Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0187/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0187/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Proċess ta’ Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2011/2885(RSP))

20.3.2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ulrike Lunacek f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin


Proċedura : 2011/2885(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

B7‑0187/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Proċess ta’ Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2011/2885(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-12 ta’ Ottubru 2011 bl-isem “Strateġija ta’ Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012” (COM(2011)666) u r-Rapport ta’ Progress mehmuż tal-Kummissjoni dwar il-Kosovo fl-2011 (SEC(2011)1207),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 2009, l-14 ta’ Diċembru 2010 u l-5 ta’ Diċembru 2011 li enfasizzat u kkonfermat mill-ġdid li l-Kosovo, bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, għandu jibbenefika wkoll mill-perspettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha, laqgħet l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi djalogu dwar il-viża lejn l-aħħar tas-sena u stiednet lill-Kummissjoni tipproċedi b’approċċ strutturat biex tressaq lin-nies tal-Kosovo eqreb lejn l-UE,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa u partikolarment l-Anness I tiegħu li fih saret referenza għall-persuni residenti fil-Kosovo għal finijiet ta' ċarezza legali u ta' sigurtà,

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO, emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK tad-9 ta’ Ġunju 2009 u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK tat-8 ta’ Ġunju 2010,

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 li taħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/478/PESK tal-28 ta' Lulju 2011 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi-President tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Kosovo, fis-27 ta’ Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar id-djalogu faċilitat tal-UE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat Interparlamentari bejn il-PE u l-Kosovo tat-28-29 ta’ Mejju 2008, is-6-7 ta’ April 2009, it-22-23 ta’ Ġunju 2010, u l-20 ta’ Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea tal-Esperti għall-Elezzjonijiet fil-Kosovo fil-25 ta’ Jannar 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta’ Kunsens tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta’ Settembru 2010 (A/RES/64/298) imressqa b’mod konġunt mis-Serbja u s-27 Stat Membru tal-UE dwar id-djalogu bejn Belgrad u Priština, li tiddikjara li l-għan tagħha huwa “l-promozzjoni tal-kooperazzjoni, il-kisba ta’ progress fit-triq lejn l-Unjoni Ewropea u t-titjib fil-livell ta’ ħajja tal-popolazzjoni” u li tilqa’ r-rieda tal-UE biex tiffaċilita dan;

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tas-26 ta’ Marzu 2007 tal-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar l-istatus ġejjieni tal-Kosovo u dwar il-Proposta ta’ Status Komprensiv sabiex jiġi Riżolt l-Istatus tal-Kosovo, u l-aktar id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-libertajiet Fundamentali tal-Komunitajiet u l-Membri tagħhom, il-Patrimonju Reliġjuż u Kulturali, u d-deċentralizzazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali tat-22 ta’ Lulju dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza mill-Istituzzjonijiet Proviżorji tal-Gvern Awtonomu tal-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 saret wegħda lill-Istati tal-Balkani tal-Punent kollha li dawn jissieħbu mal-Unjoni Ewropea, u billi din il-wegħda ġiet imtennija fil-Laqgħa ta’ Livell Għoli dwar il-Balkani tal-Punent f’Sarajevo fit-2 ta’ Ġunju 2010;

B.  billi l-Unjoni Ewropea minn dejjem iddefendiet is-sostenibilità ta' stati multietniċi u plurireliġjużi fil-Balkani tal-Punent, abbażi tal-valuri tad-demokrazija, tat-tolleranza u tal-multikulturaliżmu;

C. billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien huma essenzjali fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun;

D. billi l-Pjan ta’ Ahtisaari jibqa’ qafas tajjeb għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt dwar it-Tramuntana u ż-żamma tal-integrità territorjali u politika tal-Kosovo;

E.  billi d-dgħufija persistenti tal-istat tad-dritt iġġib dewmien sabiex id-demokrazija timmatura u tagħmel ħsara lill-ekonomija, billi timmina l-iżvilupp fit-tul;

F.  billi fost il-prijoritajiet ewlenin tal-missjoni EULEX hemm il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ delitti tal-gwerra;

1.  Jinnota li d-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo ġiet rikonoxxuta minn 85 pajjiż, inklużi 22 Stat Membru tal-UE; jilqa’ lill-ħames Stati Membri tal-UE jekk jagħmlu l-istess ħaġa; jilqa’ bl-istess mod il-parteċipazzjoni aktar attiva tagħhom fil-medjazzjoni bejn is-Serbja u l-Kosovo; itenni kemm huwa importanti għall-UE li timpenja ruħha fil-konfront tal-Kosovo, u jqis dan l-impenn kruċjali għall-preservazzjoni tal-istabilità u s-sigurtà fil-viċinat immedjat tal-UE;

2.  Jenfasizza l-perspettiva Ewropea tal-Kosovo, f’konformità mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu, li huwa inċentiv b’saħħtu għar-riformi neċessarji; jissottolinja l-fatt li l-istrateġija tal-UE biex din il-perspettiva ssir tanġibbli għaċ-ċittadini tal-Kosovo sa issa ma rnexxietx u li nkisbu ftit riżultati; jilqa’ l-ħatra ta’ rappreżentant Speċjali tal-UE/kap tal-Uffiċċju tal-UE li jkopri dawn iż-żewġ rwoli;

3.  Jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar bejn il-missjonijiet tal-UE u l-missjonijiet internazzjonali l-oħra preżenti fil-Kosovo, sabiex jiġi evitat l-irduppjar ta’ attivitajiet u tiġi żgurata ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi;

4.  Itenni l-opinjoni tiegħu, kif espressa fir-Riżoluzzjonijiet tad-29 ta' Marzu 2007, tal-5 ta' Frar 2009 u tat-8 ta’ Lulju 2010, li l-possibilità li l-Kosovo jinqasam f’diversi partijiet tiġi skartata;

5.  Huwa mħasseb dwar l-irregolaritajiet serji waqt l-aħħar elezzjonijiet parlamentari fl-2010; jitlob investigazzjoni xierqa tal-frodi elettorali, anki billi jiġu esposti individwi politikament responsabbli għall-irregolaritajiet, u pieni mingħajr dewmien u adegwati għal dawk li kommettew ir-reati, inklużi uffiċjali elettorali lokali, sabiex tintemm il-kultura tal-impunità li timmina l-fiduċja tas-soċjetà fl-istituzzjonijiet tal-istat u l-leġittimità tagħhom; iħeġġeġ sabiex tingħata prijorità lir-riżoluzzjoni ta’ każijiet relatati mal-elezzjoni u, għal dan il-għan, jistieden lill-istituzzjonijiet tal-istat tal-Kosovo (il-Prosekutur tal-Istat, il-Qorti Suprema u l-Kunsill Ġudizzjarju tal-Kosovo) itejbu l-mod kif jikkoordinaw xogħolhom; jissottolinja l-fatt li qafas elettorali li jiffunzjona tajjeb huwa essenzjali biex l-istituzzjonijiet demokratiċi jaħdmu;

6.  Jistieden lill-partijiet kollha, sew jekk fil-gvern u sew fl-oppożizzjoni, iħaffu biex jipproċedu bir-riformi kostituzzjonali u elettorali mwiegħda, kif huma taw kelmithom lill-elettorat wara l-elezzjonijiet, sabiex jagħmlu s-sistema elettorali iktar trasparenti u jġibuha konformi ma’ standards internazzjonali, partikolarment dawk tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.  Jinnota li l-istituzzjonijiet tal-Kosovo ttrattaw b’suċċess il-kriżi fil-bidu tal-2011 dwar il-presidenza; ifaħħar lill-Kosovo għall-ewwel Kap ta’ Stat mara tiegħu u jinnota li l-President Jahjaga hija wkoll l-iżgħar Kap ta’ Stat eletta b’mod demokratiku fl-Ewropa;

8.  Jiddispjaċih dwar diversi każi ta’ dewmien biex jingħata bidu għad-djalogu dwar il-viża u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tnedija tiegħu; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex fl-aħħar tagħti bidu għall-proċess lejn l-aħħar tas-sena, f’konformità ma’ impenji preċedenti rigward l-issodisfar tal-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, sabiex tiġi kkumbattuta l-iżolazzjoni dejjem tikber fost iċ-ċittadini tal-Kosovo, li għandha impatt negattiv primarjament fuq il-gruppi l-iktar vulnerabbli u fuq iż-żgħażagħ; jilqa’ l-fatt li din l-intenzjoni ġiet appoġġjata mill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta’ Diċembru 2011, meta rriafferma li l-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża tingħata lill-Kosovo ladarba l-kundizzjonijiet kollha jkunu ġew soddisfatti; jenfasizza l-fatt li kuntatti mtejba bejn il-popli huma inċentiv qawwi għad-demokratizzazzjoni u mutur għal aktar riformi fir-reġjun;

9.  Jenfasizza li r-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spustati internament jibqa’ sfida għall-Kosovo; jilqa’ l-isforzi tal-awtoritajiet tal-Kosovo f’dan il-qasam, u jinkuraġġixxi aktar sforzi fil-livell ċentrali u lokali biex tiġi żgurata l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-persuni li jirritornaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod speċjali l-ħtiġijiet tas-Serbi, ir-Roma, l-Ashkali u l-Eġizzjani li jirritornaw lura;

10. Jissottolinja l-bżonn li jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni effettivi bejn il-ministeri relevanti kollha u, b’kooperazzjoni mal-partijiet interessati internazzjonali, jiġu pprovduti aktar taħriġ, bini ta’ kapaċitajiet u assistenza teknika lill-awtoritajiet lokali u l-istrutturi ta’ koordinazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu riżolti kwistjonijiet ta’ għoti lura ta’ proprjetà tal-persuni ritornati u li jiġi żgurat l-għoti lura ta’ drittijiet ta’ proprjetà taċ-ċittadini Serbi fil-Kosovo;

11. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ progress sostantiv fl-ilħuq ta’ ftehim bejn il-Kosovo u l-pajjiżi ġirien dwar il-kwistjoni tas-suċċessjoni legali u d-drittijiet tal-proprjetà;

12. Jissottolinja l-importanza tad-djalogu ma’ Belgrad, li sar wara li ġie konkluż il-ftehim bejn is-Serbja u l-Kosovo fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f’Settembru 2010 u ffaċilitat mill-UE, għal kooperazzjoni reġjonali u għall-perspettiva Ewropea għaż-żewġ pajjiżi; jilqa’ l-fatt li sa issa saru tmien rounds li rriżultaw f’bosta ftehimiet preliminari, l-aktar wieħed reċenti fit-2 ta’ Diċembru 2011 dwar ġestjoni integrata għall-punti ta’ qsim (IBM) fil-parti tat-Tramuntana tal-pajjiż, bl-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ integrati konġunti singoli;

13. Madankollu, huwa mħasseb dwar il-fatt li l-ftehimiet preċedenti, importanti biex itejbu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat, bħal dak dwar it-timbri doganali, ma ġewx implimentati min-naħa Serba, li wassal għad-deċiżjoni f’Lulju 2011 mill-Gvern tal-Kosovo biex implimenta miżuri reċiproċi; jistieden lill-Gvern Serb juri rieda tajba biex jinkisbu l-għanijiet tad-djalogu u biex jintlaħqu ftehimiet, partikolarment biex isib arranġamenti li jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Kosovo f’kooperazzjoni reġjonali, kif ukoll biex jimplimentahom malajr u b’mod effettiv;

14. Jenfasizza li ż-żewġ naħat huma mistennija jsegwu approċċ prammatiku, li jeħtieġ impenn, perseveranza u sens ta’ responsabilità biex jinstabu soluzzjonijiet; jittama li l-ftehimiet dwar it-temi kollha li fadal jintlaħqu malajr sabiex titwitta t-triq għal stabilità reġjonali ġenwina u relazjonijiet tajba bejn il-ġirien, u biex il-Kosovo jkun jista’ jidħol fi ftehimiet kuntrattwali mal-UE;

15. Jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat li l-parlamenti u s-soċjetajiet taż-żewġ stati jkunu infurmati adegwatament dwar ir-riżultati tad-djalogu, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u l-leġittimità tal-proċess; jinnota li l-UE għandu jkollha wkoll rwol f’komunikazzjoni bħal din, kif ukoll fit-tqarrib taż-żewġ partijiet u l-faċilitazzjoni tal-kuntatti bejn il-popli;

16. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea jinnegozjaw Ftehim ta’ Negozju mal-Kosovo malajr kemm jista’ jkun, peress li dan huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-pajjiż u biex il-ġlieda kontra l-qgħad tkun ta’ suċċess;

17. Huwa mħasseb sewwa dwar is-sitwazzjoni instabbli u mimlija tensjoni fit-Tramuntana, u jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza inaċċettabbli fuq l-awtoritajiet tal-KFOR u tal-Kosovo fiż-żona, li wasslet għat-telf ta’ ħajja u korrimenti; jitlob li jsiru sforzi biex jerġa' lura l-istat tad-dritt f’din iż-żona bl-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-istrutturi kriminali li jużaw din iż-żona bħala refuġju sikur, mingħajr il-kontroll ta’ ebda awtorità; jitlob għat-tneħħija sħiħa u ta’ malajr tal-imblukkar fit-toroq u biex jiġi żgurat il-moviment ħieles tal-persuni u l-merkanzija, inkluż l-aċċess għall-punti ta’ qsim għall-komunità internazzjonali u l-uffiċjali tad-dwana tal-Kosovo, u jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-President tas-Serbja f’dan ir-rigward; jistieden lill-Gvern Serb ixolji strutturi paralleli li joperaw fit-territorju tal-Kosovo;

18. Jissottolinja li fatt li l-implimentazzjoni tal-pjan Ahtisaari fit-Tramuntana jagħti lis-Serbi tal-Kosovo awtonomija wiesgħa, li jiggarantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom; itenni li huwa biss riżultat negozjat fid-djalogu li jġib soluzzjonijiet sostenibbli, u jistieden lill-Gvern tal-Kosovo jagħmel kull sforz sabiex jiżviluppa u jimplimenta strateġija wiesgħa u effettiva għaċ-ċittadini fit-Tramuntana sabiex jiffaċilita dan; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tkompli tagħti l-appoġġ tagħha għall-Gvern tal-Kosovo biex tinstab soluzzjoni dejjiema u paċifika għas-sitwazzjoni fit-Tramuntana;

19. Jenfasizza li l-awtoritajiet tal-Kosovo għandhom jieħdu passi addizzjonali biex jilħqu lill-minorità Serba, partikolarment fit-Tramuntana, sabiex din tiġi integrata kompletament fis-soċjetà tal-Kosovo; għal dan il-għan, jilqa’ ż-żieda fir-rappreżentanza tas-Serbi tal-Kosovo fl-amministrazzjoni lokali u nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-viżibilità tal-interessi tal-minoranza Serba, u tiżdied il-kapaċità tagħha biex tipparteċipa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li jikkontribwixxi għall-unità tal-Kosovo;

20. Jilqa’ l-impenn akbar tal-komunità Serba ’l isfel mix-xmara Ibar fil-qafas istituzzjonali tal-Kosovo, kif intwera permezz tal-parteċipazzjoni akbar fl-elezzjonijiet u fiċ-ċensiment; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-proċess ta’ deċentralizzazzjoni għal dan l-iskop u jitlob sforzi kontinwi biex dan ikun ta’ suċċess, u b’mod partikolari biex tiġi żgurata kooperazzjoni tajba bejn il-livelli kollha ta’ amministrazzjoni; jitlob żieda fil-kapaċità u l-baġits tal-amministrazzjoni lokali; jittama li dan il-mudell ta’ kooperazzjoni jkun jista’ jiġi estiż malajr għat-Tramuntana kif previst fil-pjan Ahtisaari, u jitlob biex proċess effettiv ta’ deċentralizzazzjoni jiġi implimentat fiż-żona biex jittaffew it-tensjonijiet etniċi u tiġi mħeġġa l-istabilità;

21. Jissottlinja l-importanza tal-missjoni tal-istat tad-dritt EULEX, li tipprovdi xhieda tanġibbli tal-impenn tal-UE kollha u s-27 Stat Membru tiegħu biex jitjieb l-istat tad-dritt fil-Kosovo, u jitlob inizjattivi tal-Unjoni Ewropea biex issaħħaħ l-effiċjenza u l-aċċettazzjoni ta' din il-missjoni importanti fit-territorju tal-Kosovo kollu kemm hu; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jsaħħu il-kooperazzjoni tagħhom mal-EULEX u jiżguraw appoġġ għax-xogħol tal-EULEX fl-oqsma kollha tal-mandat tiegħu; jinnota l-attivitajiet EULEX fit-Tramuntana, u jistieden lill-missjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex tissodisfa l-mandat tagħha fiż-żona; jinnota li l-mandat tal-missjoni, speċjalment rigward l-ippjanar, l-operazzjonijiet, il-ġestjoni u s-superviżjoni, attwalment qed jiġi rivedut bil-għan li jiġi adattat għas-sitwazzjoni fil-post li qiegħda tinbidel;

22. Jirrikonoxi l-progress tajjeb li sar f’uħud mill-oqsma, bħall-pulizija u d-dwana, u huwa tal-fehma li l-attivitajiet ċentrali f’dawn l-oqsma, biex jiġu indirizzati l-korruzzjoni u l-kriminalità oprganizzata, kif ukoll id-delitti tal-gwerra, għandhom jissaħħu sabiex il-missjoni tkun tista’ tħalli riżultati aktar tanġibbli; huwa mħasseb, f'dan ir-rigward, dwar għadd kbir ta’ każijiet pendenti ġenerati bit-trasferiment mill-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Interim tan-NU fil-Kosovo ta’ numru kbir ta’ każi lill-EULEX; jenfasizza r-responsabilità tal-EULEX fir-rigward tal-poteri eżekuttivi tiegħu kif ukoll il-mandat tiegħu li jimmonitorja, jipprovdi konsulenza u pariri; jinkoraġġixxi, f’dan ir-rigward, lill-EULEX jieħu azzjonijiet konkreti biex imexxi ’l quddiem il-proċess tal-kawżi ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli; jiġbed l-attenzjoni, f’dan il-kuntest, lejn l-importanza assoluta tal-ħidma tal-prosekuturi u l-imħallfin, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li n-numri tagħhom ikunu suffiċjenti billi jissekondaw persunal adegwat u, jekk ikun hemm bżonn, jirrikorru għall-proċeduri kuntrattwali biex jimtela l-vojt;

23. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw arranġamenti loġistiċi adegwati biex persunal tal-EULEX jitħalla jaqdi l-mandat tal-missjoni anki f’sitwazzjonijiet ta' kriżi, bħal dik li qed isseħħ attwalment fil-punti ta’ aċċess tat-Tramuntana fir-reġjun ta’ Mitrovicë/Mitrovica; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza li tiġi żgurata kontinwità fil-ħidma tal-missjoni; huwa mħasseb dwar it-tħabbira ta’ bosta Stati Membri tal-UE li jirtiraw il-kontinġenti rispettivi tal-Unitajiet Iffurmati tal-Pulizija, u jistieden l-Istati Membri kkonċernati jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tagħhom fid-dawl tal-ħtiġijiet kontinwi fil-post;

24. Jissottolinja l-ħtieġa ta’ ġestjoni interna effettiva, koordinazzjoni u kooperazzjoni fi ħdan il-EULEX; jenfasizza l-ħtieġa tat-trasparenza u r-responsabilità fix-xogħol tal-EULEX kif ukoll tal-wiri ta’ sensittività fil-kuntest politiku tal-attivitajiet tiegħu, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità tiegħu f’għajnejn iċ-ċittadini; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li tinżamm komunikazzjoni mill-qrib mal-Gvern u iċ-ċittadini u l-midja tal-Kosovo; jinkoraġġixxi lill-EULEX biex jikkomunika l-kisbiet tal-missjoni liċ-ċittadini Kosovari, biex jaħdem ħalli titkattar il-fiduċja fil-missjoni u jkun b'għajnejh miftuħin għall-aspettattivi taċ-ċittadini;

25. Iqis li l-EULEX għandu jindirizza b’urġenza nuqqasijiet strutturali pereżempju r-responsabilità interna dgħajfa u s-sorveljanza esterna dgħajfa;

26. Jilqa’ t-trasferiment gradwali tar-responsabilità, fir-rigward tal-protezzjoni ta’ siti kulturali u reliġjużi, lill-pulizija lokali, li juri l-funzjonament tal-awtoritajiet lokali;

27. Jinkoraġġixxi lill-Assemblea tal-Kosovo biex issaħħaħ ir-rwol tagħha fil-proċessi demokratiċi u leġiżlattivi fil-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-funzjoni ta’ sorveljanza tal-attivitajiet tal-Gvern mill-Assemblea, partikolarment fil-kontroll tal-infiq fil-baġit; huwa mħasseb dwar iċ-ċarezza tar-regoli ta’ proċedura tal-Assemblea u r-rispett tagħha lejhom; jenfasizza li, sabiex tissodisfa l-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv, l-istituzzjoni jeħtieġ li topera f’konformità ma’ numru ta’ regoli ċari ta’ proċedura u b’kapaċitajiet adegwati; jilqa’ l-programm ta’ ġemellaġġ ippjanat, u jitlob aktar għajnuna għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet operattivi, kif ukoll tal-għarfien espert fl-Assemblea;

28. Jenfasizza r-rwol importanti tal-Kumitat tal-Integrazzjoni Ewropea u l-Ministeru tal-Integrazzjoni Ewropea, u jilqa’ r-relazzjonijiet aħjar bejn iż-żewġ istituzzjonijiet; madankollu, jitlob lill-Gvern tal-Kosovo jsaħħaħ il-korpi ulterjorment u jtejjeb il-kooperazzjoni tagħhom;

29. Jilqa’ t-twaqqif tat-Task Force Investigattiva Speċjali EULEX dwar l-allegat trattament inuman ta’ persuni u t-traffikar illeċitu ta’ organi umani, kif intalab fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta’ Jannar 2011; jitlob li ssir investigazzjoni fil-fond dwar dawn l-avvenimenti; jistieden lill-atturi kollha kkonċernati, inklużi l-awtoritajiet tal-Kosovo u dawk Albaniżi, biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet, u lill-pajjiżi ġirien kollha biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom lill-ħidma tat-Task force;

30. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ sforzi ulterjuri biex jiġu lokalizzati persuni li għebu fil-kunflitt tal-1998-1999 sal-lum, kif ukoll dawk li għebu wara; jissottolinja l-fatt li huwa dritt fundamentali tal-familji li jkun jafu x’sar mill-qraba tagħhom, u li din hi prekundizzjoni kruċjali għar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u għal ġejjieni paċifiku fir-reġjun; jappoġġja bis-sħiħ, għalhekk, l-isforzi tal-grupp ta’ ħidma dwar persuni nieqsa, u dawk tal-EULEX għall-immodernizzar tal-mediċina forensika fil-Kosovo; jitlob aktar sforzi fil-ġestjoni ta’ każijiet marbuta mal-avvenimenti ta’ Marzu 2004, billi l-ġestjoni tal-każijiet kriminali f’dan il-kuntest għadha qed tiġi ostakolata min-nuqqas ta’ rieda u l-ineffiċjenza;

31. Jenfasizza li l-korruzzjoni mifruxa kullimkien u sistemika għadha sfida ewlenija fil-pajjiż, kif inhi fil-kumplament tal-Balkani tal-Punent, u konsegwentement titnaqqar il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat tad-dritt u jiġi effettwat l-aċċess tagħhom għas-servizzi pubbliċi; jilqa’ t-titjib fil-qafas leġiżlattiv li ġie mħabbar, u jitlob l-implimentazzjoni malajr u xierqa tiegħu, u biex isiru sforzi biex tiġi indirizzata din l-isfida b’mod aktar proattiv, partikolarment permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-aġenziji għall-infurzar tal-liġi u tal-ġudikatura f’dan ir-rigward, kif ukoll billi tiġi żgurata trasparenza fil-proċeduri għall-akkwisti pubbliċi u s-sejħiet għall-offerti; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ proattiv u kooperazzjoni aħjar bejn l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, il-pulizija u l-prosekuzzjoni; jenfasizza li l-klima eżistenti ta’ impunità, u n-nuqqas ta’ sanzjonijiet adegwati għall-korruzzjoni jippreżentaw waħda mill-ikbar problemi fil-Kosovo, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jiżviluppaw rekord ta’ prosekuzzjoni ta’ każijiet kontra l-korruzzjoni, inkluż fl-ogħla livelli tal-poter politiku u ekonomiku;

32. Huwa tal-fehma li l-kwistjoni tal-istat tad-dritt fil-Kosovo għadha ta’ tħassib serju u teħtieġ attenzjoni immedjata; iħeġġeġ lill-awtoritajiet idaħħlu malajr ir-riformi meħtieġa biex javvanzaw il-perspettiva Ewropea tal-Kosovo u li fl-aħħar mill-aħħar tkun ta’ benefiċċju għall-poplu;

33. Huwa mħasseb serjament dwar ir-rwol tal-kriminalità organizzata tal-Kosovo f’diversi attivitajiet kriminali fir-reġjun, li jinvolvu drogi u traffikar ta’ persuni; jinnota li l-kapaċità tal-pulizija li tiġġieled il-kriminalità organizzata tibqa’ fi stadju bikri ta’ żvilupp, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jieħdu passi immedjati biex itejbu din il-kapaċità; jistieden bl-istess mod lill-awtoritajiet tal-Kosovo biex itejbu l-kwalità u t-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv sabiex il-Kosovo jingħata qafas legali sod u tiżdied il-fiduċja fis-sistema legali;

34. Jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi miġġielda effettivament il-kriminalità organizzata; jiddispjaċih dwar il-fatt li, minħabba n-nuqqas ta’ rieda ta’ xi membri tal-komunità internazzjonali li jirrikonoxxu l-Kosovo bħala stat, il-Kosovo ma kienx fil-qagħda li jistabbilixxi kooperazzjoni diretta mal-Europol u l-Interpol; jiddispjaċih li l-iskambju ta’ informazzjoni mwettaq permezz tal-EULEX u UNMIK sa issa ma ffunzjonax b’mod xieraq; jistieden lill-Europol u lill-Interpol jistabbillixxu flussi effettivi ta’ informazzjoni mal-Kosovo, jew permezz ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni jew billi jagħtu status ta’ osservatur lill-Kosovo; jissottolinja l-importanza ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn FRONTEX u l-Kosovo;

35. Jilqa’ l-progress li sar fir-riforma tal-ġudikatura iżda jitlob aktar sforzi biex tiġi żgurata l-professjonalità tal-imħallfin u l-prosekuturi, kif ukoll l-indipendenza tagħhom minn kull interferenza politika, u biex jiġġieldu l-korruzzjoni interna; jilqa’, għal dan il-għan, ir-rwol attiv tal-Qorti Kostituzzjonali biex tiġi żgurata l-kostituzzjonalità tal-proċessi parlamentari u ċ-ċarezza dwar il-kwistjoni tal-immunità funzjonali; jinnota li, minkejja l-progress li sar f’xi oqsma, is-sistema ġudizzjarja fil-Kosovo għadha dgħajfa u li għad hemm ammont akkumulat ta’ kawżi pendenti; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa li jkomplu jsiru riformi; jissottolinja l-fatt li sabiex is-sistema ġudizzjarja tiffunzjona sew huwa ta’ importanza assoluta li jiġu installati programmi funzjonali u effettivi ta' protezzjoni tax-xhieda u rilokazzjoni tax-xhieda, u jitlob li jittieħdu passi immedjati biex tiġi implimentata l-liġi dwar il-ħarsien tax-xhieda u biex jiġu stabbiliti unitajiet ta’ protezzjoni tax-xhieda fi ħdan il-korp tal-pulizija u l-judikatura; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri tal-UE, u lill-pajjiżi l-oħra li jipparteċipaw fil-EULEX, biex jimpenjaw ruħhom biex jipparteċipaw fi programmi ta’ rilokazzjoni tax-xhieda; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-qorti f’Mitrovicë/Mitrovica għadha ma tiffunzjonax b’kapaċità sħiħa u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo u dawk Serbi jsolvu l-kwistjoni sabiex itejbu l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini fit-Tramuntana;

36. Jenfasizza l-importanza ta’ servizz ċivili professjonali, indipendenti, responsabbli u aċċessibli għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet tal-istat; jitlob, għal dan il-għan, l-adozzjoni rapida tal-pjan ta’ azzjoni biex jiġu implimentati r-riformi previsti mill-istrateġija tal-amministrazzjoni pubblika; jenfasizza li l-amministrazzjoni għandha tirrifletti s-soċjetà tal-Kosovo f’termini ta’ kompożizzjoni tas-sessi u tal-gruppi etniċi u li l-kompożizzjoni tagħha għandha tiġi deċiża fuq il-bażi tal-mertu professjonali u għandha tkun ħielsa mill-interferenzi politiċi fis-sistema ta’ ħatriet;

37. Jissottolinja l-fatt li midja libera, mhux preġudikata, b’saħħitha u indipendenti, skont standards tal-midja internazzjonali li jiggarantixxu l-libertà tal-kelma u l-aċċess għall-informazzjoni hija l-bażi tad-demokrazija; jistieden, għal dan il-għan, lill-Gvern biex jistabbilixxi qafas legali adegwat u jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tiegħu, inkluża l-abolizzjoni tad-difamazzjoni bħala offiża kriminali; jinnota bi tħassib l-interferenza politika konintinwa fix-xogħol tal-midja, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu passi immedjati biex jipproteġu lill-ġurnalisti mit-theddid u pressjonijiet oħra fil-ħidma tagħhom, inkluż bl-użu selettiv tal-allokazzjonijiet tar-riklami mill-istat, sabiex issir promozzjoni ta’ midja indipendenti u pluralistika, biex b’hekk iċ-ċittadini tal-Kosovo jingħataw l-aċċess għall-informazzjoni; jitlob il-protezzjoni tal-ġurnalisti u li jiġi stabbilit minimu ta’ drittijiet tax-xogħol u kundizzjonijiet għall-ġurnalisti; jitlob miżuri biex tiġi żgurata t-trasparenza fis-sjieda tal-midja u biex tiġi żgurata l-indipendenza finanzjarja u editorjali tax-xandir pubbliku, inkluż billi sehem xieraq, pereżempju 20 %, tal-ipprogrammar tiegħu, inklużi programmi ta’ attwalità, jiġi allokat lil produtturi indipendenti;

38. Huwa mħasseb dwar il-fatt li d-diskriminazzjoni għadha problema serja fil-pajjiż, u jistieden lill-Gvern jimplimenta strateġija antidiskriminatorja wiesgħa f’konformità ma’ standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, li tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-popli kollha indipendentement mill-oriġini etnika, is-sess, l-età, l-orjentazzjoni sesswali jew diżabilità tagħhom, sabiex issir promozzjoni tat-tolleranza, ir-rispett u l-komprensjoni tal-oħrajn fi sforz biex titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-livelli ċentrali u lokali; jenfasizza l-bżonn li jittieħdu passi ulterjuri biex jiġu infurzati aħjar rimedji legali u amministrattivi għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; b’mod partikolari, jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni tan-nisa u tal-komunitajiet Roma, tal-Ashkali u l-Eġizzjani, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-integrazzjoni edukattiva tat-tfal kollha permezz tal-edukazzjoni fil-lingwa materna rispettiva tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet, fid-dawl tad-diversità etnika tal-Kosovo u f’konformità ma’ standards internazzjonali u Ewropej, jiżguraw aċċess għal-servizzi pubbliċi multilingwali effettivi;

39. Jissottolinja l-importanza tal-uffiċċju tal-Ombudsman għall-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini, u jinkoraġġixxi lill-Gvern u lill-Assemblea tal-Kosovo biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jitlob appoġġ poltiku, amministrattiv u finanzjarju akbar għal din l-istituzzjoni peress li għandu jkollha rwol ewlieni bħala garanti tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota, għal dan il-għan, li riżorsi umani u finanzjarji insuffiċjenti, kif ukoll in-nuqqas ta’ post adegwat għall-ħidma, jibqgħu ostakli għall-funzjonament xieraq tal-uffiċċju;

40. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo jiżgura li d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali mmirati lejn l-iżgurar tar-rispett u l-protezzjoni tal-minoritajiet jiġu ggarantiti fil-prattika;

41. Jinnota li l-qafas legali tal-Kosovo jistabbilixxi bażi għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-ugwaljanza tas-sessi u l-implimentazjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jenfasizza, madankollu, li normi soċjali, it-tradizzjoni, kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena u istituzzjonijiet dgħajfa, partikolarment il-ġudikatura, jippermettu eċċezzjonijiet sistematiċi kontinwi fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, pereżempju l-aċċess limitat tan-nisa għall-proprjetà, l-eżitazzjoni biex wieħed jiftaħ kawża għad-drittijiet tal-wirt, l-inkapaċità li wieħed jagħmel talba għall-kustodja tat-tfal; jinnota li l-protezzjoni insuffiċjenti tan-nisa mill-vjolenza domestika, in-nuqqas ta’ aċċess tagħhom għall-ġustizzja għad-delitti kommessi, l-aċċess inugwali għall-edukazzjoni tal-bniet, l-inugwaljanza ekonomika bejn in-nisa u l-irġiel, u r-rappreżentanza insuffiċjenti kontinwa tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi fil-livelli kollha huma xhieda li r-Riżoluzzjoni 1325 xejn mhi qed tiġi rispettata; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tal-Kosovo jagħmlu kull sforz sabiex jimplimentaw din ir-riżoluzzjoni;

42. Jilqa’ l-progress li sar f’dan il-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, kif eżemplifikat mill-introduzzjoni ta’ liv tal-maternità mħallas sa 9 xhur; huwa mħasseb, madankollu, dwar ir-rata għolja ta’ tluq kmieni mill-iskola fost il-bniet u dwar is-sottorappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż f’setturi ewlenin tas-soċjetà; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jkunu aktar attivi fil-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom;

43. Ifakkar fir-rwol kruċjali tal-edukazzjoni interkulturali fil-Kosovo biex jitkattar spirtu ta’ rispett, aċċettazzjoni u tolleranza fost in-nazzjonijiet, il-gruppi etniċi jew reliġjużi, fejn l-identità ta’ kull grupp tiġi ppreservata u l-identità tal-ieħor tiġi rikonoxxuta; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jipprovdu kurrikulum edukattiv li jkopri l-istorja, il-kultura u attribwiti oħra tal-komunitajiet kollha tradizzjonalment preżenti fil-Kosovo u b’hekk jinkoraġġixxu spirtu ta’ tolleranza;

44. Jinkoraġġixxi lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kosovo biex jiżviluppaw sistema edukattiva moderna tal-iskejjel pubbliċi u privati, li tirrispetta s-separazzjoni bejn il-komunitajiet reliġjużi u l-istat, u li hija bbażata fuq id-diversità kulturali u reliġjuża, u t-tradizzjoni antika ta’ tolleranza, tas-soċjetà tal-Kosovo;

45. Jitlob sforzi akbar għall-protezzjoni tal-wirt kulturali u reliġjuż tal-Kosovo, b’mod partikolari l-knejjes u monasteri Serbi Ortodossi tiegħu, kif ukoll kull monument ieħor li jirrappreżenta wirt kulturali universali u Ewropew; jitlob, għal dan il-għan, l-implimentazzjoni effettiva ta’ Żoni Protettivi Speċjali, billi jitwaqqaf il-bini illegali madwar u ’l ġewwa mill-perimetri tagħhom u billi tiġi żgurata l-integrazzjoni b’mod sostenibbli fil-komunitajiet lokali; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu adottati l-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-monasteri Serbi medjevali tal-Knisja Ortodossa, deżinjati bħala wirt kulturali dinji mill-UNESCO, u dwar iċ-ċentri storiċi ta’ Prizren u Velika Hoča/Hoça e Madhe; jitlob l-adozzjoni tal-lista komprensiva ta’ siti ta’ wirt kulturali li jikkwalifikaw għall-protezzjoni, sabiex tinkiseb ċarezza legali u jiġu evitati ambigwitajiet;

46. Jitlob sforzi ulterjuri biex tingħaqad l-Università ta’ Priština li issa tinsab maqsuma, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti dwar inizjattivi li tista’ tieħu l-Unjoni Ewropea sabiex tgħaqqad il-fakultajiet f’Mitrovica ma’ dawk ta’ Priština;

47. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza immedjatament lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fi programmi tal-Komunità; waqt li jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tibda bil-programmi ‘Kultura’ u ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’, jissottolinja l-importanza li tiġi estiża l-parteċipazzjoni tal-Kosovo għal programmi oħra malajr kemm jista’ jkun;

48. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, u jistieden lill-Gvern u lill-Assemblea jiżviluppaw strutturi u pjattaformi għal djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jinkoraġġixxi fl-istess ħin lill-istituzzjonijiet li jifformulaw politiki soċjali u ekonomiċi jikkunsidraw input minn atturi tas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-importanza tal-NGOs fil-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet, partikolarment fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fil-bini ta’ fiduċja interetnika; jinkoraġġixxi d-djalogu bejn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili bil-ħsieb li jiġu definiti prijoritajiet komuni u l-isforzi tagħhom jiġu ċentralizzati biex jinfluwenzaw politiki pubbliċi;

49. Jirrikonoxxi li għalkemm il-libertà li wieħed jissieħeb ma’ għaqdiet tal-ħaddiema hija garantita bil-liġi, għad hemm bżonn li l-valur tad-drittijiet bażiċi tax-xogħol u tal-għaqdiet tal-ħaddiema jittejbu; jinkoraġġixxi lill-Kosovo jsaħħaħ id-djalogu soċjali fi ħdan il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fit-tfassil tal-politika u l-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali;

50. Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-Kosovo; jenfasizza l-importanza tad-dixxiplina baġitarja u politiki makroekonomiċi sostenibbli għall-iżvilupp tal-pajjiż u jissottolinja l-fatt li l-proċess ta’ privatizzazzjoni jeħtieġ li jitwettaq fi trasparenza sħiħa; jilqa’ l-passi li ttieħdu biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għal negozji ġodda, bil-għan li jiżdied kemm id-dħul tal-baġit kif ukoll biex jonqos il-qgħad għoli fil-pajjiż, partikolarment fost iż-żgħażagħ; jiddispjaċih, għal dan il-għan, dwar id-dewmien fl-estenzjoni tal-Miżuri Kummerċjali Awtonomi;

51. Jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija tal-Iżvilupp tal-SMEs għall-perjodu 2012-2016, u jistieden lill-Aġenzija tal-Appoġġ tal-SMEs fil-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija biex timplimenta l-Istrateġija; iħeġġeġ lill-Aġenzija żżid l-isforzi tagħha biex tiffaċilita l-proliferazzjoni ta’ SMEs billi tagħti aċċess għall-finanzjament, tnaqqas il-piż amministrattiv u tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-SMEs fil-Kosovo, ir-reġjun u l-UE;

52. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea jappoġġjaw, b’kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fil-Kosovo, l-iżvilupp ta’ agrikoltura moderna, ekoloġika u sostenibbli u ta’ SMEs għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

53. Ifakkar li perspettiva sostantiva għas-sostenibilità tal-iżvilupp ekonomiku fit-tul tal-Kosovo tista’ tingħata biss permezz ta’ ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo; jilqa’ l-istedina tal-Kunsill lill-Kummissjoni biex din tipproponi kif wieħed għandu jimxi ’l quddiem biex jintlaħaq ftehim kummerċjali malli jkun sar biżżejjed progress, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibgħat malajr l-ewwel missjoni esperta fil-Kosovo biex din tevalwa l-progress tal-pajjiż f’dan il-qasam;

54. Jilqa’ numru ta’ passi li ttieħdu fil-qasam tal-ħarsien ambjentali; jiddispjaċih li l-awtoritajiet tal-Kosovo ma għamlux riċerka adegwata fl-alternattivi għall-bini ta’ impjant ġdid tal-faħam biex jieħu post il-produzzjoni tal-enerġija fl-impjanti tal-enerġija tal-Kosovo A u B; filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li żieda fil-ħtiġijiet tal-enerġija tal-Kosovo fuq perjodu ta’ żmien qasir għandha tiġi koperta bl-użu kontinwu tal-faħam bħala s-sors l-aktar importanti tal-enerġija, jitlob, madankollu, investiment akbar f’teknoloġiji alternattivi u aktar nodfa, u f’titjib fl-effiċjenza enerġetika tas-sistema tal-elettriku b’konformità mal-miri tal-UE; jitlob proporzjon ogħla ta’ enerġija ġejja minn sorsi rinnovabbli, bil-ħsieb tal-fatt li l-impjanti ta’ enerġija Kosovo A u B għandhom jingħalqu kemm jista’ jkun malajr;

55. Meta wieħed iqis li infrastruttura solida hija prekundizzjoni kruċjali tal-iżvilupp sostenibbli, jissottolinja l-importanza ta’ titjib fin-netwerk tat-trasport u l-interkonnessjoni tiegħu mal-pajjiżi ġirien, sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment tal-persuni u l-merkanzija; iqis it-trasport pubbliku u b’mod partikolari s-sistema ferrovjarja bħala alternattivi sostenibbli għat-trasport bit-toroq u effiċjenti fir-rigward tal-ispejjeż, u jistieden lill-Gvern u d-donaturi internazzjonali jagħtu prijorità lill-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tiegħu fil-pjanijiet ta’ investiment;

56. Jilqa’ t-tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-Kosovo mal-parti l-kbira tal-pajjiżi ġirien u jitlob l-integrazzjoni sħiħa tal-Kosovo fil-kooperazzjoni reġjonali; jinnota li l-presidenza tal-Kosovo tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) fl-2011 ma kellhiex intoppi; madankollu huwa mħasseb dwar il-fatt li t-tensjonijiet mas-Serbja jeffettwaw negattivament kemm il-moviment ħieles tal-persuni u l-merkanzija u l-kooperazzjoni ġenerali fil-qafas tas-CEFTA;

57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-President u lill-Parlament tal-Kosovo.