Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0147/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0147/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-indirizzar tal-epidemija tad-dijabete fl-UE

5.3.2012

għeluq tad-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Simon Busuttil u Radvilė MORKŪNAITĖ-MIKULĖNIENĖ f’isem il-grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0145/2012

Proċedura : 2011/2911(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0147/2012
Testi mressqa :
B7-0147/2012
Testi adottati :

B7‑0147/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Indirizzar tal-Istrateġija tal-UE għad-Dijabete

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat ta' Lisbona,

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent dwar il-Kura u r-Riċerka tad-Dijabete fl-Ewropa, adottata waqt l-ewwel laqgħa tal-Programm ta' Azzjoni dwar id-Dijabete tad-Dikjarazzjoni ta' Saint Vincent, li saret f'Saint Vincent bejn l-10 u t-12 ta' Ottubru 1989[1],

 wara li kkunsidra l-ħolqien mill-Kummisjoni ta' Pjattaforma tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa fil-15 ta' Marzu 2005[2],

 wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2005 dwar "Il-promozzjoni ta’ dieta tajba għas-saħħa u tal-attività fiżika: Dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-ħxuna, l-obeżità u l-mard kroniku", li tindirizza d-determinanti li fuqhom huwa bbażat il-bidu tad-dijabete tat-Tip 2[3],

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenza Awstrijaka "Il-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2", li saret fil-15 u s-16 ta' Frar 2006 fi Vjenna[4],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' April 2006 dwar id-dijabete[5],

 wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar "Il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2"[6],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-11 ta' Settembru 2006 dwar "il-Prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li ma jitteħidx fir-reġjun Ewropew tal-WHO"[7],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Jannar 2007 dwar il-"Jum Dinji tad-Dijabete"[8],

 wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)[9], u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2011 dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-azzjonijiet ta' dan il-programm[10],

 wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar "Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013"[11],

 wara li kkunsidra s-Seba' Programm Kwadru għall-attività ta' riċerka (2007-2013)[12] u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020[13],

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 dwar "Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE"[14],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Jannar 2007 dwar "Il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx"[15],

 wara li kkunsidra r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-proġett FP7-HEALTH-200701 "DIAMAP – Pjan Direzzjonali għar-Riċerka dwar id-Dijabete fl-Ewropa"[16],

 wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Inizjattiva emblemika Europa 2020 – Unjoni innovattiva", u s-sħubija pilota tagħha dwar it-tixjiħ attiv u san[17],

 wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar "Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa"[18],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni dwar il-Modalitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2010[19],

 wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Moska adottata matul l-Ewwel Konferenza Ministerjali Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istili tal-Ħajja Sani u l-Kontroll tal-Mard li ma Jitteħidx, li saret f'Moska fit-28 u d-29 ta' April 2011[20],

 wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-impenn tagħha għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ma jitteħidx li tiffoka fuq id-dijabete bħala wieħed mill-erba' mardiet ewlenin li ma jitteħdux[21],

 wara li kkunsidra s-Samit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Mard li ma Jitteħidx li sar f'Settembru 2011,

 wara li kkunsidra l-Artikolu 120 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi d-dijabete hija waħda mill-iktar mard komuni li ma jitteħidx, stmata li taffettwa iktar minn 32 miljun ċittadin tal-UE, ammont li jirrappreżenta kważi 10% tal-popolazzjoni kollha tal-UE, bi 32 miljun ċittadin ieħor li jsofru minn tolleranza mnaqqsa għall-glukożju u bi probabilità kbira ħafna li din twassal għal dijabete li tkun tidher b'mod kliniku[22];

B. billi d-dijabete tat-Tip 2 tnaqqas l-istennija tal-ħajja b'bejn 5 u 10 snin[23] u d-dijabete tat-Tip 1 tnaqqas l-istennija tal-ħajja b'madwar 20 sena[24], filwaqt li 325,000 mewt fis-sena huma attribwiti lid-dijabete fl-UE[25], jiġifieri ċittadin tal-UE kull żewġ minuti;

C. billi t-tnaqqis tal-fatturi ta' riskju identifikati, l-iktar id-drawwiet tal-istil tal-ħajja, huwa dejjem aktar rikonoxxut bħala strateġija ewlenija ta' prevenzjoni li tista' tnaqqas l-inċidenza, il-prevalenza u l-kumplikazzjonijiet kemm għad-dijabete tat-Tip 1 kif ukoll għal dik tat-Tip 2;

D. billi għadha meħtieġa riċerka biex jiġu identifikati b'mod ċar il-fatturi ta' riskju għad-dijabete tat-Tip 1, filwaqt li qed issir riċerka dwar il-predispożizzjoni ġenetika u d-dijabete tat-Tip 1 tinqabad f'età dejjem iktar żgħira;

E. billi d-dijabete tat-Tip 2 hija marda li tista' tiġi evitata u li l-fatturi ta' riskju għaliha –bħal dieta fqira u mhux ibbilanċjata, l-obeżità, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-konsum tal-alkoħol – ġew identifikati b'mod ċar u jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' strateġiji effikaċi ta' prevenzjoni;

F. billi għalissa għad m'hemm ebda kura għad-dijabete,

G. billi l-kumplikazzjonijiet tad-dijabete tat-Tip 2 jistgħu jiġu evitati permezz ta' dijanjosi bikrija u l-promozzjoni ta' stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, iżda ta' spiss qed issir dijanjosi tiegħu tard wisq peress li sa 50 % tal-persuni kollha bid-dijabete bħalissa mhumiex konxji tal-kundizzjoni tagħhom;

H. billi sa 75% tal-persuni kollha li għandhom id-dijabete mhumiex f'kontroll tajjeb tal-kundizzjoni tagħhom, ħaġa li twassal għal riskju akbar ta' komplikazzjonijiet, telf ta' produttività u kostijiet għas-soċjetà[26];

I. billi n-numru ta' persuni li qed jgħixu bid-dijabete fl-Ewropa huwa mistenni jiżdied b'16.6% sal-2030, konsegwenza tal-epidemija tal-obeżità, it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea u fatturi oħrajn li għad iridu jiġu ddeterminati,

J. billi f'ħafna Stati Membri d-dijabete hija responsabbli għal iktar minn 10% tal-infiq għall-kura tas-saħħa, ċifra li xi kultant titla' sa 18.5%, u l-ispiża ġenerali għall-kura tas-saħħa għal ċittadin tal-UE bid-dijabete hija bħala medja EUR2100 fis-sena[27], u billi dawn l-ispejjeż inevitabbilment se jiżdiedu meta jitqies in-numru ta' nies bid-dijabete, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u ż-żieda assoċjata fil-komorbożitajiet multipli;

K. billi d-dijabete hija kawża prinċipali ta' attakki tal-qalb, attakki ta' puplesija, agħma, amputazzjoni u problemi bil-kliewi, jekk dik ma tiġix trattata kif suppost jew djanjostikata tard wisq,

L. billi l-promozzjoni ta' stili tal-ħajja sani u l-indirizzar tal-erba' fatturi prinċipali li huma ta' detriment għas-saħħa – it-tabakk, dieta ħażina, in-nuqqas ta' attività fiżika u l-alkoħol – fl-oqsma politiki kollha jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-prevezjoni tad-dijabate, il-kumplikazzjonijiet tagħha u l-kostijiet ekonomiċi u soċjali tagħha,

M. billi l-persuni li qed jgħixu bid-dijabete għandhom jipprovdu 95% tal-kura tagħhom stess[28], u billi l-piż tad-dijabete fuq l-individwi u l-familji tagħhom mhuwiex biss finanzjarju, iżda jinvolvi wkoll kwistjonijiet psikosoċjali u kwalità ta' ħajja iktar fqira;

N. billi 16 biss minn 27 Stat Membru għandhom qafas jew programm nazzjonali fis-seħħ biex tiġi indirizzata d-dijabete, u ma teżisti l-ebda stampa ċara ta' x'inhu programm tajjeb jew liema huma l-pajjiżi bl-aħjar prattika[29], u billi hemm differenzi u inugwaljanzi konsiderevoli fil-kwalità tat-trattament tad-dijabete fl-UE;

O. billi ma jeżisti l-ebda qafas legali tal-UE għad-diskriminazzjoni kontra l-persuni li jbatu mid-dijabete jew minn mard kroniku ieħor, u l-preġudizzju kontra dawk li jbatu minn dan il-mard għad għandu rwol kbir fl-iskejjel, fir-reklutaġġ, fil-postijiet tax-xogħol, fil-poloz tal-assikurazzjoni u fil-valutazzjoni għal liċenzji tas-sewqan fl-UE kollha;

P. billi hemm nuqqas ta' finanzjament u infrastruttura biex tiġi kkoordinata r-riċerka dwar id-dijabete fl-UE, ħaġa li qed ikollha impatt negattiv fuq il-kompetittività tar-riċerka tal-UE dwar id-dijabete u li qed tipprevjeni lill-persuni li għandhom id-dijabete milli jibbenefikaw għalkollox mir-riċerka fl-Ewropa,

Q. billi bħalissa m'hemm l-ebda strateġija Ewropea biex tiġi indirizzata d-dijabete minkejja l-Konlużjonijiet tal-Kunsill tal-Presidenza Awstrijaka dwar "Il-promozzjoni ta' stili ta' ħajja li huma tajbin għas-saħħa u l-prevenzjoni tad-dijabete tat-Tip 2"[30], lista estensiva ta' Riżoluzzjonijiet tan-NU u d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew dwar id-dijabete;

1.  Jilqa' l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-sistemi tas-saħħa pubblika u ta' kura tas-saħħa"[31] u t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jibdew proċess ta' riflessjoni mmirat lejn l-ottimizzazzjoni tar-reazzjoni għall-isfidi tal-mard kroniku;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta Strateġija tal-UE għad-Dijabete fil-forma ta' Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar il-prevenzjoni, id-djanjosi, il-ġestjoni, l-edukazzjoni u riċerka tad-dijabete,

3.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u jimmoniterjaw Programmi Nazzjonali dwar id-Dijabete mmirati lejn il-promozzjoni tas-saħħa, it-tnaqqis, it-tbassir u l-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju, id-djanjosi bikrija u t-trattament tad-dijabete, intenzjonati għall-popolazzjoni kollha kif ukoll b'mod partikulari għal gruppi li jinsabu f'riskju għoli u bl-għan li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jottimizzaw ir-riżorsi tal-kura tas-saħħa filwaqt li jadottaw approċċ personalizzat meta meħtieġ;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu programmi tal-kontroll tas-saħħa fil-Programmi Nazzjonali tagħhom dwar id-Dijabete, li jippromwovu l-prevenzjoni u d-djanjosi bikrija bħala oqsma ewlenin ta' azzjoni;

5.  Jirrakkomanda li l-istrateġiji ta' prevenzjoni fir-rigward tad-dijabete jiġu implimentati minn età bikrija; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-provviżjoni ta' edukazzjoni dwar drawwiet ta' dieta b'saħħitha u ta' attività fiżika fl-iskejjel;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-progress b'mod kontinwu fl-UE kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-Programmi Nazzjonali tagħhom dwar id-Dijabete, inklużi l-prevenzjoni u d-dijanjosi bikrija, u tippreżenta r-riżultati kull sentejn fil-forma ta' rapport tal-Kummissjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri billi tagħti ħarsa ġenerali regolari tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' x'ikunu Programmi Nazzjonali tajbin dwar id-Dijabete;

8.   Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji ta' intervent rigward l-istili ta' ħajja inklużi approċċi għad-dieta u l-eżerċizzju biex jipprevjenu d-dijabete tat-Tip 2 u l-obeżità; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li l-politiki relatati mal-ikel jiġu allinjati mal-objettiv li tiġi promossa dieta tajba għas-saħħa u li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u tajbin għas-saħħa;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jorbtu d-dijanjosi bikrija ma' kampanji ta' prevenzjoni bbażati fuq l-edukazzjoni mmirati għall-iskejjel primarji u sekondarji, il-ħaddiema u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa;

10. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' ġestjoni tal-mard ibbażati fuq l-aħjar prattiki u linji gwida għal trattament ibbażat fuq l-evidenza, li għandhom jissarrfu fid-dettalji tal-prijoritajiet personali li jkun hemm qbil reċiproku dwarhom għal kull individwu li jkun qed jgħix bid-dijabete;

11. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess kontinwu għall-pazjenti tal-kura primarja u sekondarja għal timijiet interdixxiplinari, trattamenti tad-dijabete u teknoloġiji ta' kwalità għolja, inklużi teknoloġiji tas-saħħa elettronika, u biex jappoġġaw lill-pazjenti fil-ksib u ż-żamma tal-ħiliet u l-fehim meħtieġa biex ikollhom awtoġestjoni kompetenti tul il-ħajja kollha;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex jikkoordinaw, jiġbru, jirreġistraw, jimmoniterjaw u jiġġestixxu b'mod regolari d-data epidemjoloġika komprensiva dwar id-dijabete bbażata fuq kriterji komuni ta' kejl u data ekonomika dwar il-kostijiet diretti u indiretti tal-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-dijabete;

13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete billi jħeġġu l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-industriji Ewropej kif ukoll l-aġenziji tal-iffinanzjar pubbliċi u privati, u joħolqu infrastrutturi ġenerali komuni li jiffaċilitaw l-isforzi tar-riċerka Ewropea dwar id-dijabete, anke fl-oqsma tal-identifikazzjoni u tal-prevenzjoni tal-fatturi ta' riskju;

14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-appoġġ kontinwu għall-finanzjament tad-dijabete taħt il-Programmi Qafas għar-Riċerka tal-UE kurrenti u futuri, filwaqt li jqis li d-dijabete tat-Tip 1 hija marda differenti minn dik tat-Tip 2;

15. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jiżguraw is-segwitu xieraq u adegwat għar-riżultati tas-Samit tan-NU dwar il-Mard li ma Jitteħidx f'Settembru 2011

16. Ifakkar fl-importanza li l-UE u l-Istati Membri jintegraw aktar il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' fatturi ta' riskju fl-oqsma leġiżlattivi u ta' politika relevanti kollha u b'mod partikolari fil-politiki tal-ambjent, tal-ikel u tal-konsumatur tagħhom, sabiex jiġu implimentati l-objettivi marbutin mal-mard li ma jitteħidx u biex jiġu indirizzati l-isfidi għas-saħħa pubblika, soċjali u ekonomiċi;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-parlamenti tal-Istati Membri.