Proċedura : 2011/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0188/2012

Testi mressqa :

B7-0188/2012

Dibattiti :

PV 28/03/2012 - 16
CRE 28/03/2012 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/03/2012 - 9.11
CRE 29/03/2012 - 9.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0114

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 175kWORD 170k
20.3.2012
PE486.730v01-00
 
B7-0188/2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja (2011/2886(RSP))


Jelko Kacin f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja (2011/2886(RSP))  
B7‑0188/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li l-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għalih fid-19 ta' Jannar 2011 u li qiegħed fl-istadju finali tar-ratifika mill-Istati Membri, u l-Ftehim Interim dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-28 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2010 li jistiednu lill-Kummissjoni tħejji l-opinjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2011 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208) u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 bit-titolu '‘Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012’ (COM(2011)666),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244 (1999), l-Opinjoni Konsultattiva tal-QIĠ tat-22 ta’ Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità mal-liġi internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta’ Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet il-prontezza tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina(2),

–   wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-ħames Laqgħa Interparlamentari UE-Serbja tat-18-19 ta’ April 2011,

–   wara li kkunsidra l-ftehim ta' riammissjoni bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja tat-8 ta' Novembru 2007(3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa(4),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/361/PESK tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tas-Serbja f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kap Prosekutur tal-ICTY imressaq fis-7 ta’ Diċembru 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza li ħarġu wara l-Kunsill Ewropew ta’ Thessaloniki tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2003 ttieħed impenn inekwivoku mal-Istati tal-Balkani tal-Punent kollha li dawn se jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea ladarba jissodisfaw il-kriterji stabbiliti, u dan l-impenn reġa’ ttenna fil-kunsens imġedded dwar it-tkabbir approvat mill-Kunsill Ewropew fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2006 u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2010, kif ukoll mil-laqgħa interministerjali UE-Balkani tal-Punent tat-2 ta’ Ġunju 2010;

B.  billi fl-opinjoni tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni tas-Serbja għal sħubija, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill Ewropew għandu jagħti lis-Serbja l-istatus ta’ kandidat għal sħubija fl-UE;

C. billi approċċi kostruttivi lejn il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien huma l-elementi prinċipali tal-Istabilizzazzjoni u l-Proċess ta’ Assoċjazzjoni;

D. billi s-Serbja tinsab fil-qagħda li ssir protagonista importanti fil-garanzija tas-sigurtà u l-istabilità fir-reġjun;

E.  billi l-kwistjonijiet bilaterali m’għandhomx jirrappreżentaw ostakolu jew jintużaw bħala tali fil-proċess ta’ adeżjoni iżda għandhom jiġu indirizzati fi spirtu kostruttiv, malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li jitqiesu l-interessi u l-valuri ġenerali tal-UE;

1.  Jilqa’ l-progress miksub mis-Serbja fil-proċess ta’ riforma u jitlob lill-Kunsill jagħti lis-Serbja l-istatus ta’ pajjiż kandidat fil-laqgħa f’Marzu, peress li l-awtoritajiet Serbi ssodisfaw il-kondizzjonijiet kif stabbiliti fis-Summit ta’ Diċembru 2011. jilqa’ f’dan ir-rigward il-ftehim bejn Belgrad u Pristina dwar koperazzjoni reġjonali inklużiva li ntlaħaq fl-24 ta’ Frar. jenfasizza l-importanza massima tal-implimentazzjoni in buona fede tal-ftehimiet li ntlaħqu;

2.  Huwa tal-opinjoni li sakemm tkun ittieħdet azzjoni b’mod sodisfaċenti dwar il-prijorità ewlenija deskritta mill-Kummissjoni fl-Opinjoni tagħha u jitkompla l-proċess ta' riforma, għandhom jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mas-Serbja kemm jista' jkun malajr, u b'hekk jintwera l-impenn tal-UE għall-perspettiva tal-UE tal-pajjiż; Jilqa’ l-progress kbir li għamlet is-Serbja biex tisssodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen, kif rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew, u jfakkar li aktar progress fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropew jiddependi mit-tkomplija tal-progress f’dan il-qasam, u partikolarment il-garanzija tad-demokrazija u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi, iż-żamma tad-dritt tal-liġi, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-minoranzi, iż-żamma ta’ relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien u l-koperazzjoni reġjonali, inkluż ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjonijiet bilaterali, kif ukoll it-titjib fil-funzjonament tal-ekonomija tas-suq;

3.  Jilqa' l-progress fir-ratifika tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jistieden lill-Istati Membri tal-UE li fadal itemmu l-proċeduri ta' ratifika mingħajr dewmien;

4.  Jilqa’ l-konsenja lill-awtoritajiet ġudizzjarji taż-żewġ fuġittivi li fadal mfittxija mill-ICTY, Ratko Mladić u Goran Hadžić, fejn permezz ta’ dan ġiet akkwistata koperazzjoni kompletament sodisfaċenti mal-ICTY; jenfasizza li l-qbid tagħhom mhux biss kien rekwiżit għall-progress ulterjuri tas-Serbja lejn l-UE, iżda fuq kollox kien pass sabiex issir ġustizzja mal-vittmi tal-kunflitti tad-disgħinijiet f'dik li kienet il-Jugoslavja u biex ssir rikonċiljazzjoni fir-reġjun; jitlob li jkun hemm koperazzjoni kontinwa, sħiħa u b’impenn mat-Tribunal, u li jkun hemm investigazzjoni u prosekuzzjoni bir-reqqa tal-persuni involuti fin-netwerks ta' appoġġ, li ppermettew lill-maħruba jinħbew għal żmien daqshekk twil, b'mod partikulari fis-servizzi militari u tas-sigurtà ċivili;

5.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-iżviluppi fit-tramuntana tal-Kosovo fit-tieni parti tal-2011, u b'mod partikulari l-vjolenza li rriżultat mill-inċidenti ta' Lulju u l-attakki sussegwenti kontra l-forzi internazzjonali tal-KFOR; jikkundanna tali azzjonijiet, ifakkar lill-Gvern Serb dwar l-obbligu tiegħu li jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex jippreveni dawn l-azzjonijiet, jerġa’ jtenni li huma biss l-isforzi politiċi kontinwi u in bona fede u s-soluzzjonijiet innegozjati, pragmatiċi u sostenibbli fi ħdan il-qafas ta’ djalogu bejn Belgrad u Pristina b’medjazzjoni mill-UE, li jistgħu jeliminaw b’mod permanenti t-tensjonijiet fir-reġjun u jfakkar l-importanza vitali ta’ relazzjoni stabbli bejn il-maġġoranza u l-minoranza, fuq il-bażi tar-rispett reċiproku; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ftehimiet milħuqa dwar il-libertà tal-moviment u l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-organizzazzjonijiet reġjonali, u jitlob lill-Gvern Serb biex javvanza bl-implimentazzjoni sħiħa tagħhom, bla dewmien; jilqa' l-fluss regolari ta' prodotti li kien possibbli bl-aċċettazzjoni tat-timbri doganali, il-protokoll tekniku dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-bidu tal-kunsinna lill-EULEX tal-kotba tar-reġistru ċivili meħuda mill-Kosovo mill-awtoritajiet Serbi u l-bidu tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-moviment liberu fis-26 ta' Diċembru 2011, bħala l-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jilqa' d-dikjarazzjonijiet mill-President Tadić dwar il-ħtieġa li jiżżarmaw il-barrikati segwita mit-tneħħija parzjali tagħhom; jistieden lill-mexxejja politiċi jadottaw diskors kostruttiv biex ma jipperikolawx l-implimentazzjoni tal-ftehimiet milħuqa u n-negozjati li għadhom għaddejjin bejn is-Serbja u l-Kosovo; ifakkar li l-moviment liberu ta' persuni, prodotti, ideat, servizzi u kapital huwa valur fundamentali fl-UE u jistieden lill-awtoritajiet Serbi jinkoraġġixxu t-tneħħija permanenti tal-barrikati li fadal, li tippermetti l-aċċess ħieles għall-punti ta' qsim u l-mogħdija minnhom u tiffaċilita fl-istess ħin il-kooperazzjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt (EULEX) mas-Serbi tal-Kosovo sabiex il-EULEX u l-KFOR jkunu jistgħu jeżegwixxu bis-sħiħ il-mandati tagħhom; jilqa’ f’dan ir-rigward it-tneħħija taż-żewġ imblokki tat-toroq li fadal fin-naħa Serba tal-linja tal-fruntiera, kif ukoll l-investigazzjonijiet kriminali li qed isiru dwar dawk li wettqu l-inċidenti ta’ Lulju 2011;

6.  Jilqa' r-riaffermazzjoni tal-ħtieġa li jitkompla d-djalogu bejn Belgrad u Pristina sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' ħajja għall-persuni kemm fis-Serbja kif ukoll fil-Kosovo u jenfasizza l-importanza ta' dak il-proċess għal kooperazzjoni reġjonali usa', l-istabilità u d-dinamiżmu tal-proċess ta' adeżjoni; jitlob investigazzjoni kif suppost tal-każijiet ta’ vjolenza, speċjalment dawk li jinvolvu l-forzi internazzjonali tal-KFOR; ifakkar, madankollu, li ż-żarmar ta’ strutturi paralleli fil-Kosovo jkun il-punt fokali tal-koperazzjoni kollha;

7.  Jilqa' l-fatt li ċ-ċittadini Serbi kellhom l-opportunità jsiefru lejn iż-żona Schengen mingħajr viżi sa minn Diċembru 2009, kif sostnut bil-qawwa mill-Parlament; jappoġġa bis-sħiħ din l-estensjoni ta' reġim ħieles mill-viżi, madankollu jinsab imħasseb dwar iż-żieda fin-numru ta' persuni li jfittxu asil f'xi Stati Membri tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet jinforzaw l-isforzi tagħhom sabiex jispjegaw lis-soċjetà l-inammissibilità ta' tali rikjesti u jidentifikaw l-organizzaturi ta' 'vjaġġ ta' asil' u jħarrkuhom; jenfasizza, madankollu li kull miżura li għandha l-għan li tevita l-abbuż ta’ reġim ta’ vjaġġar ħieles mill-viża għandha tkun ibbażata fuq l-istat ta’ dritt u ma għandhiex tikser indebitament id-drittijiet fundamentali, pereżempju billi tiċħad b’mod arbitrarju d-dritt tal-individwi li jħallu pajjiżhom; jitlob lill-Istati Membri tal-UE jgħinu lis-Serbja fl-isforzi tagħha fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata b'konnessjoni ma' traffikar ta' persuni li jfittxu asil mhux ġustifikat; barra minn hekk jinnota li s-Serbja qed issir dejjem iżjed pajjiż li jilqa’ persuni li jfittxu asil, u teħtieġ għalhekk ġestjoni aktar effiċjenti tar-rikjesti ta’ asil;

8.  Jinnota li numru kbir ta’ persuni Serbi li jfittxu asil fl-Unjoni Ewropea jagħmlu parti minn minoranzi etniċi; jitlob lill-awtoritajiet Serbi biex jittrattaw il-problemi tagħhom b’mod attiv, li huma aggravati mis-sitwazzjoni ekonomika attwali u r-rata għolja ta’ qgħad, billi jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u jtejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien tagħhom; huwa tal-fehma li tali azzjonijiet se jnaqqsu u eventwalment jeliminaw il-kawżi prinċipali tan-numru ogħli ta’ applikazzjonijiet għal asil; minbarra dan, jitlob lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiġġieldu l-gruppi kriminali organizzati li huma responsabbli mit-traffikar tal-persuni, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-aġenziji għall-inforzar tal-liġi tal-UE;

9.  Jenfasizza l-importanza kbira tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għall-istat tad-dritt fil-pajjiż; jilqa’ l-adozzjoni riċenti ta’ diversi liġijiet relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jinkoraġġixxi l-awtoritajiet Serbi jiffokaw fuq l-implimentazzjoni effettiva tagħhom; iżda jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ implimentazzjoni u l-influwenza dejjem tiżdied tal-eżekuttiv fuq ix-xogħol tal-istituzzjonijiet indipendenti u l-midja; jinnota f’dan ir-rigward li l-pożizzjoni tas-Serbja fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ma marritx għall-aħjar matul dawn l-aħħar tliet snin; jenfasizza li mhux biss ir-rieda politika dikjaratorja iżda r-rieda politika ġenwina hija meħtieġa biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni; jinkoraġġixxi lill-gvern jibni t-tmexxija soda fuq il-proċessi ta’ kontra l-korruzzjoni; jilqa' ugwalment id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali dwar in-nuqqas ta' kostituzzjonalità fl-okkupazzjoni ta' diversi funzjonijiet pubbliċi bħala pass lejn aktar trasparenza fis-settur pubbliku, li tnaqqas ir-riskju ta' kunflitti ta' interessi; jenfasizza madankollu li l-interessi interkonnessi ta' partiti politiċi u tas-settur privat isostnu l-korruzzjoni sistematika, problema komuni fir-reġjun li għadha mifruxa, u jitlob atti kredibbli ta' prosekuzzjoni ta' kawżi ta' livell għoli u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' protezzjoni adegwata għall-persuni li jirrappurtawha; jenfasizza bl-istess mod li l-korruzzjoni fis-settur tas-saħħa hi ta’ tħassib partikolari; iħeġġeġ lill-Gvern jagħti segwitu għas-sejbiet ta' livell għoli u korruzzjoni sistematika identifikati mill-Kunsill Kontra l-Korruzzjoni u l-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni, kif ukoll sabiex jiżgura li dawn l-aġenziji jkollhom riżorsi finanzjarji u amministrattivi adegwati sabiex iwettqu l-ħidma tagħhom u jagħtu aktar appoġġ ta' livell għoli lill-istrateġija kontra l-korruzzjoni;

10. Jinsab imħasseb mill-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Emendar tal-Liġi dwar l-Akkwist Pubbliku, li mhuwiex konformi mal-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Akkwist Pubbliku tal-Gvern Serb stess; jistieden lill-Gvern Serb jippermetti konsultazzjoni pubblika adegwata dwar l-abbozz ta' liġi u li jġibu konformi mal-istrateġija tal-akkwist pubbliku uffiċjali tal-Gvern u mal-istandards internazzjonali; jenfasizza li l-bidliet fil-Liġi ma għandhomx idgħajfu l-korp li jissorvelja l-proċeduri ta' akkwist pubbliku peress li dan il-qasam ġie identifikat bħala wieħed mis-sorsi l-aktar importanti ta' korruzzjoni sistemika fil-pajjiż;

11. Jiġbed l-attenzjoni għal ħafna irregolaritajiet irrappurtati, b'mod partikulari fl-oqsma tal-proċess ta' privatizzazzjoni u tal-akkwist pubbliku, u jitlob impenn aktar attiv min-naħa tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi sabiex jiżguraw l-investigazzjoni bir-reqqa tagħhom u li dawk li wettqu r-reat jingħataw f'idejn il-ġustizzja; jiġbed l-attenzjoni f'dan ir-rigward għall-importanza ewlenija li jiġi kkompilat rendikont dettaljat u komplet tal-proprjetà pubblika sabiex jiġi pprovdut ambjent ta' negozju sikur u prevedibbli, li tiġi żgurata l-kontinwità tar-restituzzjoni ta' proprjetà privata mingħajr ebda tip ta' diskriminazzjoni, speċjalment fuq bażi etnika, u biex ikun evitat l-akkwist illegali ta' assi pubbliċi minn interessi privati; jilqa’ l-fatt li l-Att dwar ir-Rijabilitazjoni li ġie adottat isolvi kwistjonijiet kontroversjali rigward il-ħtija kollettiva u li r-responsabilità individwali tiddomina f’din il-liġi; jistieden lill-gvern biex jiggarantixxi l-effiċjenza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Att dwar ir-Restituzzjoni u l-Att dwar ir-Rijabiliazzjoni;

12. Jilqa' l-adozzjoni tal-liġi dwar il-finanzjament ta' attivitajiet politiċi bħala pass fundamentali lejn it-trasparenza tas-sistema politika, u jitlob l-implimentazzjoni xierqa tagħha, b'mod partikolari għat-twaqqif ta’ sistema effikaċi ta' monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet u sanzjonijiet effikaċi;

13. Ifakkar fl-importanza tax-xogħol tal-Parlament Serb, jilqa' l-passi li ttieħdu sabiex jissaħħu r-rwol leġiżlattiv tiegħu u s-superviżjoni tal-azzjonijiet tal-gvern u jitlob sforzi ulterjuri sabiex jissaħħu ulterjorment il-kapaċitajiet għat-twettiq effikaċi tal-kompiti tiegħu, partikularment fir-rigward ta' servizzi ta' sigurtà; għal dan il-għan, jilqa' d-deċiżjoni li jiġu riorganizzati s-servizzi tal-Parlament, bl-iskop li tittejjeb u tiżdied l-effiċjenza tax-xogħol tagħhom;

14. Jinnota r-riforma tad-dipartiment tal-ġudikatura u l-prosekuzzjonijiet, kif ukoll ir-riorganizazzjoni tas-sistema bl-iskop li tittejjeb l-effiċjenza tagħha u jintemmu l-każijiet b’lura, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja; jitlob lill-Gvern Serb, madankollu, biex iżid l-isforzi tiegħu biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-professjonalità ta’ dawn iż-żewġ setturi, li għandhom isirulhom riformi profondi u wiesa’; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ ġudikatura mhux politika u s-separazzjoni tas-setgħat huma elementi essenzjali fir-riforma tal-ġudikatura;

15. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ trasparenza u n-numru ta’ nuqqasijiet u defiċjenzi fil-proċedura ta’ rieżami ġudizzjarju u fil-proċedura tal-appell rigward l-imħallfin u l-prosekuturi li ma reġgħux inħatru, inklużi l-vjolazzjonijiet tal-proċeduri u l-istandards, u l-impatt li dawn id-defiċjenzi jista’ jkollhom fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, s-separazzjoni tal-poteri u d-dritt tal-istat kif ukoll id-dritt għal trattament imparzjali għall-membri kollha tal-ġudikatura, inklużi dawk li tneħħew mill-kariga; jitlob lill-awtoritajiet jiżguraw li l-Kunsill Ġudizzjarju Għoli jaġixxi b’mod trasparenti, indipendenti u b’eżerċizzju sħiħ tal-poteri tiegħu, filwaqt li japplika kriterji konsistenti u sodi stipulati mil-liġi u mingħajr pressjonijiet esterni; jindika l-ħtieġa għal sistema regolari ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni ta' imħallfin biex tkun żgurata l-kontinwità tal-kwalità tal-ġudikatura wara l-finalizzazzjoni tar-rieżami;

16. Jinsab imħasseb serjament dwar allegazzjonijiet ripetuti ta' użu ħażin tal-Artikolu 359 tal-Kodiċi Kriminali dwar l-abbuż mill-kariga li kien akkumpanjat minn allegat iffriżar mifrux u mhux ġustifikat ta’ assi tal-kumpaniji u dawk privati; jenfasizza li dawn l-allegazzjonjiet dgħajfu l-fiduċja fl-istat ta’ dritt fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet ikomplu rapidament b'reviżjoni tal-Kodiċi Kriminali sabiex jiżguraw il-konformità tiegħu mal-istandards Ewropej u jwaqqfu immedjatament l-akkużi tal-abbuż mill-kariga f’impriżi privati u impriżi b’maġġoranza ta’ sjieda privata u biex iwaqqfu l-proċeduri kriminali pendenti; jenfasizza li, jekk il-persuni ġew akkużati taħt l-Artikolu 359 u hemm suspett li l-perjodu li ġew detenuti jew l-assi tagħhom ġew ffriżati huwa sproporzjonat mal-allegat reat tagħhom, huma għandhom jiġu intitolati għal rieżami immedjat tal-proċeduri kontrihom u d-dritt li jieħdu lura l-proprjetà privata u għal kumpens ġust;

17. Jistieden lill-awtoritajiet Serbi jeżaminaw mill-ġdid immedjatament il-privatizzazzjoni u l-bejgħ kontroversjali ta’ 24 kumpanija, minħabba li l-Kummissjoni Ewropea esprimiet dubji serji fir-rigward tal-legalità tagħhom inklużi "Sartid", "Jugoremedija", "Mobtel" u "C market" u ATP Vojvodina, u biex jiddeklassifikaw immedjatament dokumenti klassifikati bħala Sigriet tal-Istat fir-rigward tal-privatizzazzjoni u l-bejgħ tagħhom, peress li dan imur kontra l-istandards Ewropej; jiġbed l-attenzjoni f'dan ir-rigward għall-importanza ewlenija li jiġi kkompilat rendikont dettaljat u komplet tal-proprjetà pubblika sabiex jiġi pprovdut ambjent ta' negozju sikur u prevedibbli, li tiġi żgurata r-restituzzjoni ta' proprjetà privata u biex ikun evitat l-akkwist illegali ta' assi pubbliċi minn interessi privati;

18. Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet serji fil-funzjonament tal-programm ta' protezzjoni tax-xhieda fir-rigward ta' każijiet ta' delitti tal-gwerra li wasslu għall-ħruġ volontarju mill-programm ta' numru ta' xhieda wara li ġew sistematikament intimidati; jistieden lill-Ministru għall-Intern u l-Uffiċċju tal-Prosekuturi tad-Delitti tal-Gwerra jimpenjaw ruħhom attivament fi sforzi sabiex jiżguraw is-sikurezza u l-benesseri tax-xhieda kollha li jipparteċipaw fil-programm ta' protezzjoni; jenfasizza li programm ta' protezzjoni tax-xhieda funzjonali huwa ta' importanza kbira għall-istat tad-dritt tal-pajjiż kif ukoll sabiex tintwera r-rieda politika li jiġu indirizzati b'mod effettiv il-każijiet ta' delitti ta' gwerra li tħallew f'idejn il-ġudikatura nazzjonali mill-ICTY;

19. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi sabiex jibdew u jiggarantixxu r-rijabilitazzjoni legali u l-kumpens finanzjarju ta' persuni persegwitati għal raġunijiet politiċi, etniċi jew reliġjużi fil-passat, inklużi dawk li sofrew b'konsegwenza tal-applikazzjoni tal-ħtija kollettiva;

20. Jitlob lill-awtoritajiet biex ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex jeliminaw l-effetti tas-servizzi sigrieti Komunisti preċedenti, bħala pass għad-demokratizzazzjoni tas-Serbja; ifakkar l-importanza ta’ aktar riforma fis-settur tas-sigurtà, iż-żieda fil-monitoraġġ parlamentari u l-kontroll fuq is-servizzi tas-sigurtà, kif ukoll il-ftuħ tal-Arkivji Nazzjonali, u partikolarment tad-dokumenti tal-aġenzija tal-intelligence preċedenti, il-UDBA; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiffaċilitaw l-aċċess ta’ dawk l-arkivji li jikkonċernaw l-ex repubbliki tal-Jugoslavja u jingħataw lura lill-gvernijiet rispettivi jekk jirrikjeduhom;

21. Jilqa' l-progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika iżda jenfasizza li għad hemm il-ħtieġa ta' sforzi sabiex tiġi żgurata l-professjonalità sħiħa u l-indipendenza tagħha mill-influwenza politika permezz tal-applikazzjoni sħiħa ta' sistema ta' nomina u karrieri bbażata fuq il-mertu; jitlob aktar koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika u għall-inklużjoni tal-Gvern lokali fil-qafas leġiżlattiv; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas estrem ta’ rappreżentanza ta’ minoranzi nazzjonali fl-amministrazzjoni pubblika u fil-qrati, kif ukoll fil-kumpaniji tal-istat;

22. Jilqa' l-emendi għal-liġijiet dwar l-elezzjonijiet, inklużi l-elezzjonijiet lokali u b'mod partikulari t-tneħħija ta' prattiki mhux demokratiċi ta' nomini ta' membri parlamentari minn partiti politiċi irrispettivament mill-ordni fuq il-lista tal-votazzjoni u ta' ittri ta' riżenja mingħajr data, sabiex ikun possibbli l-kontroll politiku fuq xogħolhom; jitlob l-adozzjoni tal-liġi dwar il-Kummissjoni Elettorali tal-Istat immedjatament wara l-elezzjonijiet sabiex tinħoloq entità indipendenti għall-kontroll tal-proċess tal-elezzjoni;

23. Jilqa' r-rwol tal-korpi regolatorji indipendenti fit-titjib tal-effiċjenza u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż; ifaħħar b’mod partikolari x-xogħol imwettaq mill-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Informazzjoni ta' Importanza Pubblika u l-Protezzjoni tad-Data Personali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jipprovdu lill-Istituzzjoni Statali tal-Awditjar, il-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Kompetizzjoni, l-Uffiċċju għall-Akkwist Pubbliku u l-Kummissjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Offerent b’kapaċitajiet finanzjarji u amministrattivi, kif ukoll uffiċċji biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom; jerġa’ jtenni li korpi regolatorji indipendenti huma essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni sistematika u jipprovdu sorveljanza effikaċi tal-gvern;

24. Ifakkar li midja b'saħħitha, professjonali u indipendenti u l-provvista tal-internet huma elementi indispensabbli ta' sistema demokratika; għal dan il-għan jilqa' l-adozzjoni tal-Iżvilupp tal-Istrateġija għas-Sistema ta' Informazzjoni Pubblika u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha u l-irtirar ippjanat tal-istat minn kull sjieda tal-midja; jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija tirrispetta d-drittijiet kostituzzjonali fir-rigward ta’ midja b'lingwa ta' minoranza; jinsab imħasseb, madankollu, dwar it-tentattivi ta' kontroll u ndħil fis-settur tal-midja u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-indipendenza tagħha minn pressjonijiet politiċi u influwenzi oħra; jistieden lill-Gvern Serb biex jassigura l-libertà u l-indipendenza tal-midja skont l-istandards tal-UE; jinsab imħasseb li ġiet introdotta liġi kriminali li twaqqaf kummenti pubblikament fil-midja dwar proċedimenti ġudizzjarji u verdetti; jinsab imħasseb dwar theddid kontra ġurnalisti Serbi u jitlob l-investigazzjoni bir-reqqa tiegħu sabiex il-ġurnalisti jkollhom ambjent sikur fejn iwettqu xogħolhom b'mod effikaċi u mingħajr il-ħtieġa ta' awtoċensura; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu passi kontra l-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja u n-nuqqas ta' trasparenza fil-midja kif ukoll li jiġi żgurat aċċess ugwali għas-suq tar-reklamar, inkluż l-iżburżar tal-fondi pubbliċi li ntefqu fuq ir-reklamar u l-promozzjoni; jitlob lill-ġurnalisti jirrispettaw il-Kodiċi ta’ Etika; jinnota li l-livell ta’ aċċess għall-internet għadu baxx, jirrikonoxxi l-importanza tal-internet fil-libertà tal-midja u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isaħħu kemm jistgħu l-isforzi tagħhom f’dan il-qasam;

25. Jiddispjaċih mill-fatt li l-awtoritajiet tal-Istat effettivament imponew fil-pajjiż iż-żamma tal-informazzjoni fir-rigward tal-inċidenti ta' Lulju 2011 fit-tramuntana tal-Kosovo u rrappreżentaw ħażin ir-rwol tal-KFOR f'dawn l-avvenimenti; jenfasizza l-importanza ta' midja ħielsa u indipendenti għad-demokrazija u pubbliku infurmat tajjeb;

26. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-funzjonament tal-kunsilli ta’ minoranza nazzjonali eletti demokratikament, li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, il-midja u l-użu uffiċjali tal-lingwa; jinnota madankollu l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-kompetenzi ta’ dawn il-korpi awtogovernattivi ta' minoranza u tal-ħtieġa ta’ sussidji baġitarji adegwati ggarantiti bil-Liġi dwar il-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali; jinnota l-ilmenti dwar l-irregolaritajiet fil-proċess ta’ tħejjija u r-rekwiżiti ġuridiċi għat-twaqqif tal-kunsilli, kif ukoll jinnota l-ilmenti dwar il-vjolazzjoni tal-kompetenzi garantiti tal-kunsilli nazzjonali minn xi ministeri u muniċipalitajiet lokali, u jistieden lill-awtoritajiet biex jirrisponduhom; jilqa’ dawk id-deċiżjonijiet tal-Qorti Amministrattiva Serba li sostnew il-każijiet mressqa mill-Kunsill Nazzjonali tal-Minoranza Nazzjonali Ungeriża li rriżultaw mill-ksur tal-kompetenzi tal-Kunsill Nazzjonali mill-awtoritajiet lokali;

27. Jesprimi sodisfazzjon dwar is-sitwazzjoni interetnika ġeneralment tajba u l-fatt li n-numru u l-intensità ta’ inċidenti abbażi ta’ etniċità naqsu fil-pajjiż, iżda jinkoraġġixxi aktar sforzi mis-Serbja fil-qasam tal-protezzjoni tal-minoranzi, billi timplimenta b’mod konsistenti l-leġiżlazzjoni li ġiet adottata; jinsab imħassseb dwar il-protesti minn Albaniżi etniċi kontra d-diskriminazzjoni u dwar is-sitwazzjoni ta' tensjoni f'Sandžak u jistieden lill-gvern jagħti prijorità politika akbar għat-titjib fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minoranzi kollha, inkluż l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni fil-lingwa tagħhom stess, l-aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u r-rappreżentazzjoni ġusta f'istituzzjonijiet; bl-istess mod, jitlob lill-Gvern jindirizza l-problema tad-disparitajiet reġjonali billi jipprovdi appoġġ għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ Sandžak u tar-reġjun tax-Xlokk, inkluż il-wied ta’ Preševo, u biex jiżviluppa l-istrateġiji biex inaqqas ir-rati tal-qgħad f’dawn ir-reġjuni; jilqa’ l-ftehim li ntlaħaq f’Ottubru fil-muniċipalità ta’ Bujanovac, li jipprevedi passi li jintegraw Serbi etniċi fl-amministrazzjoni pubblika, u jitlob għall-implimentazzjoni rapida tagħha;

28. Jinnota li sentejn wara l-elezzjonijiet għall-kunsilli ta' minoranza għadu ma twaqqafx kunsill nazzjonali Bosnjakk minħabba l-allegazzjoni ta’ nuqqasijiet proċedurali fil-proċess elettorali u jitlob il-formazzjoni rapida tiegħu b'konformità mar-regoli; jistieden lill-mexxejja politiċi u reliġjużi jieqfu milli jagħmlu dikjarazzjonijiet xewwiexa, li jirriskjaw li jżidu t-tensjonijiet; jistieden lill-Gvern Serb jibqa’ newtrali fir-rigward tat-tensjonijiet marbuta mal-komunità reliġjuża f’Sandžak u jieħu l-miżuri biex jiżgura relazzjonijiet tajba ma’ din il-komunità waqt li jiżgura d-dritt għal-libertà ta' reliġjon tagħha;

29. Jenfasizza l-importanza taċ-ċensiment tal-popolazzjoni sabiex tinġabar informazzjoni tal-istatistika importanti għall-iżvilupp tas-Serbja, b'mod partikulari għar-reġjuni l-anqas żviluppati; jilqa' l-fatt li b'mod ġenerali l-operazzjonijiet ta' ċensiment fis-Serbja twettqu b'suċċess f'Ottubru 2011; jiddispjaċih ħafna dwar is-sejħiet għall-bojkott taċ-ċensiment minn politiċi ta' oriġini etnika Albaniża, li ġew eżegwiti minn membri ta' kummissjonijiet muniċipali għaċ-ċensiment u numru konsiderevoli ta' ċittadini fi Preševo u Bujanovac; jinnota li l-awtoritajiet għadhom ma ppreżentawx informazzjoni statistika dwar l-etniċità;

30. Jitlob passi ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas leġiżlattiv dwar il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni; jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' rieda politika għall-promozzjoni attiva tal-politika ta' tolleranza u r-rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem kif ukoll għall-iżgurar tas-sikurezza tal-parteċipanti tal-''Pride Parade'' tat-2 ta' Ottubru 2011, li ntweriet tul il-proċess ta' preparazzjoni tagħha, li wasslet għall-projbizzjoni tal-organizzazzjoni tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-kummenti xewwiexa u diskriminatorji dwar is-suġġett minn xi politiċi u membri tal-kleru Ortodoss; ifakkar lill-Gvern li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-assoċjazzjoni huma drittijiet fundamentali tal-bniedem u valuri bażiċi tal-UE li jridu jiġu rrispettati minn kull pajjiż li jaspira li jsir Membru tal-UE; jilqa’ s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar din il-kwistjoni; jilqa' l-azzjoni pożittiva li ttieħdet mill-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Ugwaljanza għall-promozzjoni ta' dawn il-valuri fis-soċjetà Serba;

31. Jitlob l-investigazzjoni tat-theddid mill-gruppi estremisti li ngħata bħala r-raġuni għall-projbizzjoni tal-parata; jenfasizza l-importanza tal-ewwel kundanni li qatt kien hemm għad-diskriminazzjoni kontra l-persuni omosesswali fis-Serbja, inkluża s-sentenza tal-Qorti Għolja ta' Belgrad kontra mexxej tal-lemin estrem għal sentejn priġunerija għat-tixwix għall-vjolenza waqt il-parata tal-'gay pride' tal-2010, iżda innota l-pass ġeneralment kajman tal-investigazzjoni tal-vjolenza marbuta mal-Pride Parade 2010, li s’issa rriżulta f’numru żgħir ta’ konvinzjonijiet akkumpanjati minn sentenzi ħfief; jilqa' madankollu l-passi li ttieħdu mill-prosekuzzjoni u l-qrati lejn il-projbizzjoni tal-funzjonament ta' organizzazzjonijiet estremisti; jitlob l-awtoritajiet tal-Istat u tal-belt biex jaħdmu b’mod diliġenti għall-formazzjoni ta’ atmosfera ta’ tolleranza, inkluż kampanji li jqajmu għarfien kontra l-omofobija, f’konformità mal-istandards Ewropej;

32. Jilqa' l-progress fit-titjib tal-protezzjoni tat-tfal u l-istabbiliment ta' bażi legali soda u strateġiji sabiex jiżdied ir-rispett għad-drittijiet tat-tfal u għar-riforma tas-sistema tal-benesseri tat-tfal; madankollu jinsab imħasseb dwar il-pass kajman tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata, speċjalment dik rigward it-tfal b'diżabilitajiet, li ħafna minnhom jibqgħu effettivament esklużi mis-soċjetà, u l-iżvilupp tas-servizzi għall-ħarsien tat-tfal fuq livell lokali; jinsab partikularment imħasseb dwar iż-żieda fil-vjolenza fost iż-żgħażagħ; jitlob f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet jaġixxu bil-qawwa fl-implimentazzjoni ta' miżuri preventivi u jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jeqirdu għalkollox il-vjolenza mill-iskejjel;

33. Jilqa' l-emendi fil-liġi elettorali għaż-żieda fil-persentaġġ ta' nisa fil-leġiżlatura; jitlob lill-awtoritajiet jimplimentaw bla telf ta’ żmien politiki biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, inkluż id-diskriminazzjoni indiretta, li n-nisa għadhom jiffaċċjaw fis-suq tax-xogħol u f’setturi oħra tas-soċjetà, u biex jinkoraġġixxu aktar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja politika tal-pajjiż, inkluż f’karigi tal-Gvern; jinsab imħasseb li minkejja li kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-korpi implimentattivi huma stabbiliti fir-rigward ta’ miżuri kemm tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-implimentazzjoni effikaċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti u t-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva jibqgħu sfidi ewlenin; iħeġġeġ lill-awtoritajiet iħaffu l-isforzi tagħhom għal dan il-għan; jitlob aktar sforzi enerġetiċi għall-prevenzjoni u r-rappurtar tal-vjolenza domestika kif ukoll sabiex tiġi pprovduta għajnuna għall-vittmi tagħha; għal dan il-għan, jilqa' l-ftuħ tal-ewwel dar sikura fin-nofsinhar tas-Serbja;

34. Jenfasizza s-sitwazzjoni diffiċli tal-komunità Rom, li qed tkompli ġġarrab diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll issib diffikultajiet fl-aċċess għal akkomodazzjoni, edukazzjoni u kura tas-saħħa adegwati; jilqa' numru ta' inizjattivi li ttieħdu mill-awtoritajiet sabiex jiġu indirizzati b'mod partikolari l-kwistjonijiet dwar il-qagħda tas-saħħa, l-aċċess għall-edukazzjoni u r-reġistrazzjoni tar-Rom; jitlob lir-rappreżentanti tal-komunità Rom biex jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’dan il-proċess; jitlob lill-Gvern Serb jimplimenta b’mod sħiħ l-Istrateġija Nazzjonali għat-Titjib tal-Istatus tar-Rom u l-pjan ta’ azzjoni relatat magħha biex itejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom skont il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom; jinsab imħasseb dwar ir-rati baxxi ta' tagħlim fl-iskola tat-tfal Rom, speċjalment fost il-bniet; jistieden lill-Gvern Serb jiżgura li r-Rom kollha jkunu pprovduti b'dokumenti ta' identità, li n-nuqqas tagħhom jostakolahom milli jgawdu minn drittijiet bażiċi ċivili; jenfasizza s-sitwazzjoni partikolarment diffiċjli tal-membri tal-komunità Rom fis-Serbja li ħarbu mill-Kosovo fil-bidu tal-gwerra; jikkundanna t-tkeċċijiet furzati tar-Rom, inkluż dawk ta' tfal u anzjani, mingħajr konsultazzjoni u notifika adegwati u mingħajr ma jiġu pprovduti b'akkomodazzjoni alternattiva; jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu din il-prattika immedjatament;

35. Jitlob lill-awtoritajiet Serbi jiżviluppaw qafas istituzzjonali u legali għall-organizzazzjonijiet tas-servizzi soċjali, jikoordinaw aħjar il-provvista tas-servizzi u tal-intitolamenti, billi jaġġustawha għall-bżonnijiet lokali u jinvolvu l-benefiċjarji effettivi u dawk potenzjali fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-sistemi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali; Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċità tal-muniċipalitajiet għal dan il-għan;

36. Jenfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għat-titjib tar-relazzjonijiet interetniċi u t-trawwim tat-tolleranza, u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet; jistieden lill-gvern u lill-parlament jiżviluppaw u jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta' qafas konsistenti għall-konsultazzjoni adegwata tagħhom fl-iżvilupp tal-politiki soċjali; iħeġġeġ lill-Gvern jinvestiga bis-sħiħ l-inċidenti kollha kontra minoranzi etniċi; jinsab imħasseb dwar it-theddid kontra l-attivisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u organizzazzjonijiet tal-midja, b'mod partikulari dawk li jaħdmu fl-oqsma tad-delitti tal-gwerra, il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, id-drittijiet tal-leżbjani, l-omosesswali, il-bisesswali u t-transġeneru (LGBT) u r-relazzjonijiet mal-Kosovo, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li dan it-theddid jiġi investigat u li dawk li wettqu r-reat jingħataw f'idejn il-ġustizzja, biex b'hekk jiġi fi tmiemu l-livell għoli ta' impunità eżistenti;

37. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva RECOM (Kummissjoni reġjonali għas-sejbien tal-verità u r-rakkont tal-verità dwar id-delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem f'dik li kienet il-Jogoslavja) bil-għan li jinġieb 'il quddiem il-proċess ta' rikonċiljazzjoni fil-Balkani tal-Punent;

38. Jenfasizza li s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea riveduta; jinnota l-fatt li d-drittijiet tax-xogħol u t-trejdjunjins għadhom limitati minkejja l-garanziji kostituzzjonali u jistieden lis-Serbja ssaħħaħ aktar dawn id-drittijiet; huwa mħasseb li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u li l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha irregolari; jitlob li jittieħdu aktar passi biex jissaħħaħ il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex jiġi assigurat li dan ikun jista’ jkollu rwol attiv fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u jkollu rwol konsultattiv aktar attiv fit-tfassil tal-liġijiet;

39. Jistieden lis-Serbja u lill-Kummissjoni jiżguraw li r-riformi strutturali u l-liberalizzazzjoni mwettqa fil-qafas tal-progress lejn is-sħubija fl-UE ma jwasslux għad-deterjorazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tad-drittijiet tax-xogħol u tat-trejdunjins;

40. Jinnota b’sodisfazzjon li l-għajnuna tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) taħdem sew fis-Serbja; iħeġġeġ kemm lill-gvern kif ukoll lill-UE biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-finanzjament tal-IPA bil-għan li jagħmluh aktar aċċessibbli għal benefiċjarji iżgħar u mhux ċentralizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm livell adegwat ta’ appoġġ ta’ qabel l-adeżjoni fir-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju tal-UE;

41. Jilqa' l-ħidma tal-Ombudsman u jistieden lill-awtoritajiet jagħtu appoġġ politiku sħiħ u jiżguraw segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jipprovdu s-servizzi tiegħu b'kapaċitajiet finanzjarji, amministrattivi u ta' uffiċċji adegwati sabiex iwettaq l-attivitajiet;

42. Jilqa' l-inizjattiva tal-awtoritajiet tal-belt ta' Belgrad li jniedu kampanja dwar Belgrad bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2020 u jinkoraġġixxi proġetti relatati li jqarrbu lil Belgrad u lis-Serbja kulturalment lejn l-UE, b'mod partikulari fir-rigward tal-koeżistenza interetnika, il-komprensjoni multikulturali u d-djalogu interreliġjuż; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw il-kandidatura ta' Belgrad; jistieden f'dan ir-rigward lill-Parlament Serb sabiex jadotta u jimplimenta l-liġijiet speċjali meħtieġa għar-regolazzjoni tal-attività kulturali u jadotta Strateġija għall-Iżvilupp Kulturali sabiex jimplimenta aħjar il-liġi dwar il-kultura;

43. Itenni l-importanza ta' koperazzjoni reġjonali inklużiva fil-Balkani tal-Punent u jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tas-Serbja fl-inizjattivi reġjonali u laqgħat bilaterali li jippromwovu relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, kif ukoll ir-rwol dejjem aktar attiv tagħha sabiex trawwem ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun; jilqa' ż-żjara uffiċjali tal-President Tadić ġewwa l-Bosnja-Ħerzegovina u l-appoġġ tiegħu għall-integrità territorjali u s-sovranità tal-pajjiż; jistieden lill-Gvern Serb jiżgura li r-relazzjonijiet diretti tiegħu mal-awtoritajiet tar-Repubblika Srpska jkunu konformi ma' dan l-appoġġ iddikjarat u ma jdgħajfux l-integrità, is-sovranità, il-kompetenzi u l-funzjonament effikaċi tal-istituzzjonijiet tal-istat tal-Bosnja-Ħerżegovina; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jappoġġaw ir-riformi fil-BiH immirati li jsaħħu u jagħmlu aktar effiċjenti l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, fid-dawl tar-riformi relatati mal-UE; jistieden liż-żewġ gvernijiet jorganizzaw sessjoni konġunta speċjali sabiex jiksbu koordinazzjoni aħjar f'riformi relatati mal-UE; jilqa' l-inizjattivi u l-kisbiet fir-rigward tat-titjib tar-relazzjonijiet politiċi bejn il-Kroazja u s-Serbja u mnedija mill-presidenti Josipović u Tadić; jerġa’ jtenni li tali relazzjonijiet bilaterali huma bażi tajba għar-risolviment tal-kwistjonijiet pendenti dwar il-fruntieri u jenfasizza li l-kawżi dwar il-ġenoċidju mressqa miż-żewġ pajjiżi kontra xulxin m’għandhomx jimpedixxu aktar progress f’dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi jaħdmu mill-qrib mal-pajjiżi ta' dik li kienet il-Jugoslavja u ma' pajjiżi ġirien oħra għar-riżoluzzjoni tal-problemi kollha li għad fadal tas-suċċessjoni legali; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni transkonfinali mal-Istati Membri tal-UE ġirien, il-Bulgarija, l-Ungerija u r-Rumanija, inkluż fi ħdan il-qafas għall-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju;

44. Jilqa' l-involviment attiv tas-Serbja sabiex iġġib 'il quddiem il-proċess ta' Sarajevo u l-iffirmar, fis-7 ta' Novembru, mis-Serbja flimkien mal-Bosnja-Ħerżegovina, il-Kroazja u l-Montenegro, ta' dikjarazzjoni Ministerjali dwar it-tmiem ta' spostamenti u s-sejbien ta' soluzzjonijiet dewwiema għar-refuġjati u persuni spostati; jistenna bil-ħerqa l-Konferenza tad-Donaturi Reġjonali li għandha sseħħ fl-24 ta’ April f’Sarajevo, fejn se jiġi ppreżentat il-Programm Reġjonali Konġunt tad-Djar li jkopri l-ħtiġijiet li fadal, u jispera li se tiġi żgurata għajnuna sostanzjali biex jinstabu djar għar-refuġjati u persuni spostati fil-pajjiżi kollha, waqt li tkun żgurata l-proporzjonalità għas-Serbja, li qed takkomoda waħda mill-akbar popolazzjonijiet ta’ persuni spostati fl-Ewropa;

45. Jilqa' t-titjib fir-relazzjonijiet bejn il-Montenegro u s-Serbja; jitlob koordinament aktar strett bejn il-gvernijiet rispettivi fir-riformi relatati mal-UE u b'mod partikulari fl-isforzi sabiex jiġu indirizzati sfidi konġunti fir-rigward tal-istat tad-dritt, speċjalment il-miżuri kontra l-kriminalità organizzata; jinkoraġġixxi liż-żewġ gvernijiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex isibu soluzzjoni għall-kwistjonijiet li fadal dwar il-fruntieri;

46. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn is-Serbja u l-Maċedonja dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini apparti l-ftehimiet diġà ffirmati mis-Serbja mal-Montenegro u l-Bosnja u Ħerżegovina, u jittama li tali ftehimiet, li jtejbu r-relazzjonijiet bilaterali u jsaħħu l-opportunitajiet għall-persuni kkonċernati, jistgħu jiġu estiżi għall-pajjiżi kollha fir-reġjun;

47. Jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet tal-Kumitat ta' rikonċiljazzjoni storika u jtenni li djalogu kontinwu jista' jwassal għal relazzjonijiet aħjar; madankollu jiddispjaċih li l-akbar parti tal-arkivji storiċi, speċjalment dawk tal-pulizija sigrieta preċedenti, UDBA, għadhom magħluqin; iħeġġeġ ulterjorment investigazzjoni sħiħa u bir-reqqa tal-massakri tal-1944-1945;

48. Jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu l-eżempju tal-provinċja relattivament għanja Vojvodina għar-reġjuni inqas żviluppati tas-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet ikomplu rapidament bl-adozzjoni tal-liġi relatata rigward il-finanzjament tal-provinċja sentejn wara l-adozzjoni tal-Istatut ta' Vojvodina;

49. Jirrakkomanda li l-fondi Ewropej għandhom isiru direttament aċċessibbli għall-kunsilli ta' minoranzi nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-Serbja, fil-kuntest tal-appoġġ tal-UE għall-proċess ta' riforma tal-pajjiż;

50. Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet iniedu passi ulterjuri u jiftħu lir-reġjuni mal-fruntieri għall-pajjiżi ġirien sabiex jiġu ffaċilitati r-rabtiet kummerċjali u ekonomiċi; jenfasizza l-importanza li jinfetaħ terminal għat-trakkijiet kummerċjali u prodotti fil-punt ta' qsim tal-fruntiera f'Ribarci-Oltomantsi għat-titjib tal-iżvilupp ekonomiku lokali;

51. Jenfasizza l-importanza kbira ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ulterjuri tas-Serbja u sabiex jonqos il-qgħad għoli fil-pajjiż, partikularment fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-awtoritajiet jimpenjaw ruħhom b'mod attiv sabiex jippromwovu l-valur tal-edukazzjoni fost iż-żgħażagħ kif ukoll jinvestu aktar fl-edukazzjoni għolja; jenfasizza l-ħtieġa għal investiment pubbliku għar-reklutaġġ tal-gradwati universitarji bl-għan li jrendi s-settur pubbliku aktar effiċjenti u jipprevjeni aktar telf ta’ nies ta’ ħila (“brain drain”) li jimpedixxi b’mod serju l-iżvilupp tal-pajjiż fuq perjodu ta’ żmien twil;

52. Jitlob aktar sforzi sabiex tiġi żgurata l-edukazzjoni ta’ kwalità bla restrizzjoni f'lingwi ta' minoranza fuq livell statali u dak provinċjali, li huwa neċessarju għall-preservazzjoni tal-identità etnika u kulturali, dritt li diġà huwa żgurat permezz ta' mezzi kostituzzjonali kif ukoll permezz tal-Liġi federali tal-2002 dwar il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet ta' minoranzi nazzjonali, u skont il-linji gwida definiti fil-Konvenzjoni qafas għall-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali, u b'mod partikulari sabiex jiġu pprovduti l-kotba u l-materjali edukattivi kollha neċessarji; għal dan il-għan, jilqa' l-ftuħ ta' fakultà universitarja bilingwi f'Bujanovac, li takkomoda kemm studenti ta' oriġini etnika Albaniża u Serba; jinkuraġġixxi s-Serbja biex tirreplika dan il-mudell għal politika lejn minoranzi oħra fejn ikun adegwat; Jinkoraġġixxi kemm minoranzi u l-maġġoranza tal-komunità Serba biex jitgħallmu l-lingwi ta’ xulxin fl-interessi ta’ ftehim aħjar; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rrispettata d-diversità kulturali tal-minoranzi etniċi, billi tkun permessa l-proliferazzjoni mingħajr tfixkil ta' ċentri kulturali, midja elettronika u stampata u libreriji li jaqdu b'mod adegwat il-ħtiġijiet kulturali ta' dawn il-komunitajiet;

53. Jistieden lill-Gvern Serb isolvi l-kwistjoni tal-akkreditament tal-Università Internazzjonali ta' Novi Pazar f'Sandžak u jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Kummissjoni għall-Akkreditazzjoni u l-Iżgurar tal-Kwalità;

54. Jilqa' l-passi importanti li ttieħdu sabiex tiġi stabbilita ekonomija tas-suq li tiffunzjona, u l-attivitajiet tal-gvern li wasslu għal sitwazzjoni finanzjarja u makroekonomika mtejba tas-Serbja; jinnota d-deċiżjoni li jiġi ffriżat il-ftehim stand-by mal-FMI sakemm jiġi elett il-gvern ġdid; jenfasizza li s-Serbja teħtieġ li tkompli tagħmel riformi strutturali sabiex ittejjeb il-kapaċità produttiva tal-ekonomija u li l-pajjiż jeħtieġ li jnaqqas id-defiċit baġitarju; ifakkar li l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali għandha effett negattiv fuq is-soċjetà, b’mod partikolari fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli; jitlob lill-awtoritajiet jagħmlu kull sforz biex jimminimizzaw l-effetti negattivi fuq dawn il-gruppi – il-faqar, il-qgħad, l-esklużjoni soċjali – u biex jindirizzaw il-kawżi prinċipali taħghom billi jiżviluppaw politiċi soċjali u ekonomiċi;

55. Jenfasizza li stat tad-dritt ġenwin fil-pajjiż huwa meħtieġ sabiex jiġi attirat investiment barrani, jittejbu l-kundizzjonijiet għat-tranżizzjoni aktar mgħaġġla tal-ekonomija lejn suq ħieles u jinħoloq ambjent ta' negozju aħjar; għal dan il-għan ifakkar li l-eżistenza ta' monopolji xxekkel ferm din it-tranżizzjoni u jistieden lill-Gvern ikompli jieħu miżuri sabiex dawn jitneħħew; jenfasizza l-importanza li titneħħa l-burokrazija żejda u jissaħħu l-kompetizzjoni u r-rwol tas-settur privat;

56. Ifaħħar l-isforzi tal-Gvern sabiex jiżviluppa settur tal-SME li jirnexxi permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti u t-twaqqif ta' korpi amministrattivi għall-appoġġ tal-SMEs; fl-istess waqt jitlob aktar sforzi sabiex tiġi ffaċilitata l-proliferazzjoni tal-SMEs permezz tat-tnaqqis fil-piż amministrattiv u r-riġidità tas-suq tax-xogħol u jiżdied l-aċċess għall-finanzi; iħeġġeġ lill-Gvern juża definizzjoni ta' SME li tkun konformi bis-sħiħ mar-rakkomandazzjonijiet tal-UE;

57. Jistieden lill-Gvern Serb jintroduċi l-miżuri neċessarji sabiex tiżdied il-kooperazzjoni mas-settur tal-SME fir-reġjuni ġirien; jenfasizza li dan huwa prerekwiżit essenzjali jekk l-ekonomija tas-Serbja trid tkun magħġuna b'mod li jrendi aktar fis-sistema kummerċjali tal-Komunità;

58. Jilqa' l-progress tajjeb tas-Serbja fl-allinjament mal-acquis fil-qasam tal-ambjent; jitlob aktar sforzi sostnuti f'dan il-qasam, li jiffukaw fuq l-infurzar tal-leġiżlazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jintensifikaw l-isforzi tagħhom partikularment fir-rigward tal-kwalità tal-ilma u r-rimi tal-iskart; jinkoraġġixxi lis-Serbja tadotta miri tat-tibdil fil-klima konformi ma' dawk tal-Unjoni Ewropea;

59. Jilqa' l-konklużjoni tal-ftehim UE-Serbja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tas-Serja fl-operazzjonijiet għall-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE u jfaħħar lill-pajjiż għall-prontezza tiegħu sabiex jipparteċipa f'żewġ operazzjonijiet PSDK tal-UE, jiġifieri EUTM u EU NAVFOR Somalja;

60. Jitlob sforzi ulterjuri għall-iżvilupp ta' netwerk sostenibbli tat-trasport pubbliku fis-Serbja, b'mod partikulari titjib fis-sistema ferrovjarja u t-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (Kuritur VII) kif ukoll fl-infrastruttura tat-toroq, inkluża t-tlestija rapida ta' Kuritur X; jenfasizza l-importanza li jittejbu l-konnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità taċ-ċittadini;

61. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1)

ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.

(2)

A/RES/64/298

(3)

ĠU L 334, 19.12.2007, p. 46.

(4)

ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1

Avviż legali - Politika tal-privatezza