-12 ta' Ottubru 2011; it-3 u t-28 ta' Novembru; it-2 u t-13 ta’ Diċembru 2011; il-11 u t-23 ta' Jannar; u l-1 u l-4 ta’ Frar 2012,

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-18 ta’ Lulju; l-10 ta’ Ottubru; l-1 ta' Diċembru 2011; u t-23 ta' Jannar 2012,

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar “Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjoni” tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sirja tat-22 ta' Novembru 2011,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tat-3 ta' Awwissu 2011,

–    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-UNHRC dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana, tat-2 ta' Diċembru 2011,

–    wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippreżentat lill-UNHRC fit-23 ta' Novembru 2011,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hija firmatarja tiegħu,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

 

 

 

A.  billi għaddew ħdax-il xahar ta' rvellijiet u tixrid ta' demm kontinwi minn mindu bdew id-dimostrazzjonijiet sinifikanti kontra r-reġim Sirjan f'Marzu 2011;

B.   billi n-NU m'għadhiex tagħti stimi dwar kemm mietu nies fis-Sirja minħabba l-vjolenza li qed teskala, u billi l-istimi l-aktar reċenti min-NU f'Jannar jindikaw li nqatlu aktar minn 5,400 ruħ, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu ċivili, u billi ħafna aktar ndarbu;

C.  billi l-missjoni tal-Kummissarju Għoli ta' tiftix tal-fatti tad-19 ta' Awwissu sabet evidenza ta' mijiet ta' eżekuzzjonijiet sommarji, l-użu ta' munizzjon letali kontra d-dimostranti, l-użu mifrux ta' tiraturi magħżula waqt il-protesti, id-detenzjoni u t-tortura ta' nies ta' kull età, l-imblokk tal-bliet mill-forzi tas-sigurtà u l-qerda tal-provvisti tal-ilma;

D.  billi ċ-ċittadini tas-Sirja huma soġġetti għal arrest arbitrarju u priġunerija mingħajr proċess, jew proċess minn qorti militari u m'għandhom l-ebda ġudikatura indipendenti li tiddefendihom, l-ebda libertà tal-espressjoni u l-ebda dritt li jipprotestaw iggarantit bil-liġi;

E.   billi hu rrappurtat li, fis-Sirja kollha, il-bliet qed jiġu assedjati mill-forzi mmexxija mill-Gvern, mingħajr aċċess għall-ikel, il-provvisti mediċi jew il-komunikazzjonijiet;

F.   billi, minkejja li għamel ħafna dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn impenja ruħu favur ir-riforma politika, il-President Bashar al-Assad naqas milli jieħu azzjoni biex jimplimenta aġenda speċifika li tissalvagwardja l-libertajiet pubbliċi u l-indipendenza ġudizzjarja u li tipprojbixxi lill-Gvern Sirjan milli jgħaffeġ fuq id-drittijiet tal-bniedem;

G.  billi l-Gvern Sirjan juża l-Qorti Suprema għas-Sigurtà Statali (SSSC), qorti speċjali li tibqa' barra mis-sistema tal-ġustizzja kriminali ordinarja, biex itella' l-qorti lill-attivisti politiċi u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf se jaħdem mal-awtoritajiet fis-Sirja biex tinbeda t-tranżizzjoni lejn elezzjonijiet ħielsa u t-trasferiment tal-poter mill-President Assad;

I.    billi fit-2 ta' Settembru, fit-13 ta' Ottubru u fl-1 ta' Diċembru 2011 u fit-23 ta' Jannar 2012 l-Istati Membri tal-UE ddeċidew li jestendu s-sanzjonijiet, minbarra r-restrizzjonijiet eżistenti applikati għas-Sirja;

J.    billi l-President Assad ma tax kas il-bosta appelli li sarulu mill-komunità internazzjonali biex iwaqqaf il-vjolenza orribbli fis-Sirja;

K.  billi l-ferment ċivili u r-repressjoni brutali tal-awtoritajiet Sirjani tal-poplu Sirjan issa qegħdin jheddu li l-pajjiż jisfa fi stat ta' gwerra ċivili totali bil-periklu, imbagħad, ta' kunflitt reġjonali;

1.   Jikkundanna d-deċiżjonijiet taċ-Ċina u tar-Russja li jużaw il-veto kontra l-aħħar tentattivi li saru fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti biex tkun abbozzata riżoluzzjoni li tikkundanna t-trażżin vjolenti fis-Sirja tad-dimostrazzjonijiet antigovernattivi; jesprimi diżappunt bin-nuqqas ta' risposta konġunta mingħand il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-azzjonijiet brutali tal-awtoritajiet Sirjani u jappella biex il-komunità internazzjonali tkun magħquda fil-kundanna tagħha tar-risposta tar-reġim Sirjan għad-dimostrazzjonijiet;

2.   Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza mill-atturi kollha fis-Sirja;

3.   Jiddeplora l-brutalità min-naħa tar-reġim Sirjan fl-attakk tiegħu fuq Homs; jistieden lir-reġim Sirjan jirtira l-forzi Sirjani kollha mill-bliet u l-irħula tas-Sirja; jistieden ukoll lir-reġim Sirjan jippermetti aċċess immedjat u inkondizzjonat tal-aġenziji tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiema umanitarji; jissottolinja l-fatt li l-attenzjoni medika ma tistax ma tingħatax lil min indarab waqt l-attakki vjolenti;

4.   Jilqa' pożittivament ir-rwol ta' tmexxija tal-Lega Għarbija biex tintemm il-vjolenza orribbli fis-Sirja; jiddispjaċih rigward is-sospensjoni tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Lega Għarbija, u rigward in-nuqqas tar-reġim Sirjan li jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan ta' Paċi miftiehem; jilqa' l-inizjattiva ulterjuri tal-Lega Għarbija biex jitfassal Pjan ta' Paċi ġdid u jħeġġeġ lir-reġim Sirjan jadotta u jimplimenta dan il-pjan bla dewmien;

5    Jilqa' l-fatt li t-Turkija u l-Arabja Sawdija kkundannaw lir-reġim Sirjan, kif ukoll ir-rwol tat-Turkija fl-ilqigħ tar-rifuġjati; jiddispjaċih li l-Iran għadu qed jappoġġja l-pożizzjoni intransiġenti tal-President al-Assad u r-repressjoni brutali tal-poplu tiegħu;

6.   Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Jannar u jappoġġja l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra r-reġim Sirjan;

7.   Jinsisti li l-Gvern Sirjan għandu jiggarantixxi l-protezzjoni tad-dimostranti minn attakki, u jsostni d-dritt tad-dimostranti li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, biex tiġi ggarantita l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Sirjan, għaldaqstant, itemm minnufih l-użu tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi;

8.   Jinnota li l-President Assad fl-aħħar mill-aħħar jinżamm responsabbli bħala l-kap kostituzzjonali u legali tal-Istat Sirjan għall-azzjonijiet kollha mwettqa mill-forzi armati; iħeġġeġ lill-President Assad jirrikonoxxi l-fatt li l-poplu Sirjan ċaħad lir-reġim tiegħu u jwarrab, fl-aħjar interessi tas-Sirja u tal-unità tal-poplu tagħha;

9.   Jistieden lill-Gvern Sirjan jistabbilixxi investigazzjoni indipendenti, effikaċi u trasparenti dwar l-azzjonijiet tal-forzi tas-sigurtà u, b'mod partikulari tal-attivitajiet ta' ħu l-President, li huwa l-kmandant tal-forzi speċjali, u li kwalunkwe membru tas-servizzi tas-sigurtà li spara fuq dimostranti mhux armati, jew ordna li jinfetaħ in-nar fuqhom b'munizzjon letali, jinżamm responsabbli;

10. Jesprimi tħassib dwar rapporti ta' preżenza fost id-dimostranti ta' gruppi Iżlamisti armati, mgħammra b'armi mdaħħla bil-moħbi, li jinċitaw għall-ġiħad u jisparaw fuq il-forzi tas-sigurtà, bil-periklu li jikkawżaw gwerra ċivili totali fuq bażi settarja;

11. Jistieden lill-Gvern Sirjan itemm l-arrest u d-detenzjoni arbitrarja ta’ attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, kif ukoll jeħles lill-priġunieri kollha tal-kuxjenza; jistieden lill-awtoritajiet fis-Sirja jagħtu rendikont pubbliku ta' kull persuna li nqatlet, indarbet jew għadha nieqsa;

12. Jesprimi tħassib serju li l-intimidazzjonijiet tal-awtoritajiet Sirjani jistgħu jiġu estiżi għall-oppożituri eżiljati;

13. Jitlob li jkun hemm djalogu miftuħ u paċifiku bejn il-Gvern Sirjan u l-poplu tas-Sirja; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern Sirjan jaġixxi fir-rigward tal-impenji pubbliċi tiegħu u jimplimenta mill-aktar fis possibbli r-riformi demokratiċi, b'rispett sħiħ għall-minoranzi kollha;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati tal-Eġittu, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.