Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0096/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0096/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni

14.2.2012

skont l-Artikolu 120 tar-Regoli ta' Proċedura

Rolandas Paksas, Juozas Imbrasas

B7‑0096/2012

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 120 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea ffirmat il-ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni (ACTA) fis-26 ta’ Jannar li għadda, wara negozjati sigrieti,

B.  billi l-ftehimiet kollha konklużi mill-Unjoni Ewropea għandhom jirrispettaw għalkollox l-acquis tal-Unjoni,

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda l-falsifikazzjoni u li jiġu protetti d-drittijiet tal-awtur li, madankollu, ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li huma l-pedament tad-demokrazija fl-Ewropa;

2.  Jinsisti li l-miżuri ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux ta’ ostakolu għall-innovazzjoni u għall-kompetizzjoni, ma jillimitaw la l-protezzjoni tad-data personali u lanqas il-moviment liberu tal-informazzjoni, u ma jfixkilx il-kummerċ legali b’mod li ma jkunx xieraq;

3.  Ifakkar li n-newtralità tal-internet għandha tiġi rispettata u garantita; huwa kontra kull miżura ta’ sorveljanza fuq skala kbira tal-utenti tal-internet u tal-komunikazzjoni onlajn;

4.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tipproċedi għal valutazzjoni approfondita tal-effett tal-implimentazzjoni tal-ftehim fuq id-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-data u l-kummerċ elettroniku, u jikkundanna l-fatt li ma għamlitx dan qabel l-iffirmar tal-ftehim;

5.  Huwa tal-fehma li l-Parlament Ewropew għandu jagħmel użu mid-dritt tiegħu li jitlob deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità tal-ftehim mal-acquis tal-Unjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.