Proċedura : 2012/2554(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0156/2012

Testi mressqa :

B7-0156/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2012 - 11.2

Testi adottati :

P7_TA(2012)0087

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0152/2012
12.3.2012
PE483.208v01-00
 
B7-0156/2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))


Renate Weber, Sarah Ludford, Metin Kazak f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet (2012/2554(RSP))  
B7‑0156/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 2, 3, 4, 9, 10, 18, 19, 20, 21, 26, 45, 49, 56, 67, 83 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew l-etniċità(3),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Reding dwar is-sit tal-PVV tal-11 ta' Frar 2012(4),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, fil-bidu ta' Frar, il-Partit għal-Libertà (PVV) Olandiż nieda hotline fuq l-internet 'Meldpunt Midden en Oost Europeanen', fejn talab lin-nies jirrapportaw ilmenti li joriġinaw mill-'migrazzjoni massiva ta' ħaddiema' ta' 'ċittadini mill-Ewropa Ċentrali jew tal-Lvant', b'mod partikolari ta' Pollakki, Rumeni u Bulgari; billi n-nies qed jiġu mistoqsija, b'mod partikolari, jekk esperjenzawx xi problemi f'termini ta' mġiba antisoċjali u jekk tilfux l-impjiegi tagħhom minħabba wieħed minn dawk iċ-ċittadini;

B.  billi l-moviment liberu taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 21 tat-TFUE, u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 45 tat-TFUE;

C. billi d-dritt għal protezzjoni mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità huwa minqux fl-Artikolu 18 tat-TFUE, u l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika hija minquxa fl-Artikolu 10 tat-TFUE;

D. billi d-dritt għal-libertà tal-ħsieb huwa minqux fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa minqux fl-Artikolu 11 tiegħu;

E.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE, u fuq ir-rispett inekwivoku għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEDB;

F.  billi l-Istati Membri għandhom obbligu fil-konfront taċ-ċittadini kollha tal-UE li jiżguraw li ma jiġux iddiskriminati jew stigmatizzati meta jgħixu u jaħdmu madwar l-Ewropa;

G. billi l-hotline tal-PVV tinċita apertament għad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema tal-Unjoni Ewropea minn pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u qed toħloq firdiet bejn komunitajiet fis-soċjetà Olandiża;

H. billi s-sit tal-PVV jimmina l-moviment liberu tal-persuni u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, abbażi tad-Direttiva 2004/38/KE u l-Artikoli tat-Trattat rilevanti;

I.   billi l-Gvern Olandiż iffirma ftehim ta' appoġġ parlamentari mal-PVV u għalhekk jista' jkollu maġġoranza fil-Parlament Olandiż;

J.   billi sal-lum il-Gvern Olandiż ma kkundannax formalment il-hotline tal-PVV;

K. billi hemm riskju reali li jiġu mnedija hotlines simili fi Stati Membri oħra;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sit imniedi mill-PVV, billi jmur kontra l-valuri fundamentali Ewropej tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jista' jeqred il-bażi tal-Unjoni, li hija l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-libertà tal-moviment;

2.  Iqis il-hotline tal-PVV bħala inizjattiva malintenzjonata bl-għan li toħloq firdiet fis-soċjetà u li jinkiseb vantaġġ politiku għad-detriment ta' ħaddiema mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

3.  Jisħaq fuq l-obbligu tal-Gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxu d-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tan-nondiskriminazzjoni; jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Gvern Olandiż jikkundannaw formalment il-hotline tal-PVV billi timmina dawk id-drittijiet u hija affront għall-valuri u l-prinċipji Ewropej;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Olandiżi u lill-Kummissjoni Olandiża għat-Trattament Ugwali jinvestigaw jekk din l-inizjattiva kkontribwietx għal żieda fi sterjotipi negattivi kontra uħud mill-kategoriji ta’ ċittadini tal-UE u jekk dan jikkostitwixxix inċitament għall-mibegħda;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE billi jagħtu segwitu lit-talbiet li saru mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jeżaminaw id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija bħala kwistjoni ta’ urġenza sabiex iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tagħha bl-għan li ssir aktar effikaċi fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' razziżmu u ksenofobija;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(2)

ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(3)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(4)

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/multimedia/news/2012/02/20120211_en.htm

Avviż legali - Politika tal-privatezza