Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0095/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0095/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-iżviluppi politiċi reċenti fl-Ungerija (2012/2511(RSP))

14.2.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Hannes Swoboda, Sylvie Guillaume, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Csaba Sándor Tabajdi, Kinga Göncz f’isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Renate Weber, Louis Michel, Alexander Alvaro, Sonia Alfano, Ramon Tremosa i Balcells, Kristiina Ojuland, Sophia in ’t Veld f’isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Judith Sargentini, Rui Tavares, Ulrike Lunacek f’isem il-Grupp Verts/ALE
Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat f’isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2012/2511(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0095/2012
Testi mressqa :
B7-0095/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0095/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi politiċi reċenti fl-Ungerija (2012/2511(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 49, 56, 114, 167 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li jittrattaw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tal-Ungerija, adottata fit-18 ta' April 2011 mill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Ungeriża li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2012 (minn hawn 'il quddiem 'il-Kostituzzjoni l-ġdida'), u d-Dispożizzjonijiet Tranżitorji tad-Dritt Bażiku tal-Ungerija, adottati fit-30 ta' Diċembru 2011 mill-Assemblea Nazzjonali (minn hawn 'il quddiem id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji),

–   wara li kkunsidra l-Opinjonijiet Nru CDL(2011)016, CDL(2011)001 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja) dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża l-ġdida u t-tliet kwestjonijiet legali li joħorġu mill-proċess tat-tfassil tal-Kostituzzjoni Ungeriża l-ġdida,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi tal-midja fl-Ungerija u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża Riveduta,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea - Rispett u promozzjoni tal-valuri li fuqhom hi bbażata l-Unjoni (COM (2003) 606 finali),

–   wara li kkunsidra t-twaqqif ta' grupp ta' livell għoli dwar il-Libertà tal-Midja u l-Pluraliżmu mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes f'Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fid-dibattitu tas-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2012 dwar l-iżviluppi politiċi reċenti fl-Ungerija, kif ukoll is-Seduta ta' Smigħ li saret fid-9 ta' Frar 2012 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-17 ta' Jannar 2012 li tniedi proċeduri ta' ksur mgħaġġla kontra l-Ungerija dwar l-indipendenza tal-bank ċentrali tagħha u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data kif ukoll dwar miżuri li jaffettwaw il-ġudikatura,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea hija mwaqqfa fuq il-valuri tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 TUE, fuq ir-rispett ċar għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif hemm imnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEDB, u fuq l-għarfien tal-valur legali tal-imsemmija drittijiet, libertajiet u prinċipji, li huwa affermat ulterjorment bis-sħubija li se sseħħ dalwaqt tal-UE fil-KEDB,

B.  billi l-Istati Membri, attwali u li se jingħaqdu, u l-UE għandhom id-dmir li jiżguraw li l-kontenuti u l-proċessi tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jkunu konformi mal-liġijiet u l-valuri tal-UE, kif imniżżel partikolarment fil-Kriterji ta' Kopenħagen, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-KEDB, u li l-ittra u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni adottata ma jmorrux kontra dawn il-valuri u l-istrumenti;

C. billi l-Ungerija adottat kostituzzjoni ġdida fit-18 ta' April 2011, li l-adozzjoni u xi dispożizzjoni tagħha kienu kkritikati mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 fejn sejjaħ lill-gvern Ungeriż sabiex jindirizza l-kwestjonijiet u t-tħassib imressqa mill-Kummissjoni ta' Venezja u stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq reviżjoni u analiżi akkurata tal-Kostituzzjoni l-ġdida u tal-liġijiet kardinali stabbiliti minnha sabiex tikkontrolla li din hi konsistenti mal-ittra u l-ispirtu tal-acquis communautaire, u partikolarment tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D. billi l-adozzjoni tal-liġijiet qajmu tħassib dwar numru ta' oqsma, fosthom l-indipendenza tal-ġudikatura, l-indipendenza tal-bank ċentrali, l-indipendenza tal-awtorità tal-protezzjoni tad-data, il-kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni politika u tal-alternanza politika, kif ukoll tal-hekk imsejħa liġijiet ta' stabilità li jissoġġettaw is-sistema tat-taxxa fuq id-dħul għal maġġoranza ta' żewġ terzi, u l-liġijiet kardinali li jagħtu dritt esklussiv lill-maġġoranza preżenti li taħtar uffiċjali għal terminu ta' żmien twil aktar mis-soltu, b'hekk taffettwa l-abilità ta' gvernijiet futuri li jiggvernaw;

E.  billi l-mexxej il-ġdid tal-Awtorità Ġudizzjarja Nazzjonali u l-Prosekutur Ewlieni se jkollhom id-dritt li jassenjaw każijiet lil tribunali, b'hekk jiksru l-prinċipju tad-dritt tal-aċċess għall-qorti, u d-dritt ta' proċess ġust u huma kontra l-indipendenza tal-ġudikatura;

F.  billi skont il-kostituzzjoni l-ġdida u l-Dispożizzjonijiet Tranżitorji, il-Qorti Suprema kienet imsemmija mill-ġdid Kúria, u l-mandat ta' 6 snin tal-President tal-Qorti Suprema preċedenti intemm ħesrem wara sentejn;

G. billi l-Kostituzzjoni l-ġdida tistipula tnaqqis tal-età mandatorja tal-irtirar tal-imħallfin u l-prosekuturi mill-età preċedenti ta' 70 sena għal 62 sena, minbarra għal President tal-Kurja u l-Prosekutur Ewlieni, li tista' tkun diskriminatorja u tista' twassal għall-irtirar ta' madwar 300 imħallef, li hi intrużjoni serja għall-funzjonament indipendenti tal-ġudikatura;

H. billi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni l-ġdida, is-sistema preċedenti ta' erba' kummissarji parlamentari tniżżlet għal wieħed, u temmet ħesrem il-mandat ta' 6 snin tal-Kummissarju għal Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni filwaqt li ttrasferiet il-poteri tiegħu lil awtorità li għadha kif twaqqfet, li hi intrużjoni serja fl-indipendenza tiegħu;

I.   billi l-Parlament Ungeriż adotta diversi liġijiet retroattivi, b'hekk kiser wieħed mill-prinċipji bażiċi tad-dritt Ewropew, fosthom li ma jiġux adottati liġijiet retroattivi;

J.   billi l-liġi reċentement adottata dwar il-knejjes u d-denominazzjonjiet reliġjużi fiha regoli restrittivi b'mod mhux tas-soltu dwar ir-reġistrazzjoni ta' knejjes u tagħmel ir-reġistrazzjoni suġġetta għall-approvazzjoni tal-parlament b'maġġoranza ta' żewġ terzi;

K. billi, skont id-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni, il-poteri tal-Qorti Kostituzzjonali Ungeriża li tirrevedi l-liġijiet relatati mal-baġit tnaqqsu b'mod sostanzjali;

L.  billi l-għadd sinifikanti ta' kwestjonijiet li biex ikollhom regolamentazzjoni dettaljata, ġew assenjati bħala parti mill-liġijiet kardinali li jitolbu maġġoranza ta' żewġ terzi, inklużi kwestjonijiet li għandhom jitħallew fil-proċess politiku ordinarju u li normalment jiġu deċiżi b'maġġoranza sempliċi, tqajjem tħassib, kif espress mir-rapport tal-Kummissjoni ta' Venezja;

M. billi Viviane Reding, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizzat l-intenzjoni li l-Kummissjoni Ewropea tivverifika jekk l-organizzazzjoni l-ġdida tas-sistema ġudizjarja fl-Ungerija taffettwax l-indipendenza tal-ġudikatura; billi l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes u l-mexxej tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libertà tal-Midja u l-Pluraliżmu, Vaira Vike Freiberga, repetutament esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-Ungerija;

 

N. billi l-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, enfasizza, fit-18 ta' Jannar 2012 li, minbarra l-aspetti legali, it-tħassib intwera wkoll dwar il-kwalità ta' demokrazija fl-Ungerija, u appella lill-awtoritajiet Ungeriżi biex jirrispettaw il-prinċipji tad-demokrazija u l-libertà u sabiex jimplimentawhom mhux biss fil-prinċipju imma wkoll fil-prattika u fil-ħajja politika u soċjali Ungeriża;

O. billi fis-17 ta' Jannar 2012 il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċeduri ta' ksur tal-liġi kontra l-Ungerija dwar tliet oqsma: l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ungeriż, it-tnaqqis fl-età mandatorja tal-irtirar tal-imħallfin kif imniżżel fid-Dritt Bażiku tal-Ungerija, u l-indipendenza tal-awtorità tal-protezzjoni tad-data, u talbet ukoll lill-awtoritajiet Ungeriżi aktar informazzjoni dwar il-kwestjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura;

P.  billi l-Parlament Ewropew, fir-Rapport tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewroepa (2009) - implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (2009/2161(INI), sejjaħ sabiex ikun hemm ' segwitu għall-Komunikazzjoni tal-2003 dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea biex jiġi definit mod trasparenti u koerenti biex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex isir użu rilevanti tal-Artikolu 7 tal-istess Trattat abbażi tal-istruttura l-ġdida tad-drittijiet fundamentali';

Q. billi l-Gvern Ungeriż, u l-aktar il-Prim Ministru Ungeriż fl-ittra tiegħu lill-Kummissjoni u waqt li indirizza l-Parlament Ewropew, wera li lest li jindirizza l-problemi li qamu mill-proċeduri ta' ksur tal-liġi, li jemenda l-leġiżlazzjoni kkonċernata u li jikkopera aktar mal-Istituzzjonijiet Ewropej lil hinn mill-proċeduri legali;

R.  billi l-Parlament Ewropew għandu rwol li jimmonitorja l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, il-libertajiet u l-prinċipji fis Stat Membru, kif imniżżel fl-aquis Ewropew;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija fir-rigward tal-eżerċizzju tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tar-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali, tas-sistema ta' kontroll u bilanċ, tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;

2.  Jistieden, fl-interess konġunt taċ-ċittadini Ungeriżi u tal-Unjoni Ewropea, lill-Gvern Ungeriż biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet, l-oġġezzjonijiet u t-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-kwestjonijiet imsemmija hawn fuq u jemeda l-liġijiet ikkonċernati kif meħtieġ, filwaqt li jirrispetta l-valuri u l-istandards bażiċi tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jieħu nota tal-impenn tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni ta' Venezja biex jeżaminaw sew il-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mhux biss mal-ittra imma wkoll mal-ispirtu tal-liġi Ewropea;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, bħala l-għassiesa tat-Trattati, sabiex timmonitorja mill-qrib l-emendi possibbli u l-implimentazzjoni tal-imsemmija liġijiet u l-konformità tagħhom mal-ittra u l-ispirtu tat-Trattati Ewropej u li twettaq studju bir-reqqa sabiex tiżgura:

a.  l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura, b'mod partikolari tiżgura li l-Awtorità Ġudizzjarja Nazzjonali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-qrati b'mod ġenerali jitmexxew liberi minn kull influenza politika, u li l-mandat tal-imħallfin maħtura b'mod indipendenti ma tistax titqassar b'mod arbitrarju;

b.  li r-regolamentazzjoni tal-Bank Nazzjonali Ungeriż taderixi mal-leġiżlazzjoni Ewropea;

c.  li l-indipendenza istituzzjonali tal-protezzjoni tad-data u tal-libertà tal-informazzjoni tingħata lura u tkun garantita permezz tal-kontenut u l-implimentazzjoni tal-liġi relevanti;

d.  li d-dritt tal-Qorti Kostituzzjonali li tirrevedi kwalunkwe leġiżlazzjoni ikun mogħti lura b'mod sħiħ;

e.  li l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja ikunu garantiti mill-kontenut u l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Midja Ungeriża, speċjalment fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ċivili u tal-oppożizzjoni fil-Kunsill dwar il-Medja;

f.   li l-liġi elettorali ġdida tilħaq l-istandards demokratiċi Ewropej u tirrispetta l-prinċipju tal-alternanza politika;

g.  li d-dritt li teżerċita oppożizzjoni politika b'mod demokratiku tkun assigurata kemm fl-istituzzjonijiet u kemm barra minnhom;

h.  li l-liġi dwar il-knejjes u d-denominazzjonijiet reliġjużi tirrispetta l-prinċipji bażiċi tal-libertà tal-kuxjenza u żżomm milli tissuġġetta r-reġistrazzjoni tal-knejjes għall-approvazzjoni ta' maġġoranza ta' żewġ terzi fil-Parlament Ungeriż;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea titlob l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar il-pakkett leġiżlattiv li jiġbor fih il-Kostituzzjoni l-ġdida, id-Dispożizzjonijiet Tranżitorji u l-liġijiet kardinali bħala ħaġa waħda u tkompli taħdem flimkien dwar dawn il-kwestjonijiet mal-Kunsill tal-Ewropa;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja, biex isegwu jekk u kemm ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew stabbiliti fil-punt 4 ta' din ir-riżoluzzjoni ġew implimentati u sabiex tippreżenta s-sejbiet tagħha f'rapport;

7.  Jagħti istruzzjoni lill-Konferenza tal-Presidenti, fid-dawl tar-rapport imsemmi fil-punt 6, biex tqis jekk għandhiex tieħu miżuri meħtieġa, inklużi miżuri skont l-Artikolu 74e tar-Regoli ta' Proċedura/ Artikolu 7.1 TUE;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, lill-OSKE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.