Proċedura : 2012/2604(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0207/2012

Testi mressqa :

B7-0207/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/04/2012 - 10.5

Testi adottati :

P7_TA(2012)0142

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 141kWORD 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0202/2012
17.4.2012
PE486.761v01-00
 
B7-0207/2012

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burma


(2012/2604(RSP))

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ivo Belet, Werner Langen, Tokia Saïfi, Lena Kolarska-Bobińska, Monica Luisa Macovei, Roberta Angelilli, Ria Oomen-Ruijten, Eduard Kukan, Alojz Peterle, Jarosław Leszek Wałęsa, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Csaba Sógor, Laima Liucija Andrikienė, Mario Mauro f'isem il-Grupp PPE-DE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burma (2012/2604(RSP))  
B7‑0207/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma/il-Mjanmar, b'mod partikolari dawk tal-25 ta’ Novembru 2010 u tal-20 ta’ Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra s-sett ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea kif stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tal-PESK (2010/232/PESK), u kif emendat l-aktar riċentement bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 1083/2011 tas-27 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' April 2011 dwar is-sospensjoni tal-laqgħat ta' livell għoli kif ukoll dwar il-projbizzjoni ta' viżi għall-membri ċivili tal-gvern (Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/239/PESK),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-28 ta' April 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-2 ta’ April 2012 dwar l-elezzjonijiet f’Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-Samit tal-ASEAN ta’ Novembru 2011 li jagħti l-Presidenza tal-ASEAN lill-Burma/il-Mjanmar fl-2014,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 dwar it-triq għar-riformi f’Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE dwar Burma/il-Mjanmar tat-23 ta' Jannar 2012,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, u b'mod partikulari d-Dikjarazzjonijiet tat-13 ta’ Novembru 2010 dwar il-ħelsien ta’Aung San Suu Kyi, tat-13 ta’ Jannar 2011 u tat-12 ta’ Ottubru 2011 dwar il-ħelsien ta’ priġunieri politiċi, u tat-2 ta’ April 2012 dwar il-mod ta’ kif saru l-elezzjonijiet każwali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tal-ASEAN tat-3 ta' April 2012 dwar l-eżitu tal-elezzjonijiet każwali tal-1 ta' April 2012 u s-sejħa għat-tneħħija tas-sanzjonijiet,

–   wara li kkunsidra d-diversi laqgħat bejn il-President U Thein Sein tal-Mjanmar u Daw Aung San Suu Kyi sa minn Awwissu 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-Parlament Ewropew segwa b’interess kbir il-proċess ta’ riforma politika u ekonomika f’Burma/il-Mjanmar taħt it-tmexxija tal-President U Thein Sein, u d-djalogu bejn il-Gvern u l-partijiet konċernati politiċi li qabel kienu barra mill-Parlament;

B.  billi l-mod kif saru l-elezzjonijiet każwali tal-1 ta’ April u l-istedina lil osservaturi u ġurnalisti barranin u l-preżenza tagħhom, inkluż rappreżentant tal-Parlament Ewropew, huma prova tar-rieda tal-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar li jissokta bil-proċess ta’ riforma tiegħu;

C. billi l-proċess ta’ riforma għandu jkun sostenibbli u irriversibbli u jenfasizza r-responsabilità tal-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar li jissokta bir-riformi;

D. billi l-programm li jolqot l-għajn ta’ riforma politika mniedi mill-President, il-Gvern u mill-Parlament tal-Burma/il-Mjanmar, flimkien mal-impenn għal żvilupp ekonomiku u soċjali, jista’ jwitti t-triq għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

E.  billi dawn it-tibdiliet li qed isiru joħolqu possibilitajiet importanti ġodda għall-iżvilupp ta’ relazzjoni mġedda bejn l-Unjoni Ewropea u Burma/il-Mjanmar;

F.  billi l-ħelsien reċenti ta’ għadd sostanzjali ta’ priġunieri politiċi jfisser pass kruċjali ‘l quddiem u juri biċ-ċar id-determinazzjoni tal-gvern li jkompli fit-triq tar-riforma. Jinnota madankollu li mijiet ta’ priġunieri politiċi għadhom il-ħabs, għadhom qed jinżammu f’kundizzjonijiet terribbli u mingħajr aċċess għal smigħ xieraq, filwaqt li jinnota wkoll li diversi minn dawk li ġew meħlusa ġew meħlusa kondizzjonalment, u li l-ebda waħda mil-liġijiet ripressivi li ntużaw biex daħħluhom il-ħabs ma ġiet revokata;

G. billi l-gvern qed jindirizza l-wirt ta' għexieren ta' snin ta' gwerra ċivili u ġlied bl-armi, u għaldaqstant qed tiġi konkluża sensiela ta' ftehimiet ta’ waqfien mill-ġlied mal-parti l-kbira tal-gruppi armati etniċi, għajr l-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni tal-Kachin;

H. billi l-Kunsill tal-UNHR, filwaqt li jqis il-bidliet pożittivi reċenti fil-pajjiż, għadu jesprimi tħassib dwar l-abbużi serji tal-jeddijiet tal-bniedem li għadhom qed iseħħu u dawr il-kunflitt armat li għadu għaddej f’xi żoni etniċi, b’mod speċjali fl-Istat ta’ Kachin u l-Istat tat-Tramuntana ta' Shan;

I.   billi minħabba li din se tiskadi fit-30 ta’ April 2012, hi prevista reviżjoni ulterjuri tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li timponi miżuri restrittivi fil-Laqgħa tal-Kunsill li jmiss fit-23 ta’ April 2012;

J.   billi hi skedata li ssir żjara minn Lady Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'Burma/il-Mjanmar, ftit wara l-Laqgħa tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2012;

K. billi l-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar ikkonferma li se jindirizza l-ispostament intern bħala kwistjoni prijoritarja u billi l-Unjoni Ewropea esprimiet ir-rieda tagħha li tappoġġa din il-bidla tal-politika;

L.  billi organizzazzjonijiet tan-nisa bħan-Netwerk ta’ Azzjoni tan-Nisa Shan u l-Assoċjazzjoni ta’ Nisa Kachin tat-Tajlandja ddokumentaw għexieren ta’ każijiet ta’ stupri u ta’ stupri minn diversi persuni minn suldati tal-Armata tal-Burma, anke kontra bniet u kontra mara b’diżabilità;

M. billi ġudikatura indipendenti u imparzjali hija essenzjali jekk għandu jkun hemm il-ġustizzja u l-istat ta’ dritt fil-Mjanmar; jistieden lill-gvern tal-Mjanmar biex jibda riformi legali ħalli jiżgura ġudikatura tassew indipendenti u imparzjali;

N. billi l-President Thein Sein ħabbar is-sospensjoni tal-kostruzzjoni tad-diga Myitsone fl-Istat ta’ Kachin;

1.  Jilqa’ l-mod trasparenti u kredibbli ta’ kif saru l-elezzjonijiet każwali tal-1 ta’ April, filwaqt li nnota l-irregolaritajiet li ġew irrappurtati fil-perjodu ta’ qabel il-votazzjoni; u jappoġġa lill-awtoritajiet fl-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu li dan il-proċess hu sostenibbli u irriversibbli;

2.  Jilqa’ l-politiki ta’ riforma taħt il-President U Thein Sein tal-Mjanmar, hu stess fisser f’laqgħa mad-Delegazzjoni ASEAN tal-Parlament Ewropew f’Naypyitaw fit-28 ta’ Frar 2012;

3.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba s'issa, li huma tranżizzjoni storika minn gvernar awtokratiku għad-demokrazija, li qed isseħħ b’mod paċifiku u ordnat;

4.  Jistieden lill-gvern u lill-parlament ta’ Burma/il-Mjanmar jagħmlu l-bidliet kostituzzjonali neċessarji ħalli jkun iggarantit parlament tabilħaqq demokratiku li jkun jirrappreżenta għalkollox ir-rieda tal-poplu ta’ Burma/il-Mjanmar;

5.  Jilqa’ b’mod speċjali t-tqarrib reċiproku bejn il-President U Thein Sein u Daw Aung San Suu Kyi;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa, kif enfasizzat minn Daw Aung San Suu Kyi, li l-proċess ta' riforma jkun magħmul sostenibbli u irreversibbli;

7.  Jilqa’ partikolarment il-ħelsien ta’ għadd sinifikanti ta’ priġunieri politiċi inklużi membri tal-Ġenerazzjoni-88, il-liberalizzazzjoni timida tal-midja u l-libertà tal-internet, il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-liberta tal-għaqda u l-progress li ġie rrappurtat dwar bidliet fil-liġijiet u fil-prattika ħalli jeliminaw l-użu tax-xogħol furzat;

8.  Jistieden lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jinvestiga l-każijiet pendenti kollha ta’ priġunieri politiċi u jeħlishom mingħajr dewmien u mingħajr kundizzjonijiet, filwaqt li jistieden lill-Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tintensifika ħidmietha ħalli tippromwovi u tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

9.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jkompli bl-impenji proattivi tiegħu mal-gruppi etniċi armati permezz ta’ proċess politiku inklussiv, jibni fuq ftehimiet ta’ waqfien mill-ġlied eżistenti, u jaħdem id f’id ma’ awtoritajiet lokali u l-komunità internazzjonali biex ikun stabbilit proċess kredibbli u sostnut fl-iżgurar ta' paċi fit-tul u rikonċiljazzjoni nazzjonali;

10. Jistieden lill-Awtoritajiet tal-Mjanmar jiggarantixxu mezzi tax-xandir liberi u indipendenti u jippermettu lil xandara indipendenti li jkollhom aċċess għas-suq tar-radju u t-televiżjoni;

11. Jistieden lill-gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jibda riformi legali ħalli jiżgura ġudikatura tassew indipendenti u imparzjali;

12. Ifakkar li l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss fil-Burma/il-Mjanmar fl-2015 se juru jekk it-trasferiment tal-poter lil Gvern kompletament ċivili elett bir-rieda ħielsa tal-poplu ikunx twettaq b’suċċess;

13. Ifakkar li anke jekk l-elezzjoni ġenerali li ġejja fl-2015 tkun ħielsa u ġusta, il-militar xorta għad għandu 25 fil-mija tas-siġġijiet riservati fil-Parlament, u dan jagħtihom lok li jimblokkaw ir-riforma kostituzzjonali li hija essenzjali biex tissaħħaħ id-demokrazija;

14. Jilqa' d-deċiżjoni tad-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li estenda l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma/il-Mjanmar għal sena oħra;

15. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ksur serju tad-dritt internazzjoni li qed ikompli jitwettaq mill-Armata, u jistieden lill-gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jirrispetta r-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU li dawn id-delitti jiġu investigati u li dawk li wettquhom jinżammu responsabbli, bl-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti;

16. Jistieden lill-President Thein Sein jieħu azzjoni minnufih biex iwaqqaf l-użu tal-istupru u tal-vjolenza sesswali mill-armata ta’ Burma, u biex jiġu proċessati dawk is-suldati li pparteċipaw f’dan it-tip ta’ atti;

17. Jistieden lill-gvern ta’ Burma/il-Mjanmar jagħti d-drittijiet ta’ ċittadinanza sħaħ lill-grupp tal-minoranza etnika Rohingya;

18. Jistieden lill-President Thein Sein jieħu azzjoni immedjata biex iwaqqaf l-offensivi tal-armata fl-Istat ta’ Kachin u jibda proċess serju ta’ rikonċiljazzjoni;

19. Jistieden lill-President Thein Sein jikkonsulta lill-komunitajiet lokali milquta rigward il-proġetti ta’ digi ppjanati, u jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali indipendenti;

20. Jilqa’ t-tħabbira tal-Unjoni Ewropea ta’ pakkett ta’ għajnuna ta’ EUR 150 miljun fuq sentejn biex jgħin lill-Mjanmar jiżviluppa l-faċilitajiet tas-saħħa u tal-edukazzjoni tiegħu, jassisti s-settur agrikolu u jgħin lil persuni vulnerabbli li ġew spustati minħabba l-kunflitt;

21. Jitlob lill-Kunsill tal-UE jevalwa l-valur politiku tas-sanzjonijiet fid-dawl tal-kuntest il-ġdid f'Burma/il-Mjanmar, u biex jinkoraġġixxi riformi ulterjuri permezz ta' sinjal politiku ċar, inkluż aktar tnaqqis fil-miżuri restrittivi;

22. Jirrikonoxxi li l-kummerċ u l-investiment responsabbli u sostenibbli – anke mal-Unjoni Ewropea u mill-Unjoni Ewropea – se jsostnu l-isforzi ta’ Burma/il-Mjanmar biex tiġġieled kontra l-faqar u jitgawdew minn setturi usa' tal-popolazzjoni, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissoni jikkunsidraw li jippermettu li Burma/il-Mjanmar ikollha aċċess privileġġat għas-suq tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jkun żgurat li l-ebda prodott importat tali ma jkun jinvolvi l-użu ta’ xogħol furzat;

23. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jistabbilixxu kalendarju u indikaturi ċari rigward l-evalwazzjoni tal-proċess ta’ riforma politika u ekonomika li għaddej f’Burma/il-Mjanmar;

24. Jilqa’ l-impenn tal-Unjoni Ewropea li żżid l-għajnuna lill-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitti, u jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar jagħti aċċess lil aġenziji tal-għajnuna u lin-Nazzjonijiet Uniti fi stati etniċi, jew inkella li tiġi provduta għajnuna lokali bbażata fuq il-komunità u għajnuna transfruntiera biex tilħaq lil dawn il-popolazzjonijet vulnerabbli;

25. Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lis-Servizz Estern tal-UE u lill-Kummissjoni jirriflettu fuq possibiltajiet ta’ għajnuna għall-iżgurar tal-paċi fiż-żoni etniċi u biex jappoġġaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali u lokali;

26. Jilqa' ż-żjara uffiċjali imminenti ta’ Lady Ashton, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll is-deċiżjoni tagħha li tiġi stabbilita preżenza diplomatika fil-pajjiż u li tinawgura l-Uffiċċju tal-UE f'dik l-okkażjoni;

27. Jistieden lill-UE terġa’ tagħti finanzjament, u imbagħad iżżid l-istess finanzjament, lill-Konsorzju tal-Fruntiera bejn it-Tajlandja u Burma għal assistenza għar-refuġjati fil-kampijiet fit-Tajlandja.

28. Ifakkar l-istedina lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Daw Aung San Suu Kyi, biex iżżur il-Parlament Ewropew ħalli tirċievi uffiċjalment il-Premju Sakharov li ngħatat fl-1991 għal dak kollu li għamlet biex iġġib 'il quddiem id-demokrazija u l-libertà f'Burma/il-Mjanmar;

29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, kif ukoll lill-Parlament u l-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza