Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0135/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0135/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Kazakistan (2012/2553(RSP))

7.3.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Janusz Wojciechowski, Valdemar Tomaševski, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0135/2012

Proċedura : 2012/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0135/2012
Testi mressqa :
B7-0135/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0135/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kazakistan (2012/2553(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kazakistan u l-Asja Ċentrali,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) mal-Kazakistan u n-negozjati għal FSK ġdid,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-RGħ/ VP Catherine Ashton dwar dak li ġara fid-distrett ta' Zhanaozen fis-17 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-UE Catherine Ashton dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Kazakistan tas-17 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali OSKE/ODIHR dwar l-elezzjoni li saret fil-15 ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Kazakistan qiegħdin jikbru fil-livelli kollha; billi l-Kazakistan għandu rwol kruċjali fir-rigward tal-istabilità u s-sigurtà tal-Asja Ċentrali u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun kollu; billi l-UE għandha relazzjonijiet u djalogu tajbin mal-Kazakistan;

B.  billi fis-17 ta’ Frar 2012 il-President tal-Kazakistan iffirma bosta liġijiet bl-għan li titjieb il-bażi legali għar-relazzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali;

C. billi l-istrajk tal-ħaddiema fl-industrija taż-żejt fil-belt ta' Zhanaozen fil-provinċja ta' Mangistau u reġjuni oħra tal-Kazakistan ilu għaddej mir-rebbiegħa tal-2011 u fis-16 ta' Diċembru 2011 kien hemm irvellijiet bi ġlied vjolenti;

D. billi l-President tal-Kazakistan talab investigazzjoni sħiħa tal-ġrajjiet billi waqqaf kummissjoni tal-gvern immexxija mill-ewwel viċi prim ministru u stieden esperti internazzjonali biex jipparteċipaw fil-proċess ta' investigazzjoni;

E.  billi l-Kazakistan kellu l-presidenza tal-OSKE fl-2010 u kkommetta lilu nnifsu li jwettaq serje ta' riformi demokratiċi u li jirrispetta l-prinċipji bażiċi ta' din l-organizzazzjoni;

F.  billi l-UE u l-Kazakistan qiegħdin jinnegozjaw ftehim ambizzjuż ġdid li għandu jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) skadut u li għandu l-għan li jtejjeb u jiżviluppa r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakistan;

1.  Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kazakistan u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika u politika fl-oqsma kollha; jilqa' l-bidu tan-negozjati għal ftehim ġdid li għandu jieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) skadut;

2.  Jieħu nota tar-rapport preliminari dwar l-osservazzjoni elettorali mill-OSKE/ODIHR, l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-PACE, li jgħid li l-elezzjonijiet parlamentari tal-15 ta' Jannar kienu teknikament organizzati u mmexxija tajjeb;

3.  Jilqa’ l-bidliet legali li saru matul dawn l-aħħar xhur bl-għan li jiġu introdotti iktar partiti li jistgħu jressqu kandidati għall-elezzjoni fil-parlament;

4.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-avvenimenti li seħħew fis-16 ta’ Diċembru 2011 fid-distrett ta’ Zhanaozen fejn mietu tal-inqas 16-il persuna u 110 oħra kienu feruti; jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jilqa' t-twaqqif ta' kummissjoni tal-gvern immexxija mill-ewwel viċi prim ministru biex tinvestiga dak li ġara b'mod objettiv u trasparenti:

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kazakistan biex jiżguraw il-proċess dovut tal-liġi għall-parteċipanti fl-irvellijiet u biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħhom;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Kazaki biex ikollhom djalogu miftuħ u kostruttiv mal-ħaddiema fl-industrija taż-żejt u jistidinhom isibu soluzzjoni xierqa;

7.  Jistieden lill-UE u b'mod partikolari lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin biex tirrapporta regolarment dwar l-iżviluppi lill-Parlament Ewropew;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lir-RGħ/VP, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Kazakistan u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.