MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP))
7.3.2012
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Marietje Schaake, Kristiina Ojuland, Alexander Graf Lambsdorff, Johannes Cornelis van Baalen, Graham Watson, Marielle de Sarnez f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0131/2012
B7‑0137/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2012/2550(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, irratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, irratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem E/CN.4/RES/2005/69 <http://ap.ohchr.org/documents/E/CHR/resolutions/E-CN_4-RES-2005-69.doc> li titlob lis-“Segretarju Ġenerali jaħtar rappreżentant speċjali dwar il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra ta’ kummerċ”,
– wara li kkunsidra r-rapport ta’ Awwissu 2011 tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-valutazzjoni ambjentali ta’ Ogoniland,
– wara li kkunsidra r-rapporti mill-Human Rights Watch, il-Grupp dwar Kriżijiet Internazzjonali u l-Christian Solidarity Worldwide dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-istabilità politika u etnika tan-Niġerja għandha riperkussjonijiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri tagħha, minħabba r-rwol mexxej tal-pajjiż fir-reġjun u fl-Afrika sub-Saħarjana b’mod ġenerali;
B. billi l-vjolenza interkomunitarja, settarja u politika ħalliet iktar minn 16,000 vittma minn meta ntemmet it-tmexxija militari fl-1999; billi, allegatament, il-forzi tas-sigurtà tal-gvern kienu involuti b’mod frekwenti f’abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom estorsjonijiet, arresti arbitrarji, torturi u qtil extraġudizzjarju;
C. billi s-sena l-oħra biss, l-episodji ta’ vjolenza fl-Istat ta’ Plateau wasslet għal iktar minn 350 mewt f’iktar minn 45 inċidenti separati; billi s-suldati u l-pulizija allegatament involuti fl-attakki vjolenti fil-villaġġi tal-Istat ta’ Plateau li wasslu għall-mewt ta’ 130 persuna, għad iridu jittellgħu il-qorti;
D. billi iktar minn 1000 persuna mietu fil-vjolenza li faqqet wara li tħabbru l-elezzjonijiet presidenzjali tas-sena l-oħra, li kien wieħed mill-konflitti l-iktar imdemmin li qatt seħħew. Billi skont l-International Crisis Group, l-elezzjonijiet kienu mtebba' bi “prattiki ħżiena, nuqqasijiet loġistiċi u inkonsistenzi proċedurali”;
E. billi l-politiki fil-livell lokali u statali li jiddiskriminaw kontra ċ-ċittadini “non-indigenes” – dawk li ma jistgħux jagħtu prova li l-antenati tagħhom kienu dawk li jingħad li kienu l-abitanti oriġinali tal-post, - ikomplu jaggravaw it-tensjonijiet interkomunitarji u jappofondixxu l-qsim abbażi tal-etniċità;
F. billi l-faqar estrem, il-korruzzjoni b’għeruq b’saħħtu, il-governanza ħażina u l-abbużi mifruxa tal-pulizija ħolqu ambjent fejn il-gruppi militanti jistanaw u jsibuha faċli jirreklutaw minn fost iż-żgħżagħ qiegħda tan-Niġerja;
G. billi l-Boko Haram, il-grupp militanti Iżlamista, stabbilit fl-2002 f'Maiduguri, wieħed mill-iktar stati foqra fil-Grigal tal-pajjiż, iddikkjara li kien responsabbli għal bombi u attakki li wasslu għal mewt ta’ 935 persuna;
H. Billi l-kampanja ta’ vjolenza tal-Boko Haram intensifikat fl-2009, wara l-mewt ta’ Mohammed Yusuf, il-kap tal-grupp, u tnax il-segwaċi ieħor waqt li kienu f’detenzjoni; billi, sabiex jivvendika ruħu mill-mewt tal-kap tiegħu, il-grupp prinċipalment ikollu fil-mira tiegħu l-forzi ta' sigurtà tal-gvern, iżda anke knejjes, moskej u imams li ma jaqblux mal-Boko Haram, politiċi, mexxejja tradizzjonali u membri ta’ gruppi etniċi differenti;
I. billi fl-2011, il-grupp beda juża qattiela suwiċidi bil-bombi u attakka l-bini tan-Nazzjonijiet Uniti f’Abuja fejn inqatlu 25 persuna u ġew feruti 100 oħra; billi fl-4 ta’ Novembru, waqt attakk ikkoordinat, il-Boko Haram wettaq attakki fuq għases tal-pulizija, banek u knejjes f’Borno u f’Yobe li wasslu għall-mewt ta’ 100 persuna; billi l-attakk ta’ Jannar 2012 f’Kano wassal għall-ogħla numru ta’ mwiet f’ġurnata waħda, meta nqatlu iktar minn 185 pulizija u residenti; billi fi Frar il-Boko Haram allegatament attakka moskeja f’Kano u nqatlu ħames persuni;
J. billi l-kwistjonijiet huma kkomplikati mill-fatt li l-Boko Haram apparentament inqasam fi tliet fazzjonijiet: wieħed għandu l-għan li jirrinunzja għall-vjolenza; ieħor jidher li jixtieq ikollu ftehim simili għal dak offrut lill-militanti tad-Delta tan-Niġer; filwaqt li l-fazzjoni l-iktar estrema tirrifjuta n-negozjati, u tixtieq timplimenta l-liġi tax-Xarija madwar in-Niġerja kollha;
K. billi l-militanti tad-Delta tan-Niġer iqisu ż-żieda fl-attakki vjolenti bħala tentattiv mill-militanti tan-naħa ta’ fuq biex idgħajfu u jxekklu l-presidenza attwali, li huma jappoġġaw, minħabba li l-President Goodluck Jonathan ġej miż-żona tagħhom;
L. billi, skont is-superstiti tal-attakki tal-Boko Haran, uħud mill-militanti ġejjin mill-pajjiżi tal-viċinat fosthom iċ-Ċad, il-Kamerun u n-Niġer;
M. billi b’reazzjoni għaż-żieda f’daqqa fil-vjolenza, il-President Goodluck Jonathan iddikjara stat ta’ emerġenza f’bosta stati fil-31 ta’ Diċembru 2011 u għalaq temporanjament il-fruntieri maċ-Ċad, il-Kamerun u n-Niġer; billi l-President ammetta li l-Boko Haram infiltra l-istituzzjonijiet tal-istat u l-forzi ta’ sigurtà filwaqt li uffiċjali korrotta allegatament ipprovdew lill-Boko Haram bl-armi;
N. billi l-gvern Niġerjan jonfoq madwar $8 biljun fis-sena fuq sussidji tal-fjuwil; billi f’pajjiżi mogħnija b’riżorsi u b’qasma kbira bejn is-sinjuri u l-foqra bħalma hi n-Niġerja, il-gass sussidjat huwa wieħed mill-ftit benefiċċji li jitħalla għaddej minn gvernijiet magħrufa għall-korruzzjoni li jiġġestjonaw ħażin il-profitti li jirriżultaw miż-żejt;
O. billi fil-bidu ta’ din is-sena, il-protesti pubbliċi vjolenti u l-istrajk ġenerali ta’ ġimgħa, ġiegħlu lill-President Goodluck Jonathan jerġa’ jdaħħal parzjalment is-sussidju tal-fjuwil; billi istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, bħall-Fond Monetarju Internazzjonali, jargumentaw li s-sussidji jgħawġu s-suq u jistgħu jintużaw aħjar għall-finanzjament tal-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u servizzi oħrajn;
P. billi l-ġestjoni ħażina u l-użu ħażin tar-riżorsi naturali vasti tal-pajjiż - prinċipalment iż-żejt - min-naħa tal-grupp elit fit-tmexxija għadhom għaddejjin bl-istess ritmu; billi, barra minn hekk, tixrid ta’ żejt wieħed wara l-ieħor minn operazzjonijiet taż-żejt multinazzjonali, sabotaġġ tal-pipelines, serq taż-żejt mhux raffinat u prattika mifruxa ta’ ħruq ta’ gass wasslu għal tniġġiż qawwi tad-delta tan-Niġer; billi skont rapport tan-NU, ir-restawr tal-ambjent ta’ Ogoniland, reġjun taż-żejt tan-Niġerja, jaf ikun l-eżerċizzju l-iktar wiesa' u fit-tul ta’ tindif miż-żejt tad-dinja, jekk l-ilma tax-xorb, l-art, il-qaliet u ekosistemi kkontaminati oħrajn kellhom jitreġġgħu lura għas-saħħa kompleta tagħhom;
Q. billi wara l-amnestija tal-2009, fejn bosta eluf ta’ nies, fosthom kmandanti militari, ċedew l-armi tagħhom fuq ħlasijiet ta’ flus kontanti, l-attakki fuq il-faċilitajiet taż-żejt naqsu b’mod sostanzjali, iżda għadu jsir ħtif fix-Xlokk tan-Niġerja u d-Delta tan-Niġer;
R. billi, il-Ministru għall-Affarijiet tan-Nisa u l-Iżvilupp Soċjali, Hajia Zainab Maina, tkellmet kontra l-frekwenza għolja ta’ stupru u vjolenza sesswali kontra n-nisa fil-pajjiż u ddikjarat li sabiex jiġi indirizzat dan l-iżvilupp preokkupanti, jeħtieġ li l-abbozz ta’ liġi proposta dwar il-“vjolenza kontra l-persuni” issir liġi;
S. billi skont il-kodiċi federali tan-Niġerja, l-imġiba omosesswali timplika sentenza sa 14-il sena ħabs, filwaqt li f'ċerti Stati fejn tiġi implimentata l-liġi tax-xarija, il-piena għall-imġiba omosesswali konsenswali bejn l-irġiel hija l-mewt filwaqt li fil-każ tan-nisa, hi ta' swat bil-frosta u sentenzi ta' sitt xhur ħabs; billi reċentement ġiet introdotta wkoll il-leġiżlazzjoni federali li tikkriminalizza ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess; billi l-assemblea nazzjonali f'żewġ okkażjonijiet ippruvat tintroduċi tali leġiżlazzjoni iżda ġiet imwaqqfa milli tagħmel dan minn attivisti internazzjonali u domestiċi tad-drittijiet tal-bniedem;
T. billi f’Mejju, il-Gvern Niġerjan introduċa l-att dwar l-Libertà tal-Informazzjoni li jiggarantixxi d-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess għar-rekords pubbliċi;
U. billi s-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti indipendenti jikkritikaw fil-miftuħ lill-gvern u joħolqu ambjent ta’ dibattitu politiku sod; billi madankollu, il-ġurnalisti għadhom suġġetti għal intimidazzjoni u arrest jekk jirrapportaw dwar każijiet li jinvolvu l-elit ekonomiku u politiku tal-pajjiż;
V. billi Osmond Ugwu u Raphael Elobuike, attivisti favur il-ħaddiema u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Niġerjani, qed jinżammu fil-Ħabs Federali ta' Enugu fix-Xlokk tan-Niġerja fuq akkużi ta' attentat ta' qtil ta' pulizija wara li ġew arrestati waqt dimostrazzjoni tal-ħaddiema fl-24 ta’ Ottubru 2011; billi skont Amnesty International u Human Rights Watch, ma hemm l-ebda evidenza fil-każ ta’ prosekuzzjoni kontihom;
1. Jikkundanna t-telf ta’ daqstant ħajjiet b'kawża tal-vjolenza interkomunitarja, settarja u politika u jagħti l-konduljanzi tiegħu lill-familji ta’ dawk li tilfu ħajjithom;
2. Jistieden lill-Gvern Niġerjan jieħu miżuri immedjati u effettivi sabiex iħares liċ-ċittadini tiegħu, itemm il-vjolenza, il-korruzzjoni mifruxa u l-impunità għal dawk li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jippromwovi b’mod attiv ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
3. Jenfasizza l-bżonn ta’ analiżi varjata tal-kawżi li jinsabu fl-għeruq tal-instabilità u t-tensjonijiet tan-Niġerja, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati spjegazzjonijiet simplistiċi bbażati biss fuq ir-reliġjon li mhumiex ta’ għajnuna u li ma jipprovdux l-elementi għal soluzzjoni fit-tul għall-problemi ta’ dan ir-reġjun;
4. Jistieden lill-Gvern Federali Niġerjan jieħu passi konkreti biex jappoġġa d-djalogu fost l-etniċitajiet u fost ir-reliġjonijiet u jinvestiga l-kawżi tal-episodji ta’ vjolenza l-iktar reċenti u jiżgura li l-awturi tal-atti ta’ vjolenza jinġiebu f'idejn il-ġustizzja b’mod ġust u trasparenti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja;
5. Iħeġġeġ lill-Gvern Federali Niġerjan jindirizza l-kwistjoni tal-fruntieri porużi tan-nazzjon flimkien mal-gvernijiet tal-pajjiżi tal-viċinat, bħall-Kamerun, in-Niġer u ċ-Ċad, minħabba li militanti minn dawn il-pajjiżi kienu involuti f’attakki vjolenti;
6. Jenfasizza l-urġenza li jiġu żvelati r-riżultati tal-investigazzjoni tal-vjolenza li seħħet wara l-elezzjoni, inklużi l-indentità ta’ dawk responsabbli u l-kawżi, u li ssir ħidma mal-gvernijiet statali, il-kunsilli lokali, il-mexxejja tradizzjonali u dawk reliġjużi, l-atturi nonstatali relevanti u l-personalitajiet lokali ewlenin sabiex jiġi evitat li jerġa’ jkun hemm il-vjolenza fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2015; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li dawk responsabbli għall-prattiki elettorali ħżiena jew għall-vjolenza ta’ wara l-elezzjoni, jittressqu l-qorti indipendentement mill-istatus soċjali tagħhom;
7. Jappella lill-awtoritajiet jindirizzaw l-ilmenti ġenwini taċ-ċittadini li jgħixu f’żoni fit-Tramuntana tal-pajjiż li huma ħafna iktar foqra minn xi stati iktar għonja fin-Nofsinhar u jipprijoritizzaw it-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ għajxien ħżiena tagħhom, filwaqt li ma jinsewx stati oħra bi problemi simili fin-Nofsinhar;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-kumpaniji barranin attivi fis-settur taż-żejt tan-Niġerja jgħinu t-tisħiħ tal-governanza billi jżidu t-trasparenza u r-responsabilità fis-settur tal-estrazzjoni, u jistieden lill-kumpaniji jimxu mal-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji tal-Estrazzjoni u jippubblikaw dak li jħallsu lill-gvern Niġerjan.
9. Jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet Niġerjani u l-kumpaniji multinazzjonali taż-żejt jagħmlu l-almu tagħhom biex itemmu l-kontaminazzjoni li għaddejja bħalissa, sabiex tiġi indirizzata l-ħsara ambjentali li rriżultat mit-tniġġiż taż-żejt;
10 Iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Niġerjani jiżguraw li l-abbozz ta’ liġi proposta dwar il-“vjolenza kontra l-persuni” issir liġi u jemmen li din se tkun strumentali biex titnaqqas ir-rata għolja ta’ vjolenza sesswali u ta’ atti oħra ta’ vjolenza kontra n-nisa;
11. Jilqa’ t-tentattiv biex titjieb it-trasparenza tal-gvern permezz tal-introduzzjoni tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni;
12. Jistieden lill-gvern jeħles lill-mexxej tal-union favur il-ħaddiema Osmond Ogwu u lill-membru tal-istess organizzazzjoni Raphael Elobuike minħabba nuqqas ta’ evidenza fil-każ ta’ prosekuzzjoni kontrihom;
13. Jitlob l-abolizzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali li tikkriminalizza l-omosesswalità, li f'ċerti każijiet tagħmilha punibbli bit-tħaġġir; jistieden lill-Parlament Niġerjan jabbanduna l-eżami min-naħa tiegħu tal-‘Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwieġ bejn Persuni tal-Istess Sess’, li, jekk ikun approvat, iqiegħed lill-persuni LGBT – kemm Niġerjani u kemm barranin – f'riskju serju ta' vjolenza u arrest; Ifakkar fl-oppożizzjoni kategorika tiegħu għall-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha u jitlob lill-gvern Niġerjan jabolixxiha;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill tal-UE u lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan (PAP).