MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))
12.3.2012
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Manfred Weber, Marian-Jean Marinescu, Simon Busuttil, Theodor Dumitru Stolojan, Andrey Kovatchev, Sebastian Valentin Bodu, Arkadiusz Tomasz Bratkowski, Iliana Ivanova, Lena Kolarska-Bobińska, Mariya Nedelcheva, Jacek Protasiewicz, Csaba Sógor, Tadeusz Zwiefka, Joanna Katarzyna Skrzydlewska f'isem il-Grupp PPE-DE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0152/2012
B7‑0154/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha kif stabbilit fl-Artikolu 1, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kif hemm imnaqqax fl-Artikolu 21 u l-libertà tal-moviment u r-residenza kif hemm stabbilit fl-Artikolu 45,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u tal-moviment liberu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità,
– wara li kkunsidra l-ittra miftuħa mingħand l-ambaxxaturi ta’ għaxar Stati Membri tal-UE (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija) lir-Renju tal-Pajjiżi Baxxi, bid-data tat-13 ta’ Frar 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fit-8 ta’ Frar 2012 il-Partit tal-Libertà ultralemini Olandiż (Partij voor de Vrijheid, PVV), immexxi minn Geert Wilders, vara websajt li tistieden lil dawk ta’ nazzjonalità Olandiża iressqu l-ilmenti anonimi tagħhom dwar problemi allegatament ikkawżati minn ċittadini Ewropej li huma ġejjin minn Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Ewropa tal-Lvant, li jgħixu u jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi (Meldpunt Midden en Oost Europeanen);
B. billi l-ambaxxaturi ta' għaxar pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Ewropa tal-Lvant fil-Pajjiżi l-Baxxi oġġezzjonaw bis-saħħa għall-websajt, filwaqt li ddikjaraw li ‘din tħeġġeġ il-perċezzjoni negattiva ta' grupp partikolari ta' ċittadini tal-UE fi ħdan is-soċjetà Olandiża’;
C. billi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inkluż għal raġunijiet ta’ nazzjonalità, hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-UE, kif hemm imnaqqax fit-Trattati;
D. billi t-tixwix pubbliku għad-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon jew oriġini nazzjonalità jew etnika, vjolenza jew mibegħda razzjali jikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali tal-UE u għalhekk jista’ jkun ikkastigat skont il-liġi kriminali tal-Istati Membri.
E. billi d-dritt taċ-ċittadini tal-UE għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u l-mezzi tax-xandir huma drittijiet fundamentali tal-UE li jridu jiġu rispettati mill-Istati Membri, imma li jilħqu l-limiti tagħhom kulfejn jiksru d-drittijiet fundamentali ta’ ċittadini oħra;
F. billi t-tħeġġiġ mhux ġustifikat tad-diskriminazzjoni u l-ksenofobija jista’ potenzjalment jinbidel fi problema kbira fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari bejn is-soċjetà ċivili fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Ewropa tal-Lvant u s-soċjetà ċivili Olandiża;
G. billi ċ-ċittadini tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa Ċentrali ġew esposti għal atti ta’ vjolenza fiżika u tipi oħra ta’ fastidju;
H. billi, skont l-aħħar studji mwettqa mill-Università Erasmus f'Rotterdam[1], il-ħaddiema migranti mill-Ewropa Ċentrali u mill-Ewropa tal-Lvant qed jagħtu kontribut sinifikanti għall-ekonomija Olandiża u għas-suq tax-xogħol Olandiż;
I. billi l-impetu mogħti mill-politika tal-Gvern Olandiż lill-integrazzjoni Ewropea naqas b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar snin, kif intwera mill-pożizzjoni tal-Gvern Olandiż attwali dwar kwestjonijiet bħat-tkabbir taż-żona ta' Schengen, il-liberalizzazzjoni tal-viża u l-ftuħ tas-swieq tax-xogħol;
J. billi l-gvern tal-Prim Ministru Olandiż Rutte huwa appoġġjat fil-Parlament Olandiż mill-Partit tal-Libertà (PVV); billi s-Sur Rutte naqas milli jiddenunzja dan l-inċident ta’ natura diskriminatorja u ksenofobika li tidher b’mod ċar, u għadhom ma ttieħdu l-ebda miżuri biex tiġi indirizzata l-kwestjoni;
1. Jesprimi s-sens qawwi ta’ għadab tiegħu għall-varar u ż-żamma ta’ websajt li hija diskriminatorja b’mod miftuħ, tinkoraġġixxi prattiki diskriminatorji u ksenofobiċi u tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE;
2. Jesprimi t-tħassib ġenwin tiegħu li l-websajt tal-PVV x’aktarx li se joħloq preċedent qawwi u jiġġenera l-intolleranza bejn iċ-ċittadini tal-UE ta’ nazzjonalitajiet differenti;
3. Iħeġġeġ lill-Prim Ministru Rutte u lill-mexxejja politiċi Olandiżi l-oħra kollha biex ma jkollhom l-ebda rabta ma’ din l-inizjattiva li ta' min jikkundannaha;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern Olandiż jeżamina mill-ġdid it-tolleranza tiegħu lejn il-politiki tal-Partit tal-Libertà li huma kontradittorji għall-valuri fundamentali tal-UE;
5. Jenfasizza li l-varar u ż-żamma tal-websajt tal-PVV huwa soġġett għal-liġi Olandiża u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar Olandiżi jaġixxu u jwaqqfu l-promozzjoni ta' prattiki diskriminatorji li qed issir minn dan il-websajt immedjatament;
6. Ma jaqbils mad-dikjarazzjonijiet li saru fuq il-websajt bħalma hi l-akkuża li ċ-ċittadini tal-UE mill-Ewropa Ċentrali u mill-Ewropa tal-Lvant qed jieħdu l-impjiegi mill-forza tax-xogħol lokali; jenfasizza li fir-realtà il-ħaddiema Bulgari u Rumeni għad m’għandhomx aċċess għas-suq tax-xogħol Olandiż;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel ħilitha kollha biex twaqqaf it-tixrid tal-attitudnijiet ksenofobiċi bħalma huma dawk espressi fuq din il-websajt;
8. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE kollha u lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw b’mod attiv fil-ġlieda kontra l-estremiżmu u l-ksenofobija madwar l-Ewropa peress li tali fenomeni jdgħajfu l-pedamenti nfushom u l-prinċipji essenzjali li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea;
9. Jissuġġerixxi li jsir djalogu miftuħ u sostanzjali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet tal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili dwar l-isfidi soċjali, politiċi u ekonomiċi li jinħolqu mill-migrazzjoni intra-UE;
10. Jistieden lill-Gvern Olandiż jagħti tweġiba immedjata lill-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni prevista li tista' tikser id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] Arbeidsmigranten uit Polen, Roemenie en Bulgarije in Den Haag. Sociale leefsituatie, arbeidpositie en toekomstperspectief, Prof. Gotfried Engbersen, Diviżjoni tas-Soċjoloġija, l-Università ta' Rotterdam.