MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni f'Mali
17.4.2012
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
(2012/2603(RSP))
Véronique De Keyser, Patrice Tirolien, Pino Arlacchi, Maria Eleni Koppa, Thijs Berman, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0201/2012
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-"Istrateġija għas-Saħel" tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra li mar-rebħiet militari tal-gruppi armati indipendentisti jew ġiħadisti fit-Tramuntana tal-Mali, f'Marzu, twettqu sakkeġġi, stupri, ħtif u bosta atroċitajiet;
B. wara li kkunsidra l-kolp ta' stat militari tat-22 ta' Marzu;
C. wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU tal-4 ta' April, li tesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-ECOWAS biex tistabbilixxi mill-ġdid l-ordni kostituzzjonali u li tesprimi tħassib dwar il-preżenza tal-AQMI;
D. wara li kkunsidra l-ftehim tar-restorazzjoni tal-ordni kostituzzjonali ffirmat fis-6 ta' April taħt l-awspiċji tal-ECOWAS;
E. billi, skont il-Kostituzzjoni tal-1992, il-president tal-Assemblea Nazzjonali nħatar bħala president interim;
F. billi l-ewwel rawnd ta' elezzjonijiet presidenzjali kien previst għad-29 ta' April u billi l-Kostituzzjoni tipprevedi t-tmiem tal-perjodu interim u ż-żamma ta' elezzjonijiet fi żmien 40 jum;
G. billi elezzjoni presidenzjali ma tistax issir waqt li parti mill-pajjiż hija okkupata minn gruppi armati illegali;
H. billi r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà esprimiet l-appoġġ sħiħ tal-Unjoni Ewropea għall-isforzi tal-ECOWAS;
I. billi s-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Mali għadha ta' theddida għall-istabilità tas-sottoreġjun kollu;
J. billi l-firxa tas-Saħel hija pern bejn l-Afrika subsaħarjana u l-Ewropa li jikkostitwixxi kwistjoni ta' sigurtà kemm għall-Afrika u kemm għall-Ewropa;
K. billi l-Unjoni Ewropea għandha interess vitali fis-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp tar-reġjun Saħel-Saħara;
L. billi l-proliferazzjoni tal-armi u l-gruppi armati merċenarji ta' Gaddafi, li deħlin mil-Libja, ppermettew it-tisħiħ tal-guppi armati illegali fit-Tramuntana tal-Mali;
M. billi hemm rabtiet magħrufa bejn il-gruppi terroristiċi taż-żona Saħel-Saħara u t-traffikanti tad-droga, tal-armi, tas-sigaretti u tal-bnedmin, b'mod partikolari permezz tal-ħtif ta' ostaġġi għall-fidwa;
N. billi tlettax-il persuna qed jinżammu ostaġġ;
O. billi fit-Tramuntana tal-Mali hemm il-preżenza ta' allejanza ta' gruppi terroristiċi Iżlamisti Boko Haram", "MUJAO" ("Moviment għall-Uniċità u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent"), "Ansar Dine" u "AQMI", li fosthom għandhom ħafna ġellieda li mhumiex minn Mali;
P. billi dawn il-gruppi għandhom l-għan iddikjarat li jimponu x-Xarija fit-territorju kollu tal-Mali;
Q. billi fis-6 ta' April, saret il-proklamazzjoni tal-indipendenza tal-Ażawad mit-Tuareg tal-MNLA, mingħajr ma kienet ikkonsultata l-popolazzjoni;
R. billi l-partiti politiċi tal-Mali, l-ECOWAS, l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea kkunsidraw din id-dikjarazzjoni bħala nulla u mingħajr effett;
S. billi l-ħolqien ta' stati Afrikani ġodda bl-ebda mod ma jgħin fl-iżvilupp tagħhom;
T. billi l-wegħdiet li ma kinux rispettati li saru lit-Tuareg, b'mod partikulari meta sar il-"Patt Nazzjonali" fl-1992, setgħu ħolqu sentiment ta' frustrazzjoni;
U. billi, biex jirreklutaw, it-terroristi jużaw in-nuqqas ta' żvilupp, il-prekarjetà, il-frustrazzjoni soċjali u n-nuqqas ta' impjiegi għaż-żgħażagħ mingħajr prospettivi għall-futur, u joffrulhom dħul illegali, iżda għoli;
V. billi hija primarjament l-armata tal-Mali, possibilment appoġġata minn barra, li għandha r-responsabilità tikkumbatti kontra gruppi ġiħadisti u separatisti;
W. billi l-kobor tat-territorju tal-Mali u d-densità tal-popolazzjoni baxxa u t-tul tal-fruntieri, li mhumiex definiti tajjeb, jeħtieġu koordinazzjoni internazzjonali tajba ta' informazzjoni u azzjonijiet, kif ukoll mezzi aktar sofistikati ta' kxif, protezzjoni u newtralizzazzjoni;
X. billi, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar ta' kull tip, huwa neċessarju li l-pajjiżi tal-Saħel-Saħara jikkooperaw;
Y. billi din il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tipi ta' traffiku differenti hija fl-interess dirett tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, peress li kwalunkwe instabilità u kull traffikar illegali fis-sottoreġjun għandhom implikazzjonijiet għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea;
Z. billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-Saħel trid issir ukoll permezz ta' politika attiva ta' żvilupp, ta' ġustizzja soċjali, tat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-integrazzjoni;
AA. billi l-perspettivi ekonomiċi alternattivi għall-ekonomija kriminali jridu jiġu proposti lill-popolazzjonijiet lokali;
AB. billi nuqqasijiet serji ta' ikel jaffettwaw 16-il miljun ruħ fis-sottoreġjun, milqut minn nixfa kiefra;
AC. billi Mali huwa normalment il-produttur agrikolu prinċipali fiż-żona tas-Saħel;
AD. billi l-insigurtà fil-Mali hija fattur li jaggrava l-kriżi tal-ikel, minħabba t-tfixkil tal-provvista tal-ikel li jaffettwa ż-żoni kollha tal-fruntiera;
AE. billi l-inkwiet fit-Tramuntana ta' Mali wassal għall-migrazzjoni staġjonali sinifikanti tal-bhejjem lejn in-nofsinhar, fejn il-foraġġ, l-ilma u l-ikel qiegħdin f'livelli perikolożament baxxi;
AF. billi iktar minn 200 000 persuna fit-Tramuntana ta' Mali kienu spustati, li minnhom iktar min-nofs marru bħala refuġjati fil-pajjiżi ġirien;
AG. billi l-prezzijiet tal-qoton ta' Mali naqsu bin-nofs f'din l-aħħar sena;
1. Jikkundanna l-atti ta' vjolenza li saru mill-gruppi armati; jikkundanna l-atroċitajiet li twettqu fuq il-popolazzjonijiet ċivili, li tagħhom kienu vittmi speċjalment in-nisa;
2. Ifaħħar l-ECOWAS għall-azzjoni politika deċiżiva li ħadet għar-restawr tal-ordni kostituzzjonali f'Mali, kif għamlet ukoll fil-Ginea Bissaw, u jittama li dan il-fehim tal-mekkaniżmi ta' soluzzjoni tal-kunflitti jippermetti li tinqered kwalunkwe theddida ta' kolp ta' stat fit-territorju tal-Afrika tal-Punent;
3. Jittama li tkun restawrata l-integrità territorjali ta' Mali;
4. Jittama li jinfetaħ spazju umanitarju li jippermetti l-provvista tal-ikel u l-mediċini għall-popolazzjonijiet fit-Tramuntana ta' Mali, preżenti fiż-żona jew refuġjati;
5. Jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea għar-rilaxx rapidu tal-fondi meħtieġa għall-bżonnijiet umanitarji;
6. Jitlob lill-UE tintensifika l-ħidma tagħha favur il-popolazzjonijiet tar-reġjun billi tgħin ħalli jkun ipprovdut lilhom aċċess aħjar għall-ilma u s-servizzi pubbliċi tal-edukazzjoni u s-saħħa kif ukoll infrastruttura aħjar biex jittejjeb l-aċċess għar-reġjun;
7. Jitlob lill-awtoritajiet ta' Mali biex jiġġieldu b'mod rigoruż kontra kull forma ta' traffiku mafjuż;
8. Jistieden lill-pajjiżi kollha tas-sottoreġjun isaħħu l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra kull tip ta' traffiku; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jagħmlu prijoritarju l-kontribut tagħhom għall-koordinazzjoni;
9. Jitlob lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jipprovdu l-appoġġ tagħhom għall-bini ta' kapaċità tal-Istati reġjonali u biex jimmobilizzaw il-mezzi kollha disponibbli biex jipproteġu l-popolazzjoni u jippromwovu s-sigurtà u l-iżvilupp tar-reġjun, f'kooperazzjoni mal-Istati tar-reġjun u l-organizzazzjonijiet interstatali;
10. Jitlob li titqies missjoni Ewropea, fil-qafas tal-PSDK, b'mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tipprovdi appoġġ loġistiku lill-armata ta' Mali, kif ukoll forza eventwali tal-ECOWAS, jew forza konġunta ECOWAS/UA/Nazzjonijiet Uniti għas-sigurtà fiż-żoni ta' Mali li mhumiex okkupati minn gruppi armati illegali;
11. Jixtieq li l-missjoni tal-PSDK tgħin lill-pajjiżi tas-sottoreġjun jikkontrollaw aħjar il-fruntieri tagħhom, speċjalment fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi u d-drogi;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-ECOWAS u tal-Unjoni Afrikana, kif ukoll lill-President interim ta' Mali.