Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0183/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0183/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja

13.3.2012

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles TANNOCK, Marek MIGALSKI, Paweł KOWAL, Ryszard LEGUTKO, Tomasz PORĘBA, Ryszard CZARNECKI, Michał KAMIŃSKI f'isem il-Grupp ECR <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0178/2012

Proċedura : 2012/2581(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0183/2012
Testi mressqa :
B7-0183/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0183/2012

 

Il-Parlament Ewropew,

–       - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK, kif implimentata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/126/PESK u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 kif implimentat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 170/2012 fir-rigward ta' miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja;

- wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/69/PESK li temenda l-lista ta' individwi soġġetti għal miżuri restrittivi biex din tinkludi persuni responsabbli għall-ksur ta' standards elettorali internazzjonali fl-elezzjonijiet presidenzjali fil-Bjeolrussja tad-19 ta' Diċembru 2010;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u t-Trattament jew Kastig Krudili, Inuman jew Degradanti ieħor li tagħha l-Bjelorussja hi Stat parti;

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bjelorussja, adottati tul it-3065 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin fi Brussell fil-31 ta' Jannar 2011;

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis-7-9 ta' Mejju 2009 u d-Dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja adottata fl-okkażjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Assemblea Parlamentari Ewropea 1857(2012) dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja tal-25 ta' Jannar 2012;

 

 

A. billi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/126/PESK ġew użati miżuri restrittivi dwar il-Bjelorussja fuq dsatax-il imħallef u prosekutur u żewġ uffiċjali tal-pulizija meqjusa bħala responsabbli għar-ripressjoni tal-oppożizzjoni demokratika u tal-attivisti tas-soċjetà ċivili; billi dawn is-sanzjonijiet kienu miftehma mis-27 ministru għall-Affarijiet Barranin tal-UE;

B. billi fit-28 ta' Frar 2012, l-awtoritajiet tal-Bjelorussja talbu lill-ambaxxaturi tal-UE u tal-Polonja f'Minsk biex iħallu l-pajjiż u sejħu lura l-kapijiet tal-istituzzjonijiet diplomatiċi tagħhom għall-Unjoni Ewropea u f'Varsavja għal konsultazzjonijiet f'Minsk;

C. billi b'reazzjoni għall-azzjoni mill-awtoritajiet tal-Bjeolrussja, l-UE, dak in-nhar stess, iddeċidiet li tappella għal konsultazzjoni tal-ambaxxaturi kollha tal-Istati Membri tal-UE f'Minsk;

D. billi l-UE kienet diġà ntroduċiet l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-viża għal 210 persuna minħabba r-ripressjoni kontinwa tas-soċjetà ċivili, tal-oppożizzjoni politika u tal-midja indipendenti mir-reġim ta' Lukashenko;

E. billi l-UE ħabbret li kienet se żżomm dibattitu f'Marzu 2012 dwar is-sanzjonijiet kontra intraprendituri li jiffinanzjaw ir-reġim ta' Lukashenko;

 

 

F. billi fi stqarrija konġunta r-Russja, il-Bjelorussja u l-Kazakistan jikkunsidraw is-sanzjonijiet ekonomiċi kontra Minsk bħala inaċċettabbli; billi Vladimir Putin qal li r-Russja topponi s-sanzjonijiet kollha għaliex dawn iwasslu għal intervent bħal ma ġara fil-każijiet traġiċi tal-Libja u l-Irak;

G. billi fil-Bjelorussja għadhom qed iseħħu abbużi u detenzjonijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-reġim ta' Lukashenko ħarrax ir-repressjoni kontra attivisti tas-soċjetà ċivili, l-oppożizzjoni demokratika u l-midja ħielsa;

H. billi fil-Bjelorussja m'hemmx biżżejjed fiduċja fl-Istat tad-Dritt, fl-indipendenza tal-ġudikatura u fil-proċessi ġudizzjarji, li m'hemmx dubju li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali rikonoxxuti;

I. billi numru kbir ta' politiċi mill-oppożizzjoni, ta' attivisti tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom il-ħabs u f'kolonji penali, bħal Mikalai Statkevich, Andrei Sannikau, Pavel Seviarynets, Dzmitry Bandarenka u Ales Bialiatski, fost l-oħrajn;

 

J. billi Syarhiej Kavalenka, membru tal-Partit Nisrani Konservattiv, kien ikkundannat għal sentejn u xahar ħabs għaliex tella' l-bandiera bajda-ħamra-bajda (simbolu tal-Bjelorussja indipendenti) fuq siġra tal-milied f'Vitebsk; billi Syarhiej Kavalenka ilu għal 86 jum għaddej bi strajk tal-ġuħ kontra din is-sentenza inġusta;

 

K. billi Ivan Shyla, ċittadin tal-Bjelorussja li qed jistudja fil-Polonja, kien arrestat fl-14 ta' Frar 2012 mill-uffiċjali ta' Spetznaz qudden l-uffiċċju taċ-ċentru PEN f'Minsk, fejn kien se jattendi għaċ-ċerimonja ta' premjazzjoni, "I love Belarus"; billi l-qorti ddeċidiet li Ivan Shyla kellu jqatta' 22 ġurnata ħabs minħabba l-kampanja ta' solidarjetà għal Dzmitrijem Dashkevich tas-sena li għaddiet;

 

L. billi hu mistenni li l-Kampjonati Dinjija tal-Hockey fuq is-Silġ fl-2014 ser jinżammu fil-Bjeolrussja;

M. billi l-awtoritajiet tal-Bjelorussja ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta' Praga tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant fejn impenjaw ruħhom favur il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

 

 

1. Jikkundanna bil-qawwi l-abbużi u d-detenzjonijiet kontinwi ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' Lukashenko u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jtemmu r-repressjonijiet immirati kontra attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti indipendenti;

2. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jeħilsu minnufih u mingħajr kondizzjoni l-membri tal-oppożizzjoni miżmuma taħt arrest, u biex jagħtu aċċess lill-qraba u kura medika għad-detenuti u jiggarantixxu proċess ekwu u ġust għal dawk akkużati fil-każ kriminali għal rewwixta tal-massa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jeħilsu minnufih u mingħajr kondizzjoni lill-Syarhiej Kavalenka u jipprovdulu l-assistenza medika meħtieġa;

3. Jikkundanna l-arrest u l-kundanna ta' Ivan Shyla, attivist żagħżugħ tal-"Front Żagħżugħ"; ifakkar li l-azzjonijiet ta' solidarjetà ma' priġunieri politiċi ma jistgħux jitqiesu bħala skuża għar-repressjoni tal-oppożizzjoni;

4. Jikkundanna bil-qawwa l-metodi użati mill-KGB, il-pulizija tal-Bjelorussja u minn awtoritajiet oħrajn, bħal tortura, abbuż u l-użu tal-forza biex jiksbu stqarrijiet foloz minn dawk li jinsabu taħt arrest; jikkundanna t-theddid tal-qraba ta' attivisti tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, avukati u attivisti tas-soċjetà ċivili;

5. Jilqa' s-sanzjonijiet preċedenti tal-UE kontra r-rappreżentanti tar-reġim tal-Bjelorussja u jitlob lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex jikkunsidraw l-estensjoni ulterjuri ta' dawn is-sanzjonijiet;

6. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bjelorussja jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fondamentali, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mal-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Bjelorussja;

7. Jenfasizza bil-qawwa li kwalunkwe djalogu mar-reġim tal-Bjelorussja jista' jseħħ biss jekk l-awtoritajiet tal-Bjelorussja jwettqu l-obbligi kostituzzjonali u internazzjonali dwar l-Istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; itenni li ma jista jseħħ l-ebda progress fid-djalogu bejn l-UE u l-Bjelorussja mingħajr il-progress tal-Bjelorussja lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

8. Jistieden lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Hockey fuq is-Silġ u l-Federazzjonijiet Nazzjonali tal-Hocky fuq is-Silġ biex ibiddlu l-pajjiż ospitanti tat-Tazza tad-Dinja tal-Hockey fuq is-Silġ fl-2014 u biex jorganizzawha f'pajjiż li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tiegħu; jenfasizza li dan l-avveniment prestiġjuż ma għandhux iseħħ f'pajjiż fejn ir-reġim awtokratiku u brutali wassal għat-tbatija u r-repressjoni ta' eluf ta' ċittadini;

9. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni tappoġġja, bi kwalunkwe mezz finanzjarju u politiku possibbli, l-isforzi tas-soċjetà ċivili tal-Bjelorussja, tal-midja indipendenti (inkluż TV Belsat, ir-Radju Ewroprew għall-Bjelorussja, Radio Racja u oħrajn) u tal-organizzazzjonijiet non-governattivi fil-Bjelorussja biex dawn jippromovu d-demokrazija u jopponu r-reġim;

10. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Ingliż li japplika projbizzjoni tal-ivvjaġġar fl-UE kontra l-President Lukashenko li qiegħed jipprova jżur ir-Renju Unit fl-okkażjoni tal-Logħob Olimpiku ta' dan is-sajf; Il-Gvern Ingliż għandu jkun imfaħħar għad-deċiżjoni tiegħu li jagħti preċedenza legali lill-projbizzjoni tal-ivvjaġġar fl-UE fuq l-impenji tiegħu lejn il-K.O.I;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex igħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tal-OKSE u lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Parlament u lill-Gvern tal-Bjelorussja.