Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0133/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0133/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP)

7.3.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0131/2012

Proċedura : 2012/2550(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0133/2012
Testi mressqa :
B7-0133/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0133/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Niġerja,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata minn Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. huwa mħasseb mill-vjolenza li beda l-grupp Boko Haram, grupp Islamista radikali, li kkaġunat il-mewt ta' diversi mijiet ta' persuni innoċenti;

B.  billi organizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentat l-involviment tal-grupp Islamist Boko Haram f'attakki fuq għases tal-pulizija, faċilitajiet militari, knejjes u banek, kif ukoll f'attakk suwiċida bil-bombi fl-uffiċċji tan-NU, li ħalla 24 persuna mejta u iktar minn 100 persuna oħra feruta;

C. billi, b'reazzjoni għall-vjolenza tal-Boko Haram, il-pulizija u l-militar Niġerjani wettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji ta' numru sostanzjali ta' membri suspettati tal-grupp;

D. billi madwar 10,00 ruħ kienu rrappurtati li ħarbu mit-tramuntana tan-Niġerja lejn iċ-Ċad u n-Niġer f'dawn l-aħħar ġimgħat, biex jeħilsu mir-ripressjonijiet vjolenti u l-vjolenza mill-Boko Haram, u r-residenti tal-irħula ta' madwar fil-Lvant tan-Niġerja, Dougouri, Folkine, Koyorom u Malfahtri, ħarbu wkoll;

E.  billi tul dawn l-aħħar għaxar snin mietu eluf fi vjolenza reliġjuża u etnika fin-Niġerja hekk kif żdiedu sikwit it-tensjonijiet reliġjużi u etniċi fin-Niġerja;

F.  billi l-vjolenza interreliġjuża jew interetnika normalment ġeneralment tipprovoka eskalazzjoni emozzjonali tal-kunflitti bit-telf tal-ħajja ta' nies innoċenti, mingħajr ma tindirizza l-kawża fundamentali tal-kunflitt;

G. billi l-problemi fit-Tramuntana għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjoni f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn gruppi indiġeni, l-aktar Insara jew animisti, li qiegħdin jiġġieldu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u ta' ilsien Hausa,

H. billi r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-aċċess għall-ġustizzja u t-tmiem tal-impunità, kif ukoll l-aċċess ġust għar-riżorsi, u r-ridistribuzzjoni tad-dħul f'pajjiż sinjur fiż-żejt kif inhi n-Niġerja;

I.   billi l-instabilità tenfasizza l-fraġilità tal-pajjiż bl-ikbar popolazzjoni u riżorsi fl-Afrika;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li ħakmet in-Niġerja, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet etniċi li għad hemm, li fihom il-komunitajiet kienu protagonisti u vittmi;

2.  Jenfasizza li l-Kumitat imwaqqaf mill-President Goodluck Jonathan biex jissorvelja r-riorganizzazzjoni tal-pulizija fin-Niġerja għandu jkollu l-għan li jtemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn uħud fil-forzi tal-pulizija u jistabbilixxi fiduċja bejn il-popolazzjoni u l-pulizija;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali u aċċessibbli biex tintemm l-impunità u jittejjeb ir-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;

4.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jitlob li dawk responsabbli jidhru quddiem qorti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess ġust;

5.  Jistieden lill-gvern Niġerjan jipproteġi lill-popolazzjoni tiegħu u jevita bil-mezzi kollha li jkun hemm aktar attakki jew qtil bi tpattija;

6.  Jitlob lill-UE tipprovdi għajnuna umanitarja għan-nies li ħarbu mit-Tramuntana tan-Niġerja lejn pajjiżi ġirien, wara r-ripressjoni min-naħa tal-pulizija u l-vjolenza mill-Boko Haram;

7.  Iħeġġeġ lill-gvern Niġerjan jaħdem għal soluzzjoni paċifika billi jindirizza l-kawża fundamentali tal-kunflitt, approċċ li jimplika l-aċċess ġust għar-riżorsi, l-iżgurar ta' żvilupp sostenibbli tar-reġjuni u r-ridistribuzzjoni tal-ġid, waqt li jagħti garanzija tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi;

8.  Jitlob l-abolizzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali li tikkriminalizza l-omosesswalità, li f'ċerti każijiet tagħmilha punibbli bit-tħaġġir; jitlob lill-parlament Niġerjan jabbanduna l-eżami min-naħa tiegħu tal-‘Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess’, li, jekk ikun approvat, iqiegħed lill-persuni LGBT – kemm Niġerjani u kemm barranin – f'riskju serju ta' vjolenza u arrest;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tan-Niġerja, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).