Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0072/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0072/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sirja (2012/2543(RSP))

13.2.2012

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Daniel Cohn-Bendit, Hélène Flautre, Franziska Katharina Brantner, Reinhard Bütikofer, Malika Benarab-Attou, Margrete Auken, Catherine Grèze, Raül Romeva i Rueda, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0068/2012

Proċedura : 2012/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0072/2012
Testi mressqa :
B7-0072/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0072/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja (2012/2543(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikulari tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u fis-Sirja, b’mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara u dik dwar il-każ ta' Rafah Nached, tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq,

­­­­–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar is-Sirja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' Ottubru u tad-9 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK, u d-deċiżjoni tiegħu wara l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 li jsaħħaħ il-miżuri restrittivi kontra r-reġim Sirjan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) dwar is-Sirja tal-2011, tat-23 ta' Jannar 2012 u tal-4 ta' Frar 2012 wara l-veto tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-missjoni ta' monitoraġġ tal-Lega Għarbija fis-Sirja, immexxija mill-Ambaxxatur Adnan al‑Khodeir, li ġiet sospiża fit-28 ta' Jannar 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-2011 u tat-22 ta' Jannar 2012 tal-Lega Għarbija dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, l-inizjattiva tagħha li tfittex l-appoġġ tal-KSNU għal soluzzjoni politika, il-Pjan ta' Azzjoni tagħha tat-2 ta' Novembru 2011 u s-sanzjonijiet tal-Lega Għarbija kontra s-Sirja, adottati fis-27 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-1 ta' Diċembru tat-Turkija li tadotta sanzjonijiet kontra s-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana tat-2 ta' Diċembru 2011 u tat-22 ta' Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana tat-23 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGA) tat-22 ta' Novembru 2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija Sirjana tat-22 ta' Novembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati, u l-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta' ġenoċidju, li tagħha s-Sirja hija firmatarja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

A. billi skont l-istimi tan-NU, l-għadd ta' mwiet fis-Sirja qabeż l-5 400 fl-irvellijiet li ilhom għaddejjin 11-il xahar, filwaqt li tiġi enfasizzata d-diffikultà biex dawn iċ-ċifri jiġu aġġornati minħabba żoni kompletament magħluqa, bħal ċerti partijiet ta' Ħoms; billi eluf aktar sfaw midruba, tal-anqas 69 000 ġew miżmuma – li minnhom 32 000 ġew meħlusa – u madwar 12 400 ruħ ħarbu lejn il-pajjiżi ġirien; billi l-Fond tan-NU għat-Tfal irrapporta li mijiet ta' tfal sfaw maqtula u mijiet aktar ġew arrestati b'mod arbitrarju, ittorturati u abbużati sesswalment waqt li kienu detenuti;

B.  billi mill-bidu ta' Frar, it-truppi Sirjani intensifikaw aktar l-attakki tagħhom kontra ċ-ċivili non-vjolenti u bbumbardjaw inħawi residenzjali f'Ħoms, il-provinċja ta' Idlib fit-Tramuntana, ir-reġjun ta' Dara'a fin-Nofsinhar, u l-belt ta' Zabadani fil-muntanji, u kkawżaw għexieren ta' nies mejta u sitwazzjoni umanitarja allarmanti, l-aktar fir-rigward tal-provvisti tal-mediċina u l-aċċess għall-ikel;

C. billi r-residenti fil-belt assedjata ta' Ħoms jinsabu jsofru minn bumbardament kontinwu u mill-biża li r-reġim qed iħejji biex iwettaq attakk mill-art finali u devastanti; billi fit-12 ta' Frar 2012 il-midja Għarbija rrappurtat li tankijiet tal-gwerra u l-artillerija Sirjani kienu qed jibbumbardjaw il-belt ta' Ħama, filwaqt li ssoktaw bl-attakki kontinwi tagħhom fuq Ħoms; billi, fl-istess waqt, l-awtoritajiet Sirjani qed jinsistu li jikkonfrontaw lill-"gruppi terroristiċi" u li se jkomplu sakemm terġa' tinkiseb l-"ordni";

D. billi fit-22 ta' Jannar 2012 il-Lega Għarbija qablet dwar pjan għall-ġejjieni tas-Sirja li jipprevedi li Bashar Al‑Assad jiddelega s-setgħat lill-Viċi President wara li jiġi ffurmat gvern ta' unità nazzjonali, filwaqt li fl-istess waqt jinbeda djalogu mal-opożizzjoni; billi r-reġim Sirjan irrifjuta l-pjan tal-Lega Għarbija, li huwa kkunsidra bħala tentattiv sfaċċat ta' indħil fl-affarijiet interni tiegħu;

E.  billi l-Lega Għarbija ddeċidiet li tfittex l-appoġġ tal-KSNU favur soluzzjoni politika fis-Sirja; billi fl-4 ta' Frar 2012 il-Federazzjoni Russa u ċ-Ċina użaw il-veto tagħhom kontra r-Riżoluzzjoni tal-KSNU li kienet tappoġġja l-appell tal-Lega Għarbija għal proċess politiku inklużiv u paċifiku mmexxija mis-Sirja; billi fit-28 ta' Jannar 2012 il-missjoni ta' monitoraġġ tal-Lega Għarbija ġiet sospiża minħabba li s-sitwazzjoni kienet marret għall-agħar b'mod kritiku;

F.  billi jum wara d-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa u taċ-Ċina li jużaw il-veto tagħhom għat-tieni darba kontra r-Riżoluzzjoni tal-KSNU dwar is-Sirja, ġie rrappurtat li l-operazzjonijiet tas-sigurtà kienu ġew intensifikati madwar il-pajjiż kollu u, speċjalment, fil-kwartieri ta' Ħoms; billi l-oppożizzjoni Sirjana ddikjarat li l-veto il-ġdid se jinkuraġġixxi lill-gvern jaġixxi mingħajr rażan; billi ż-żjara riċenti fis-Sirja tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu u tal-kap tas-serviżżi sigrieti, li fiha ppressaw favur soluzzjoni li tkun tinkludi riformi mir-reġim u djalogu mal-oppożizzjoni, kienet segwita minn attakki militari kbar kontra dawk li jopponu lill-gvern;

G. billi, fil-11 ta' Jannar 2012, dimsotrazzjoni favur Al‑Assad fil-belt ta' Ħoms sfat fil-mira ta' RPG (rocket-propelled grenade), li kkawżat il-mewt tal-ġurnalist tal-istazzjon televiżiv France 2 Gilles Jacquier u ħalliet ħafna ċivili midruba; billi hemm allegazzjonijiet li l-attakk twettaq fuq l-ordni tar-reġim peress li l-ġrajja seħħet fil-mument li Franza, flimkien mat-Turkija, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra, akkużat lill-Gvern Sirjan li kien qiegħed iħarrax l-attakki tiegħu kontra l-popolazzjoni ta' Ħoms, u li kienet qed tintervjeni favur il-forzi ribelli; billi l-ġurnalisti internazzjonali fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex qed jingħataw aċċess fis-Sirja sabiex ma jkunux jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom li jipprovdu informazzjoni indipendenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja;

H. billi l-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 iħeġġeġ lill-oppożizzjoni Sirjana tagħmel l-isforzi kollha biex issaħħaħ il-koordinament b'mod li jkun hemm tranżizzjoni b'ordni lejn Sirja li tkun demokratika, stabbli, inklużiva u li tiggarantixxi d-drittijiet tal-minoranzi;

I.   billi, b'risposta għas-sitwazzjoni kontinwa tad-drittijiet tal-bniedem dejjem sejra għall-agħar, il-Kunsill saħħaħ għal darb'oħra l-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan u żied 22 persuna responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tmien entitajiet li jappoġġjaw finanzjarjament lir-reġim mal-lista ta' dawk suġġetti għall-iffriżar tal-assi u għal projbizzjoni ta' dħul fl-UE; billi fis-27 ta' Frar 2012 l-Unjoni Ewropea hija mistennija timponi sanzjonijiet iħrex kontra s-Sirja;

J.   billi b'risposta għall-vjolenza li qed tintensifika u minħabba t-tħassib serju dwar is-sigurtà l-Istati Uniti għalqet l-ambaxxata tagħha fis-Sirja; billi Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Belġju sejħu lura lill-ambaxxaturi tagħhom; billi l-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u t-Tuneżija sejħu lura l-ambaxxaturi tagħhom fis-Sirja u ddeċidew li jkeċċu l-ambaxxaturi Sirjani mill-bliet kapitali tagħhom;

K. billi l-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem appellat biex is-Sirja tiġi riferuta lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) għall-allegazzjonijiet ta' krimini kontra l-umanità wara s-Sessjoni Speċjali ta' Diċembru tal-UNHCR dwar is-Sirja, abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU, filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tan-NU stqarr, fil-15 ta' Jannar 2012, li t-triq tar-ripressjoni hija triq li ma twassal imkien; billi l-KSNU biss tista' tirreferi l-każ lill-QKI, kif għamlet fil-każ tal-Libja, minħabba li s-Sirja mhijiex Stat kontraenti għall-Istatut ta' Ruma;

L.  billi minn Marzu 2011, għexieren ta' eluf ta' refuġjati Sirjani fittxew kenn fit-Turkija; billi fis-7 ta' Frar 2012 il-Prim Ministru Tork, waqt li kien qed jindirizza l-grupp parlamentari tiegħu, qal li t-Turkija qed tgħin biex titħejja inizjattiva ġdida mal-alleati tal-Punent li jappoġġjaw lil dawk li jopponu r-reġim Sirjan; billi t-Turkija qiegħda tospita għadd ta' mexxejja tal-oppożizzjoni Sirjana, inklużi wħud mill-Armata Ħielsa Sirjana, magħmula l-aktar minn ex-membri tal-forzi armati Sirjani li qalbu għal magħha, u li għandha l-għan li tħares lill-popolazzjoni mill-attakki tat-truppi Sirjani;

1.  Jikkundanna bl-akbar qawwa t-tħarrix tal-attakki vjolenti u brutali tar-reġim Sirjan kontra l-poplu tiegħu stess u b'mod partikulari fil-belt ta' Ħoms, it-tielet l-akbar ċentru urban fis-Sirja, li ilha issofri minn bumbardamenti kontinwi u intensi mill-bidu ta' Frar; iħeġġeġ lir-reġim Sirjan iwaqqaf minnufih il-qtil taċ-ċivili, jirtira t-truppi Sirjani mill-bliet assedjati u jeħles lill-priġunieri detenuti, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers u l-ġurnalisti kollha;

2.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni s-solidarjetà tiegħu mat-taqbida non-vjolenti tal-poplu Sirjan għall-ħelsien, id-dinjità u d-demokrazija u jfaħħar id-determinazzjoni u l-kapaċità tiegħu li jorganizza lilu nnifsu bħala forza ta' oppożizzjoni, b'kunsiderazzjoni speċjali għan-nisa, li għandhom irwol kruċjali f'din it-taqbida;

3.  Jappella lil Bashar Al‑Assad biex jirreżenja minħabba li r-reġim tiegħu naqas li jġorr ir-responsabilità li jħares lill-popolazzjoni tiegħu skont il-Liġi Internazzjonali u tilef kull leġittimità; ifakkar il-konklużjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja li jgħidu li setgħu ġew imwettqa krimini kontra l-umanità fil-pajjiż; huwa tal-fehma li fil-qalba tal-isforzi tal-KSNU biex tintemm il-kriżi fis-Sirja jrid ikun hemm mekkaniżmi ċari ta' responsabilità, filwaqt li jappoġġja mill-ġdid l-appell tal-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li s-Sirja tiġi riferuta lill-QKI, bil-għan li jitwettqu investigazzjonijiet imparzjali u indipendenti dwar il-ġrajjiet fis-Sirja, biex kull minn huwa ssuspettat li wettaq dawn il-krimini gravi jagħti kont ta' għemilu u biex jiġi evitat li jkun hemm aktar vittmi; iħeġġeġ fl-istess waqt lill-KSNU jimponi embargo tal-armi tan-NU kontra r-reġim Sirjan;

4.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni meħuda mill-Federazzjoni Russa u miċ-Ċina li jużaw il-veto tagħhom kontra r-Riżoluzzjoni tal-KSNU dwar is-Sirja, li kienet bil-għan li tappoġġja l-pjan tal-Lega Għarbija li kien jirrikjedi li s-Sirja twaqqaf it-tixrid tad-demm, tirtira t-truppi mill-bliet, teħles lil dawk detenuti, tagħti aċċess lill-osservaturi u lill-midja, u tniedi taħditiet mal-oppożizzjoni; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa twaqqaf minnufih il-bejgħ kollu ta' armi, tagħmir tad-difiża u l-kunsinna ta' ajruplani lir-reġim Sirjan, li jistgħu jintużaw kontra ċ-ċivili; jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Ċiprijotti tal-10 ta' Jannar 2012 li ma jwaqqfux vapur Russu fil-port ta' Limassol, li kien qed iġorr armi u munizzjon għall-forzi tas-sigurtà Sirjani, għalkemm Ċipru huwa obbligat li jimplimenta l-embargo tal-armi tal-UE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tikkundanna b'determinazzjoni l-veto kompletament irresponsabbli tagħhom u tagħmel ċar liż-żewġ pajjiżi l-konsegwenzi serji li jkun hemm jekk l-appoġġ lil Assad jissokta; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tintensifika d-djalogu kemm mal-Federazzjoni Russa kif ukoll maċ-Ċina, u tenfasizza l-ħtieġa li ż-żewġ pajjiżi jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom fir-rigward tal-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejjin;

5.  Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Lega Għarbija biex ittemm il-vjolenza, tippromwovi soluzzjoni politika għas-Sirja u tipprovdi kull forma ta' appoġġ politiku u materjali lill-oppożizzjoni Sirjana; jilqa' s-sejħa tat-12 ta' Frar 2012 tal-Lega Għarbija lill-KSNU biex tintbagħat missjoni konġunta NU-Lega Għarbija għaż-żamma tal-paċi fis-Sirja sabiex din tissostitwixxi l-missjoni ta' monitoraġġ tal-Lega Għarbija; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri jagħmlu kull ma jistgħu biex il-federazzjoni Russa tasal biex tappoġġja l-inizjattiva ta' żamma tal-paċi tal-Lega Għarbija; jinkuraġġixxi lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex ikomplu jikkooperaw mill-qrib mat-Turkija u mal-pajjiżi ġirien tas-Sirja, mal-Lega Għarbija u ma' atturi internazzjonali oħra u biex jimpenjaw ruħhom għall-ħolqien ta' grupp ta' kuntatt sabiex tinstab pożizzjoni komuni għas-soluzzjoni tal-kriżi, jgħinu lill-forzi tal-oppożizzjoni fit-taqbida tagħhom billi jagħtuhom appoġġ materjali u tekniku, inklużi ritratti tas-satelliti u għodod ta' komunikazzjoni, filwaqt li jintensifikaw il-pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex iwaqqaf it-tħarrix militari fuq il-poplu tiegħu stess; jappoġġja b'saħħa l-proposta tat-Tuneżija li tospita laqgħa tal-grupp ta' kuntatt "Ħbieb tas-Sirja" fl-24 ta' Frar 2012, pjan imniedi minn Franza u l-Istati Uniti wara li r-Russja u ċ-Ċina mblukkaw ir-riżoluzzjoni tan-NU; jappella, f'dan l-ispirtu, li jinħatar minnufih Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja;

6.  Jieħu nota tal-appell tal-Kunsill Nazzjonali Sirjan li jitwaqqfu kuriduri umanitarji sikuri bil-għan li l-aktar popolazzjonijiet vulnerabbli jitqiegħdu f'sikurezza u jingħata aċċess bla xkiel għall-għajnuna umanitarja, inkluża l-kura medika, kif ukoll għas-servizzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri tal-UE jistudjaw il-possibilità li jistabilixxu kuriduri umanitarji sikuri, fil-qafas tal-KSNU u tar-responsabilità li tingħata protezzjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mat-Turkija u mal-Lega Għarbija, bil-għan li jingħata kenn lill-popolazzjoni Sirjana, u li tittejjeb is-sitwazzjoni tagħha; jistieden, b'mod partikulari, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tipprovdi għajnuna finanzjarja adegwata tal-UE lill-organizzazzjonijiet emerġenti li għandhom l-għan li jappoġġjaw lill-midja ħielsa Sirjana, bħall-‘association de soutien aux médias libres’ (ASML), ibbażata fi Franza,

7.  Jappoġġja b'saħħa l-inizjattiva tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork, appoġġjata mill-biċċa l-kbira tal-membri tal-Lega Għarbija, li attwalment qed jaħdem biex tiġi organizzata konferenza ta' 'pajjiżi ħbieb tas-Sirja', li jkollha l-għan li tirrikonoxxi l-forzi tal-oppożizzjoni Sirjani bħala r-rappreżentanti uniċi tal-pajjiż u bħala alternattiva għar-reġim ta' Assad; jilqa' l-appoġġ determinat tat-Turkija lill-popolazzjoni Sirjana, inkluż billi aċċettat ir-refuġjati fuq il-fruntiera bejnha u bejn is-Sirja u billi ħalliet lill-oppożizzjoni Sirjana torganizza, u jistieden lit-Turkija tkompli tagħmel dan;

8.  Jilqa' l-isforzi kollha mwettqa s'issa mill-oppożizzjoni Sirjana biex tingħaqad kemm fil-pajjiż kif ukoll barra minnu; jappella biex ikun hemm tranżizzjoni paċifika u ġenwina lejn id-demokrazija, li tkun tirrispondi għat-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tkun ibbażata fuq djalogu inklużiv li jkun jinvolvi l-forzi kollha demokratiċi u l-komponenti tas-soċjetà Sirjana bil-ħsieb li jinbeda proċess ta' riformi demokratiċi profondi; jistieden lill-UE tappoġġja t-tentattivi kollha tal-oppożizzjoni Sirjana biex tingħaqad u tistabbilixxi aġenda ċara għal Sirja demokratika;

9.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE jkomplu jisħqu ħalli tiġi intensifikata l-pressjoni fuq ir-reġim Sirjan; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrestrinġu r-rabtiet diplomatiċi mas-Sirja u jkeċċu lill-ambaxxaturi Sirjani u biex jieħdu miżuri adegwati li jikkonċernaw diplomatiċi Sirjani bbażati fl-UE f'każ ta' intimidazzjonijiet jew theddid kontra persuna fl-UE;

10. Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-23 ta' Jannar 2012 li jadotta miżuri restrittivi ġodda u jappella biex fis-27 ta' Frar 2012 jiġu adottati sanzjonijiet aktar ibsin kontra r-reġim Sirjan, b'kunsiderazzjoni ta' rapporti riċenti li jgħidu li r-reġim Sirjan biħsiebu jirrispondi għall-miżuri restrittivi partikolarment permezz ta' kooperazzjoni mal-Iran;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u l-parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, u lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika tat-Turkija.