Proċedura : 2011/2911(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0146/2012

Testi mressqa :

B7-0146/2012

Dibattiti :

PV 13/03/2012 - 16
CRE 13/03/2012 - 16

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2012 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0082

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 93k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0145/2012
7.3.2012
PE483.198v01-00
 
B7-0146/2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-indirizzar tal-epidemija tad-dijabete fl-UE


Sarah Ludford, Antonyia Parvanova, Frédérique Ries, Giommaria Uggias f’isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-indirizzar tal-edipemija tad-dijabete fl-UE  
B7‑0000/2012

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat ta' Lisbona,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent dwar il-Kura u r-Riċerka tad-Dijabete fl-Ewropa, adottata waqt l-ewwel laqgħa tal-Programm ta' Azzjoni dwar id-Dijabete tad-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent, li saret f'Saint Vincent bejn l-10 u t-12 ta' Ottubru 1989,

–       wara li kkunsidra l-ħolqien mill-Kummisjoni ta' Pjattaforma tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa fil-15 ta' Marzu 2005,

–       wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2005 dwar "“Il-promozzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa u tal-attività fiżika: Dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-ħxuna, l-obeżità u l-mard kroniku”, li tindirizza d-determinanti abbażi tagħhom tiżviluppa d-dijabete tat-Tip 2,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenza Awstrijaka "Il-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2", li saret fil-15u s-16 ta' Frar 2006 fi Vjenna,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2006 dwar id-dijabete,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar "Il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2",

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-11 ta' Settembru 2006 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx fir-reġjun Ewropew tad-WHO,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Jannar 2007 dwar il-Jum Dinji tad-Dijabete,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013), u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2011 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-azzjonijiet ta' dan il-programm,

–       wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 "Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013",

–       wara li kkunsidra s-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka (2207-2013) u Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 dwar "Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE",

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Mejju 2010 dwar "Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx",

 

–       wara li kkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-proġett FP7-HEALTH-200701 "DIAMAP – Pjan direzzjonali għar-riċerka dwar id-dijabete fl-Ewropa",

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni", u s-sħubija pilota tagħha dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu,

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar "Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa",

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni dwar il-Modalitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2010,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Moska adottata matul l-Ewwel Konferenza Ministerjali Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istili ta' Ħajja Tajbin għas-Saħħa u l-Kontroll tal-Mard li ma Jitteħidx, li saret f'Moska fit-28 u d-29 ta' April 2011,

–       wara li kkunsidra s-Samit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-mard li ma jitteħidx li sar f'Settembru 2011,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha bil-quddiem għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi d-dijabete hija waħda mill-iktar mard komuni li ma jitteħidx, stmata li taffettwa iktar minn 32 miljun ċittadin tal-UE, li jirrappreżentaw kważi 10 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE, bi 32 miljun ċittadin ieħor li jsofru minn intolleranza għall-glukożju u bi probabilità kbira ħafna li tevolvi f'dijabete klinika ċara;

B.     billi d-dijabete tat-Tip 2 tnaqqas l-istennija tal-ħajja b'bejn 5 u 10 snin u d-dijabete tat-Tip 1 tnaqqas l-istennija tal-ħajja b'madwar 20 sena, filwaqt li 325 000 mewt fis-sena huma attribwiti lid-dijabete fl-UE, jiġifieri ċittadin tal-UE kull żewġ minuti;

C.     billi t-tnaqqis tal-fatturi ta' riskju identifikati, l-iktar id-drawwiet marbuta mal-istil ta' ħajja, huwa dejjem aktar rikonoxxut bħala strateġija ewlenija ta' prevenzjoni li tista' tnaqqas l-inċidenza, il-prevalenza u l-kumplikazzjonijiet kemm għad-dijabete tat-Tip 1 kif ukoll għal dik tat-Tip 2;

D.     billi għadha meħtieġa riċerka biex jiġu identifikati b'mod ċar il-fatturi ta' riskju għad-dijabete tat-Tip 1, billi qed issir riċerka dwar il-predispożizzjoni ġenetika u billi d-dijabete tat-Tip 1 qed tiżviluppa dejjem aktar f'età żgħira;

E.     billi d-dijabete tat-Tip 2 hija marda li tista' tiġi evitata u li l-fatturi ta' riskju għaliha - bħal dieta fqira u mhux ibbilanċjata, l-obeżità, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-konsum tal-alkoħol - ġew identifikati b'mod ċar u jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' strateġiji effikaċi ta' prevenzjoni;

F.     billi għalissa għad m'hemmx kura għad-dijabete;

G.     billi l-komplikazzjonijiet tad-dijabete tat-Tip 2 jistgħu jiġu evitati permezz ta' dijanjosi bikrija u l-promozzjoni ta' stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, iżda ta' spiss qed issir dijanjosi tiegħu tard wisq peress li sa 50 % tal-persuni kollha bid-dijabete bħalissa mhumiex konxji bil-kundizzjoni tagħhom;

H.     billi sa 75 % tal-persuni kollha li għandhom id-dijabete mhumiex f'kontroll tajjeb tal-kundizzjoni tagħhom, ħaġa li twassal għal riskju akbar ta' komplikazzjonijiet, telf ta' produttività u kostijiet għas-soċjetà;

I.      billi n-numru ta' persuni li qed jgħixu bid-dijabete fl-Ewropa huwa mistenni jiżdied b'16.6 % sal-2030, konsegwenza tal-epidemija tal-obeżità, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea u fatturi oħrajn li għad iridu jiġu ddeterminati;

J.      billi f'ħafna Stati Membri d-dijabete hija responsabbli għal iktar minn 10 % tal-infiq għall-kura tas-saħħa, ċifra li xi kultant titla' sa 18.5 %, u l-ispiża ġenerali għall-kura tas-saħħa għal ċittadin tal-UE bid-dijabete hija bħala medja EUR 2 100 fis-sena, u billi dawn l-ispejjeż inevitabbilment se jiżdiedu meta jitqies in-numru ta' nies bid-dijabete, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u ż-żieda assoċjata fil-komorbożitajiet multipli;

K.     billi d-dijabete hija kawża ewlenija tal-attakki tal-qalb, il-puplesiji, l-għama, l-amputazzjoni u l-insuffiċjenza renali jekk tiġi trattata ħażin jew id-dijanjosi tagħha ssir tard wisq;

L.     billi l-promozzjoni ta' stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa u l-indirizzar tal-erba' determinanti ewlenin tas-saħħa - it-tabakk, dieta fqira, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-alkoħol - fl-oqsma kollha tal-polika jistgħu jikkontribwixxu sew għall-prevenzjoni tad-dijabete, tal-kumplikazzjonijiet tagħha u tal-kostijiet ekonomiċi u soċjali tagħha;

M.    billi l-persuni li qed jgħixu bid-dijabete għandhom jipprovdu 95 % tal-kura tagħhom stess, u billi l-piż tad-dijabete fuq l-individwi u l-familji tagħhom mhuwiex biss finanzjarju, iżda jinvolvi wkoll kwistjonijiet psikosoċjali u kwalità ta' ħajja iktar fqira;

N.     billi 14 biss minn 27 Stat Membru għandhom qafas jew programm nazzjonali fis-seħħ biex tiġi indirizzata d-dijabete, u ma teżisti l-ebda stampa ċara ta' x'inhu programm tajjeb jew liema huma l-pajjiżi tal-aħjar prattika, u billi hemm differenzi u inugwaljanzi konsiderevoli fil-kwalità tat-trattament tad-dijabete fl-UE;

O.     billi ma jeżisti l-ebda qafas legali tal-UE għad-diskriminazzjoni kontra l-persuni li jbatu mid-dijabete jew minn mard kroniku ieħor, u l-preġudizzju kontra dawk li jbatu minn dan il-mard għad għandu rwol kbir fl-iskejjel, fir-reklutaġġ, fil-postijiet tax-xogħol, fil-poloz tal-assikurazzjoni u fil-valutazzjoni għal liċenzji tas-sewqan fl-UE kollha;

P.     billi hemm nuqqas ta' finanzjament u infrastruttura biex tiġi kkoordinata r-riċerka dwar id-dijabete fl-UE, ħaġa li qed ikollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tar-riċerka tal-UE dwar id-dijabete u li qed tipprevjeni lill-persuni li għandhom id-dijabete milli jibbenefikaw għalkollox mir-riċerka fl-Ewropa;

Q.     billi bħalissa m'hemm l-ebda strateġija Ewropea biex tiġi indirizzata d-dijabete minkejja l-Konlużjonijiet tal-Kunsill tal-Presidenza Awstrijaka dwar "Il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2", lista estensiva ta' Riżluzzjonijiet tan-NU u d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew dwar id-dijabete;

1.      Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa" u t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jibdew proċess ta' riflessjoni mmirat lejn l-ottimizzazzjoni tar-reazzjoni għall-isfidi tal-mard kroniku;

2.      Jilqa' r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha bil-quddiem għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx li tiffoka fuq id-dijabete bħala waħda mill-erba' mardiet ewlenin li ma jitteħdux;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta Strateġija mmirata tal-UE għad-Dijabete fil-forma ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar il-prevenzjoni, id-dijanjosi, il-ġestjoni, l-edukazzjoni u riċerka tad-dijabete;

4.      Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u jimmoniterjaw programmi nazzjonali dwar id-dijabete mmirati lejn il-promozzjoni tas-saħħa, it-tnaqqis, it-tbassir u l-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju, id-dijanjosi bikrija u t-trattament tad-dijabete, intenzjonati għall-popolazzjoni kollha kif ukoll għal gruppi li jinsabu f'riskju għoli b'mod partikulari u bl-għan li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jottimizzaw ir-riżorsi tal-kura tas-saħħa filwaqt li jadottaw approċċ personalizzat meta meħtieġ;

5.      Jistieden lill-Istati Membri jinkludu programmi tal-kontroll tas-saħħa fil-programmi nazzjonali tagħhom dwar id-dijabete, li jippromwovu l-prevenzjoni u d-dijanjosi bikrija bħala oqsma ewlenin ta' azzjoni;

6.      Jirrakkomanda li l-istrateġiji ta' prevenzjoni fir-rigward tad-dijabete jiġu implimentati minn età bikrija; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied l-attività edukattiva rigward drawwiet ta' dieta tajba għas-saħħa u ta' attività fiżika fl-iskejjel;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-progress b'mod kontinwu fl-UE kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-programmi nazzjonali tagħhom dwar id-dijabete, inklużi l-prevenzjoni u d-dijanjosi bikrija, u tippreżenta r-riżultati kull sentejn fil-forma ta' rapport tal-Kummissjoni;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri billi tagħti ħarsa ġenerali regolari tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' x'ikunu programmi nazzjonali tajbin dwar id-dijabete;

9.      Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji ta' intervent rigward l-istili ta' ħajja inklużi approċċi għad-dieta u l-eżerċizzju biex jipprevjenu d-dijabete tat-Tip 2 u l-obeżità; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li l-politiki relatati mal-ikel jiġu allinjati mal-objettiv li tiġi promossa dieta tajba għas-saħħa u li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u tajbin għas-saħħa;

10.    Jistieden lill-Istati Membri jorbtu d-dijanjosi bikrija ma' kampanji ta' prevenzjoni bbażati fuq l-edukazzjoni mmirati għall-iskejjel primarji u sekondarji, il-ħaddiema u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa;

11.    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' ġestjoni tal-mard ibbażati fuq l-aħjar prattiki u linji gwida għal trattament ibbażat fuq l-evidenza, li għandhom jissarrfu fid-dettalji tal-prijoritajiet personali li jkun hemm qbil reċiproku dwarhom għal kull individwu li jkun qed jgħix bid-dijabete;

12.    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess kontinwu tal-pazjenti f'kura primarja u sekondarja għal timijiet interdixxiplinari, trattamenti tad-dijabete u teknoloġiji ta' kwalità għolja, inklużi teknoloġiji tas-saħħa elettronika, u biex jappoġġaw lill-pazjenti fil-ksib u ż-żamma tal-ħiliet u l-fehim meħtieġa biex ikollhom awtoġestjoni kompetenti tul il-ħajja kollha;

13.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkoordinaw u jiġbru, jirreġistraw, jimmoniterjaw u jimmaniġġjaw regolarment data epidemoloġika komprensiva dwar id-dijabete bbażata fuq il-kostijiet diretti u indiretti tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-dijabete;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete billi jħeġġu l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej u l-industriji kif ukoll l-aġenziji ta' finanzjament pubbliċi u privati, u joħolqu infrastrutturi komuni li jiffaċilitaw l-isforzi tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete, anke fl-oqsma tal-identifikazzjoni u tal-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-appoġġ kontinwu għall-finanzjament tad-dijabete taħt il-Programmi Qafas għar-Riċerka tal-UE kurrenti u futuri, filwaqt li jqisu li d-dijabete tat-Tip 1 hija marda differenti minn dik tat-Tip 2;

16.    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw is-segwitu xieraq u adegwat għar-riżultati tas-Samit tan-NU dwar il-Mard li ma Jitteħidx f'Settembru 2011;

17.    Ifakkar fl-importanza li l-UE u l-Istati Membri jintegraw aktar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-fatturi ta' riskju fl-oqsma leġiżlattivi u ta' politika kollha u b'mod partikolari fil-politiki tal-ambjent, tal-ikel u tal-konsumatur tagħhom, sabiex jiġu implimentati l-objettivi marbutin mal-mard li ma jitteħidx u biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-saħħa pubblika, soċjali u ekonomiċi;

18.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza