Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0134/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0134/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP))

7.3.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fiorello Provera, Rolandas Paksas, Lorenzo Fontana, Oreste Rossi, Claudio Morganti, Mara Bizzotto, Nikolaos Salavrakos, Niki Tzavela f'isem il-Grupp EFD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0131/2012

Proċedura : 2012/2550(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0134/2012
Testi mressqa :
B7-0134/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0134/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja u l-libertà reliġjuża,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar t-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża stipulati fil-Kapitolu IV tagħha - Id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni tas-26 ta' Diċembru 2011 u t-22 ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fl-20 ta' Jannar mietu tal-anqas 186 fil-belt ta' Kano fit-tramuntana tan-Niġerja, f'serje kkoordinata ta' attakki bil-bombi u l-armi mill-grupp radikali Iżlamiku Boko Haram, li kien l-aktar attakk fatali maħsub mill-grupp minn meta beda rewwixta fl-2009, wara l-qtil tal-fondatur u mexxej tiegħu, Mohammed Yusuf, sabiex iwaqqa' d-demokrazija fin-Niġerja;

B.  billi l-grupp Iżlamiku Boko Haram ta twissija lill-Kristjani u l-animisti kollha tan-nofsinhar biex jitilqu mill-istati tat-tramuntana tal-pajjiż u saħaq fuq l-implimentazzjoni tal-liġi Sharia fin-Niġerja kollha, u sa mill-bidu tal-2012, mietu tal-anqas 200 persuna minħabba attakki attribwiti għall-grupp, u fl-2011, mietu 'l fuq minn 500 persuna;

C. billi fl-4 ta' Marzu, il-Boko Haram iddikjara "gwerra" fuq il-Kristjani u qal li se jagħmel serje ta' attakki "kkoordinati" sabiex jeqred il-komunità Kristjana sħiħa li qed tgħix fil-partijiet tat-tramuntana tal-pajjiż;

D. billi fis-26 ta' Frar, żewġ suwiċidi bil-bombi mill-grupp ta' Boko Haram splodew splossivi mqiegħda f'karozza quddiem knisja fil-belt ta' Jos u qatlu tliet persuni u darbu 38, u fil-21 ta' Frar, estremisti Iżlamiċi suspetti splodew bomba quddiem knisja fil-belt ta' Suleja u darbu ħames persuni;

E.  billi l-pajjiż qed jixhed żieda fl-animosità etnika li qed tiżdied minħabba l-vjolenza settarja, li l-gvern ċentrali tal-President Goodluck qed ibati biex jikkontrolla u li ammetta li l-kunflitt huwa agħar mill-gwerra ċivili tal-pajjiż fis-sittinijiet;

F.  billi kien hemm sejħiet għal riforma fil-forzi tas-sigurtà tan-Niġerja wara li wieħed mis-suspetti ewlenin tal-attakki bil-bombi f'jum il-Milied, li wassal għal erbgħa u erbgħin mejtin, ħarab mill-kustodja f'temp ta' 24 siegħa mill-arrest tiegħu fl-14 ta' Jannar;

G. billi l-gvern Niġerjan wieġeb għaż-żieda fil-vjolenza billi żied is-sigurtà fil-belt kapitali ta' Abuja, u arresta tużżani ta' nies suspetti, impona kerfju u ddikjara stat ta' emerġenza f'ċerti partijiet f'erba' stati tat-tramuntana;

H. billi wieħed mill-ikbar ostakli għall-gvern Niġerjan fit-trattament tal-problema ta' Boko Haram huwa minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-istruttura, it-tmexxija u l-ideoloġija tal-grupp, li jagħmilha diffiċli li jiġu iżolati ċerti individwi;

I.   billi n-Niġerja għandha popolazzjoni ta' 160 miljun, maqsumin bejn Kristjani fin-naħa t'isfel u Musulmani fin-naħa ta' fuq;

J.   billi l-belt ta' Jos hija deskritta bħala l-linja reliġjuża li taqsam it-tramuntana min-nofsinhar;

1.  Jikkundanna l-attakki brutali fuq il-komunitajiet Kristjani u jistieden lill-Gvern tan-Niġerja biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jittratta l-problema tal-militanza Iżlamika fin-Niġerja ta' fuq;

2.  Jesprimi l-bżonn għal trasparenza u determinazzjoni akbar fil-forzi tas-sigurtà tan-Niġerja biex ifittxu u jaqbdu l-persuni suspetti involuti fl-attakki settarji, kif ukoll il-bżonn li jittieħdu miżuri biex tingħata protezzjoni lis-siti ta' qima u l-komunità Kristjana fin-Niġerja, b'mod partikolari fit-tramuntana;

3.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tieħu azzjoni rapida ħalli tappoġġa d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali bażiċi tal-komunitajiet Kristjani fin-Niġerja, u f'pajjiżi fl-Afrika ta' fuq u dik tal-Punent;

4.  Jenfasizza l-bżonn għall-mexxejja reliġjużi fin-Niġerja biex jiġġieldu kontra dawk li jinċitaw il-vjolenza u biex iwaqqfu l-pedamenti għat-tolleranza u l-fehim reliġjużi;

5.  Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan biex jieħu miżuri konkreti u urġenti biex jappoġġja djalogu interetniku u interreliġjuż, u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-President Goodluck Jonathan biex ilaqqa’ flimkien il-mexxejja reliġjużi u tal-komunitajiet;

6.  Jitlob lill-VP/HR biex tappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet Niġerjani sabiex tiġi ttrattata b'mod effettiv il-problema tar-ribelljoni Iżlamika;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina l-isforzi tagħha mal-Istati Uniti u donaturi oħrajn sabiex jallokaw għajnuna ta' żvilupp għall-ħolqien ta' impjiegi fiż-żoni l-aktar affettwati mill-vjolenza settarja;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).