Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0152/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0152/2012

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))

    12.3.2012

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Marije Cornelissen f'isem il-Grupp Verts/ALE

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0152/2012

    Proċedura : 2012/2554(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0152/2012
    Testi mressqa :
    B7-0152/2012
    Dibattiti :
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B7‑0152/2012

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 2, 3, 4, 9, 10, 18, 19, 20, 21, 26, 45, 49, 56, 67, 83 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

    –   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika,

    –   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Reding dwar is-sit tal-PVV tal-11 ta' Frar 2012,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A. billi, fil-bidu ta' Frar, il-Partit għal-Libertà (PVV) Olandiż nieda 'hotline' fuq l-internet 'Meldpunt Midden en Oost Europeanen', fejn talab lin-nies jirrapportaw ilmenti li joriġinaw mill-'migrazzjoni massiva ta' ħaddiema' ta' 'ċittadini mill-Ewropa Ċentrali jew tal-Lvant', b'mod partikolari ta' Pollakki, Rumeni u Bulgari; billi n-nies qed jintalbu, b'mod partikolari, jekk esperjenzawx xi problemi f'termini ta' mġiba antisoċjali u jekk tilfux l-impjiegi tagħhom minħabba wieħed minn dawk iċ-ċittadini;

    B.  billi l-moviment liberu taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea huwa mħaddan fl-Artikolu 21 tat-TFUE, u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea huwa mħaddan fl-Artikolu 45 tat-TFUE;

    C. billi d-dritt għal protezzjoni mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' ċittadinanza huwa mħaddan fl-Artikolu 18 tat-TFUE, u l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika hija mħaddna fl-Artikolu 10 tat-TFUE;

    D. billi d-dritt għal-libertà tal-ħsieb huwa mħaddan fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa mħaddan fl-Artikolu 11 tiegħu;

    E.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE, u fuq ir-rispett inekwivoku għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif imħaddan fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEDB;

    F.  billi l-Istati Membri għandhom obbligu fil-konfront taċ-ċittadini kollha tal-UE li jiżguraw li ma jiġux iddiskriminati jew stigmatizzati meta jgħixu u jaħdmu madwar l-Ewropa;

    G. billi l-'hotline' tal-PVV tinċita apertament għad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema tal-Unjoni Ewropea minn pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u qed toħloq firdiet bejn komunitajiet fis-soċjetà Olandiża;

    H. billi s-sit tal-PVV jipperikola l-moviment liberu tal-persuni u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, abbażi tad-Direttiva 2004/38/KE u l-Artikoli tat-Trattati rilevanti;

    I.   billi l-Gvern Olandiż iffirma ftehim ta' appoġġ parlamentari mal-PVV u għalhekk jista' jkollu maġġoranza fil-Parlament Olandiż;

    J.   billi sal-lum il-Gvern Olandiż ma kkundannax formalment il-'hotline' tal-PVV;

    1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sit imniedi mill-PVV, billi jmur kontra l-valuri fundamentali Ewropej tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jista' jeqred il-bażi tal-Unjoni, li hija l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-libertà tal-moviment;

    2.  Iqis il-'hotline' tal-PVV bħala inizjattiva malintenzjonata bl-għan li toħloq firdiet fis-soċjetà u li jinkiseb vantaġġ politiku għad-detriment ta' ħaddiema mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

    3.  Jisħaq fuq l-obbligu tal-Gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxu d-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tan-nondiskriminazzjoni; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Gvern Olandiż jikkundannaw formalment il-'hotline' tal-PVV billi tipperikola dawk id-drittijiet u hija affront għall-valuri u l-prinċipji Ewropej;

    4.  Jistieden lill-awtoritajiet Olandiżi u lill-Kummissjoni Olandiża għat-Trattament Ugwali jinvestigaw jekk din l-inizjattiva kkontribwietx għall-inċitament għall-mibegħda;

    5.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk din l-inizjattiva hijiex kompatibbli mal-ispirtu u l-ittra tad-dritt Ewropew, b'mod partikolari rigward il-moviment liberu u n-nondiskriminazzjoni;

    6.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE billi jagħtu segwitu lit-talbiet li saru mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

    7.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jeżaminaw id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija b'urġenza sabiex iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tagħha bl-għan li ssir aktar effikaċi fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' razziżmu u ksenofobija;

    8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.