Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0210/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0210/2012

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar Burma/il-Mjanmar

    17.4.2012

    imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
    (2012/2604(RSP))

    Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0202/2012

    Proċedura : 2012/2604(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0210/2012
    Testi mressqa :
    B7-0210/2012
    Dibattiti :
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B7‑0210/2012

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Burma/il-Mjanmar

    (2012/2604(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010, l-20 ta' Mejju 2010, il-11 ta' Frar 2010, it-22 ta' Ottubru 2008, it-18 ta' Ġunju 2008, it-22 ta' April 2008, is-26 ta' Settembru 2007, il-21 ta' Ġunju 2007 u l-14 ta' Diċembru 2006 dwar Burma/il-Mjanmar,

    –   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill,

    –   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma/il-Mjanmar tat-12 ta’ Marzu 2012,

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi bħala riżultat tal-elezzjonijiet parzjali, il-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija rebħet 43 mill-44 siġġu li kkuntestat; billi l-mexxejja tal-oppożizzjoni Auung San Suu Kyi rebħet siġġu parlamentari; billi dan ir-riżultat inkiseb minkejja ostakoli ripetuti għall-kampanja tal-NLD, theddid, fastidju, xiri ta' voti u ċensura;

    B.  billi għall-ewwel darba fl-istorja tal-pajjiż osservaturi u ġurnalisti barranin tħallew ikunu xhieda tal-elezzjoni;

    C. billi dawn l-elezzjonijiet jirrappreżentaw pass fil-proċess ta' riforma li beda fl-2010 meta l-ġunta militari sejħet elezzjonijiet u għaddiet is-setgħa, tal-inqas teknikament, f'idejn gvern ċivili, billi r-rilaxx tal-priġunieri politiċi, il-bidu tad-djalogu bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, l-isforzi biex jinkisbu ftehimiet ta' paċi fuq perjodu ta' żmien twil ma' ħafna armati ta' minoranzi etniċi dwar il-perimetri tal-pajjiż, l-ewwel passi għall-istabbiliment tal-libertà tal-midja jirrappreżentaw passi pożittivi lejn id-demokratizzazzjoni tal-pajjiż;

    D. billi minkejja dawn l-iżviluppi pożittivi għadhom jeżistu problemi serji: billi l-partit iffavorit mill-militar għadu jikkontrolla tliet kwarti tas-siġġijiet parlamentari; billi l-kostituzzjoni għadha tiffavorixxi lil dan il-partit u tippermetti lill-forzi armati jerġgħu jidħlu fil-politika fi kwalunkwe mument; li jikkontradixxi l-proċeduri demokratiċi normali u l-istat tad-dritt; is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

    E.  billi hemm tħassib gravi dwar id-drittijiet tal-bniedem li għad irid jiġi indirizzat fil-kuntest tal-politiki leġiżlattivi, ir-rilaxx tal-priġunieri, il-faqar u l-iżvilupp, kif ukoll id-drittijiet tal-minoranzi etniċi;

    F.  billi qed ikompli jsir ksur serju tad-drittjiet tal-bniedem fl-Istat ta' Kachin fir-Tramuntana tal-Burma u l-għajnuna umanitarja lill-għexieren ta' eluf ta' ċivili hija mblukkata;

    1.  Jifraħ lin-nies ta' Burma/il-Mjanmar dwar it-tmexxija tal-elezzjonijiet parzjali tal-1 ta' April; jifraħ lil Auung San Suu Kyi u lill-membri tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija għas-suċċess tagħhom; jistieden lill-gvern u lill-parlament ta' Burma/il-Mjanmar biex ineħħu kwalunkwe ostakolu possibbli għal politiċi li għadhom kif ġew eletti ħalli jibdew ħidmithom fil-Parlament;

    2.  Jistieden lill-Gvern u lill-Parlament ta' Burma/il-Mjanmar biex ikompli u jħaffef it-transizzjoni lejn demokrazija u stat ta' dritt tabilħaqq; jafferma mill-ġdid l-importanza essenzjali ta’ proċess tabilħaqq ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni nazzjonali għal tranżizzjoni għad-demokrazija;

    3.  Jistieden lill-gvern u lill-parlament ta' Burma/il-Mjanmar jindirizzaw l-isfidi li ilhom li bdew żmien fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u tal-iżvilupp, b'mod partikulari fiż-żoni tal-fruntieri milqutin mill-kunflitt u ddominati mill-minoranzi etniċi;

    4.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar biex jeħles lill-priġunieri tal-kuxjenza kollha mingħajr dewmien, mingħajr kundizzjonijiet u bl-għoti lura tad-drittijiet politiċi kollha tagħhom u biex ma jibqax jagħmel arresti għal raġunijiet politiċi;

    5.  Jilqa' t-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar jiżgura investigazzjoni sħiħa, trasparenti, effettiva, imparzjali u indipendenti fir-rapporti kollha ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem, u jressaq quddiem qorti lil dawk responsabbli sabiex itemm l-impunità għal delitti bħal dawn;

    6.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kunflitt armat f'xi żoni u jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar biex jipproteġi l-popolazzjoni ċivili fil-partijiet kollha tal-pajjiż; jistieden lin-naħat kollha jirrispettaw b'mod strett il-ftehimiet eżistenti ta' waqfien mill-ġlied;

    7.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar it-tkomplija tad-diskriminazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza, l-ispustament u l-privazzjoni ekonomika li jolqtu diversi minoranzi etniċi, inkluża, iżda mhux biss, il-minoranza etnika Rohingya fl-Istat Rakhine fit-Tramuntana, u jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar jieħu azzjoni immedjata ħalli jwassal għal titjib fis-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom;

    8.  Jitlob bil-qawwa lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar sabiex iwaqqaf minnufih ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal suldati, sabiex jintensifika l-miżuri għall-garanzija tal-ħarsien tat-tfal mill-kunflitt armat u jkompli l-kollaborazzjoni tiegħu mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitt Armat;

    9.  Jistieden lill-UE tissospendi s-sanzjonijiet kontra Burma/il-Mjanmar; jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jimmonitorja mill-qrib l-iżvilupp fil-pajjiż;

    10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-gvern u l-parlament ta' Burma/il-Mjanmar, Aung San Suu Kyi, l-NLD, il-gvernijiet tal-istati membri tal-ASEAN u tal-ASEM, lis-segretarjat tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-ASEAN dwar il-Mjanmar, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar Burma.