MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ
21.5.2012 - (2012/2617(RSP))
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Pervenche Berès f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
B7‑0233/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija tas-26 ta' April 2012 lill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ (O-000106/2012 – B7‑0113/2012),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ħames miri ewlenin tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)933),
– wara li kkunsidra l-pakkett dwar l-impjiegi bit-titolu "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi", ippreżentat mill-Kummissjoni fit-18 ta' April 2012 (COM(2012)173),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2011)206),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Żgħażagħ mobbli – Inizjattiva biex jinħareġ il-potenzjal taż-żgħażagħ biex jinkiseb it-tkabbir bil-għaqal, sostenibbli u inklużiv fl-Unjoni Ewropea" (COM(2010)477),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012" (COM(2011)815),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma[3],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-impjegar taż-żgħażagħ biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, adottati f'Lussemburgu fis-17 ta' Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 bit-titolu "Lejn Konsolidazzjoni Favur it-Tkabbir u Tkabbir Favur l-Impjiegi",
– wara li kkunsidra l-ittra dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ mibgħuta mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso fil-31 ta' Jannar 2012 lil tmien Stati Membri,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma (SOC)450 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2011)933) lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni ,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Titolu XII tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi l-Parlament Ewropew iddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u t-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-2010 li stiednet lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lis-sħab soċjali u lil partijiet interessati oħra, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, inter alia, biex:
– jaħdmu urġentement fuq strateġiji u politiki għas-suq ekonomiku u tax-xogħol biex jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar għaż-żgħażagħ, biex b'hekk tiġi evitata n-nassa tal-prekarjetà ta' żgħażagħ li jkollhom sensiela ta' impjiegi temporanji u internships mhux imħallsa li ma jwasslu għal ebda titjib reali fis-salarju u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u lanqas ma jwasslu għal forom aktar stabbli ta' impjieg;
– jappoġġaw il-politiki nazzjonali għat-taħriġ, l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol b'Garanzija għaż-Żgħażagħ li tiżgura d-dritt ta' kull persuna żagħżugħa fl-UE li tiġi offruta xogħol, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew taħlita ta’ xogħol u taħriġ wara perjodu massimu ta' 4 xhur qgħad;
– jintensifikaw l-isforzi biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u biex jiġu żviluppati strateġiji ta' għajnuna għaż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs);
– itejbu r-rabtiet bejn l-oqsma tal-edukazzjoni u x-xogħol billi jaġġustaw aħjar il-kurrikuli edukattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jipprovdu internships ta' kwalità li joffru pagi diċenti u kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, jintroduċu Karta Ewropea tal-Kwalità dwar l-Internships li tistabbilixxi standards minimi għall-internships biex jiġi żgurat il-valur edukattiv tagħhom u jiġi evitat l-isfruttament filwaqt li tingħata protezzjoni soċjali, u joħolqu aktar apprendistati, u apprendistati aħjar fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV) biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għall-impjegar;
– iżidu l-isforzi biex jistabbilixxu u jimplimentaw sistema Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni u r-rikonoxximent tat-tagħlim formali u informali, biex b'hekk tittejjeb il-mobilità tas-suq tax-xogħol kemm nazzjonali kif ukoll transkonfinali;
– jiżguraw politiki inklużivi biex tiġi evitata d-diskriminazzoni taż-żgħażagħ u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' gruppi li spiss jaffaċċjaw ostakli speċifiċi meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, bħall-migranti żgħażagħ, il-ġenituri żgħażagħ, ir-Rom żgħażagħ u l-persuni b'diżabilità;
B. billi wara rkupru ekonomiku fjakk mill-2010, il-qgħad qed jerġa' jiżdied u l-medja tal-qgħad laħqet l-10% u l-qgħad fost iż-żgħażagħ qabeż it-22% fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-previżjonijiet ekonomiċi jindikaw perjodu mġedded ta' staġnar ekonomiku bil-livelli tal-qgħad jogħlew aktar u l-ebda prospett ta' rkupru li jwassal għal ħafna impjiegi fil-futur qrib;
C. billi s-sitwazzjoni tal-qgħad għaż-żgħażagħ tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri differenti, u r-rati tal-qgħad ivarjaw minn sew taħt l-10% f'xi pajjiżi għal kważi 50% fil-pajjiżi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi;
D. billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ jista' jiġi indirizzat verament biss meta jiġi analizzat fil-kuntest usa' tas-sitwazzjoni tal-impjieg totali fi Stat Membru u tal-qafas ġenerali tal-politika ekonomika li jħaddan is-suq tax-xogħol nazzjonali;
E. billi raġuni waħda għal-livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ hija n-nuqqas ta' impjiegi ġodda;
F. billi l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u speċjalment tal-kriżi tad-dejn sovran taż-żona euro fl-Ewropa kellhom impatt saħansitra aktar serju fuq iż-żgħażagħ, speċjalment dawk li ma spiċċawx jew ma rnexxewx fl-edukazzjoni obbligatorja jew sekondarja tagħhom, dawk li qed jaffaċċjaw il-qgħad u l-esklużjoni soċjali fit-tul, u dawk li jgħixu f'reġjuni ekonomikament żvantaġġati, u għalhekk iż-żgħażagħ jinsabu f'sitwazzjoni agħar minn qabel;
G. billi ż-żieda allarmanti fil-qgħad fost iż-żgħażagħ thedded il-futur ekonomiku u soċjali ta' ħafna żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea, li għalhekk se jbatu ħafna minħabba l-kriżi;
H. billi l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ teħtieġ aktar investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE;
I. billi miżuri effikaċi jinvolvu t-trasferiment ta' ħaddiema minn industriji u setturi li qed imajnaw għal dawk li qed jikbru, u dan iwassal għall-innovazzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda;
J. billi fis-17 ta' Ġunju 2010 l-Kunsill Ewropew qabel dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 u ħames Miri Ewlenin, li jinkludu:
– "it-tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10%";
– "iż-żieda tas-sehem ta' persuni bejn it-30 u l-34 sena li jikkompletaw l-edukazzjoni terzjarja għal mill-inqas 40 %";
– "l-għan li r-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena togħla għal 75 %, anke permezz ta' parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ, tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u tal-ħaddiema bi ftit kwalifiki u permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-migranti legali";
– "il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, billi jiġi stabbilit l-għan li mill-inqas 20 miljun ruħ jinħarġu mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni";
K. billi l-Kummissjoni Ewropea, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, tiddikjara korrettament li approfondiment ulterjuri tas-Suq Uniku għandu l-potenzjal li joħloq l-impjiegi u l-prosperità meħtieġa urġentement biex tinbidel ix-xejra ekonomika u tiġi miġġielda l-kriżi ekonomika attwali;
L. billi l-Kummissjoni Ewropea, fil-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu "Żgħażagħ Mobbli", ħeġġet lill-Istati Membri jintroduċu Garanzija għaż-Żgħażagħ u konsegwentement stiednet lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jimplimentaw tali garanziji;
M. billi waqt il-laqgħa tagħhom tat-30 ta' Jannar 2012, il-Membri tal-Kunsill Ewropew ippubblikaw dikjarazzjoni li stiednet lill-Istati Membri jtejbu l-provvista ta' ħaddiema u jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u kkonkludew li, "l-objettiv għandu jkun li wara ftit xhur li jitilqu mill-iskola, iż-żgħażagħ jingħataw offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat, jew taħriġ";
N. billi fil-31 ta' Jannar 2012 il-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso bagħat ittri lil tmien Stati Membri li għandhom rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ferm ogħla mill-medja tal-UE, u "Timijiet ta' azzjoni" ntbagħtu f'dawk l-Istati Membri biex jiżviluppaw pjanijiet għall-impjieg taż-żgħażagħ;
O. billi fatturi komuni f'dawn it-tmien pajjiżi huma rata għolja ħafna ta' tluq bikri mill-iskola u żgħażagħ bi ftit kwalifiki li jfittxu l-impjieg fis-suq tax-xogħol;
P. billi f'Mejju 2012 il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi tagħha tal-2012, filwaqt li tiddikjara fil-Komunikazzjoni tagħha dwar "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" li l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk bl-ogħla rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għandhom, mingħajr ma jistennew ir-Rakkomandazzjonijiet imsemmija, jieħdu miżuri deċiżivi biex jevitaw it-tluq bikri mill-iskola, jiżviluppaw ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, jappoġġaw l-ewwel esperjenza ta' xogħol u t-taħriġ waqt ix-xogħol u jiffaċilitaw l-aċċess għall-(ewwel) impjieg;
Q. billi waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar il-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso ħabbar li EUR 82 biljun mill-baġit tal-Fondi Strutturali għad iridu jiġu allokati u jistgħu jiġu riallokati;
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" li tibni fuq inizjattivi preċedenti tal-Kummissjoni bħal "Żgħażagħ Mobbli" u "Ħiliet ġodda u impjiegi ġodda" u l-bosta inizjattivi ppreżentati f'din is-sensiela ta' komunikazzjonijiet, iżda għandu dubji serji dwar jekk il-kobor tal-azzjonijiet proposti huwiex proporzjonat għall-gravità tal-kriżijiet attwali tal-qgħad fost iż-żgħażagħ esperjenzata f'ħafna Stati Membri;
2. Jenfasizza li s-sitwazzjoni tal-impjieg taż-żgħażagħ tiddependi ferm mis-sitwazzjoni ekonomika ġenerali; jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi" u jħeġġeġ lill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern fl-UE jippreżentaw mill-aktar fis possibbli Pjan Ewropew ta' Investiment li jagħti spinta lit-tkabbir inklużiv, sostenibbli u li joħloq ħafna impjiegi;
3. Jilqa' d-dikjarazzjoni li saret mill-Kunsill Ewropew li tistieden lill-Istati Membri jintroduċu skemi nazzjonali simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw din it-talba b'miżuri rapidi u konkreti fil-livell nazzjonali sabiex ikun żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg diċenti, edukazzjoni jew taħriġ (mill-ġdid) fi żmien erba' xhur minn meta jitilqu mill-iskola;
4. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tippromwovi l-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ u biex talloka EUR 4 miljun lill-Istati Membri biex tgħinhom jistabbilixxu skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandhom ikun appoġġati b'politiki attivi għas-suq tax-xogħol biex jitnaqqas id-distakk bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol, iżda jiddubita kemm din is-somma hija ambizzjuża biżżejjed biex il-pajjiżi li qed jaffaċċjaw rati għoljin ta' qgħad flimkien ma' restrizzjonijiet baġitarji nazzjonali jiġu megħjuna jimplimentaw dawn it-tipi ta' garanziji;
5. Jenfasizza li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ trid tkun legalment infurzabbli sabiex ittejjeb b'mod effikaċi s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ li la jkollhom impjieg u lanqas ikunu qed jitgħallmu jew jitħarrġu u sabiex tingħeleb gradwalment il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE;
6. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif deskritta fil-Komunikazzjoni bit-titolu "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi", li tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanziji għaż-Żgħażagħ sa tmiem l-2012 u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jadottaw il-proposta sa tmiem l-2012;
7. Jagħraf il-fatt li ż-żgħażagħ qed ibatu minħabba diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u l-permanenza tagħhom fih bħala konsegwenza tas-sitwazzjoni prekarja u l-kuntratti temporanji tagħhom, u li din is-sitwazzjoni teħtieġ konformità sħiħa mal-prinċipju tat-trattament ugwali stabbilit mil-leġiżlazzjoni Ewropea;
8. Jenfasizza li l-ommijiet żgħażagħ ibatu b'mod partikolari minħabba d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jieqfu jaħdmu temporanjament minħabba impenji tal-familja; għalhekk, jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, speċjalment billi jirrinfurzaw id-Direttiva dwar il-Liv tal-Maternità fil-livell tal-UE u billi jipprovdu servizzi ta' kura aċċessibbli, għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità tajba għat-tfal u l-adulti dipendenti;
9. Huwa konvint li mod effikaċi li bih iż-żgħażagħ jiġu mħajra jerġgħu jibdew jaħdmu huwa li jiġu żviluppati riformi sistemiċi biex jiġi indirizzat il-qgħad strutturali;
10. Jilqa' s-sens ta' urġenza espress mill-inizjattiva tal-President tal-Kummissjoni Barroso biex jintbagħtu "Timijiet ta' azzjoni" fl-Istati Membri li għandhom l-ogħla rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jitlob lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq dwar l-aġendi u l-eżiti konkreti ta' dawn l-attivitajiet; jiddispjaċih li t-"Timijiet ta' azzjoni" twaqqfu u ngħataw il-mandat mill-Kummissjoni biss, u jissuġġerixxi li fil-futur il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu involuti aktar mill-qrib fil-proċess;
11. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tar-riformi tas-suq tax-xogħol marbuta mal-proposti li saru mit-"Timijiet ta' azzjoni" fuq ir-rata ta' impjieg u l-istandards ta' kwalità tal-impjieg fl-Istati Membri konċernati;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta r-regolament Ewropew dwar il-qafas ta' kwalità mill-aktar fis possibbli fl-2012 u tiddefinixxi standards minimi li jappoġġaw il-provvediment u l-użu ta' traineeships ta' kwalità għolja;
13. Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità ta' u l-għarfien dwar, u għaldaqstant l-istatus ta', l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li huma alternattiva kruċjali għall-edukazzjoni għolja;
14. Jemmen li l-mobbiltà u l-opportunità li wieħed jaħdem fi Stat Membru ieħor jistgħu jkunu pass importanti għaż-żgħażagħ biex jiksbu aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol; għalhekk, japprezza l-espansjoni tal-inizjattiva "Erasmus għal kulħadd" u jirrakkomanda li f'dan il-programm issir enfasi kbira fuq esperjenza ta' xogħol barra l-pajjiż għal studenti u żgħażagħ f'taħriġ vokazzjonali;
15. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu u jivvalutaw miri vinkolanti ġodda rigward iż-żgħażagħ b'attenzjoni partikolari għal strateġiji ta' kwalità u mmirati għaż-żgħażagħ skont l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 li għandhom jiġu inklużi fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora b'mod ċar il-qgħad fost iż-żgħażagħ fis-Semestru Ewropew billi tistabbilih bħala submira fl-Istrateġija Ewropa 2020;
17. Jistieden lill-Istati Membri b'rati ta' qgħad baxxi jew li introduċew il-garanziji għaż-żgħażagħ b'suċċess, bħall-Awstrija, biex jikkollaboraw attivament ma' dawk l-Istati Membri affettwati ferm mill-qgħad fost iż-żgħażagħ, billi jittrasferixxu l-għarfien u l-mudelli li rnexxew tagħhom biex inaqqsu d-distakk li qed jikber bejn ir-rati ta' qgħad tagħhom u jiżviluppaw flimkien politiki aqwa u aktar inklużivi mmirati għaż-żgħażagħ b'impatt pożittiv fil-prattika;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-isfidi speċjali li ż-żgħażagħ jaffaċċjaw fl-aċċess tagħhom għall-protezzjoni soċjali u r-riskju tal-esklużjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu miżuri biex jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-protezzjoni soċjali u r-remunerazzjoni;
19. Jiddeplora l-fatt li minkejja li issa qegħdin fir-raba' sena tal-kriżi, EUR 82 biljun mill-baġit tal-Fondi Strutturali taħt il-Perspettiva Finanzjarja 2007-2013 għadhom ma ntefqux; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi bħala prijorità r-riallokazzjoni ta' parti sostanzjali tat-82 biljun euro favur proġetti għaż-żgħażagħ, speċjalment favur impriżi żgħar u medji (SMEs) sabiex tingħata spinta lill-opportunitajiet ta' impjieg diċenti għaż-żgħażagħ u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li żżid r-rati ta' kofinanzjament għat-tmien pajjiżi li qed jaffaċċjaw rati partikolarment għoljin ta' qgħad;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tfittex sorsi oħra u aktar ambizzjużi ta' finanzjament biex tgħin lill-Istati Membri jegħlbu r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ;
21. Iqis li huwa partikolarment importanti li jiġu allokati riżorsi għaż-żgħażagħ meta titfassal il-Perspettiva Finanzjarja għas-snin 2014-2020, b'enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ (NEETs);
22. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li dawn il-fondi jiġu allokati bl-involviment sħiħ tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;
23. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex titħeġġeġ il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ bħala parti mill-Programm il-ġdid għall-Bidla Soċjali u l-Innovazzjoni sabiex jitħeġġew ifittxu impjiegi fi Stati Membri u f'reġjuni li jaffaċċjaw nuqqas ta' ħiliet u nuqqas ta’ ħaddiema; jitlob, f'dan il-kuntest, li ssir enfasi akbar fuq is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, speċjalment fir-rigward tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għall-impjieg, it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u l-kwalità tat-traineeships u l-apprendistati; jenfasizza li l-promozzjoni tal-mobbiltà fis-suq tax-xogħol trid timxi id f'id ma' protezzjoni soċjali aħjar u mat-tnaqqis tal-ostakli għall-mobbiltà f'termini ta' drittijiet soċjali u kopertura tas-sigurtà soċjali, speċjalment għaż-żgħażagħ f'riskju;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffinanzjaw programmi ta' mobbiltà li jiffukaw fuq it-taħriġ u l-impjieg taż-żgħażagħ f'oqsma ġodda li jistgħu jsaħħu rkupru li jwassal għal ħafna impjiegi, partikolarment impjiegi ħodor u impjiegi fis-settur tal-kura kemm għall-ġuvintur kif ukoll għat-tfajliet;
25. Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sistemi edukattivi paralleli ta' edukazzjoni għax-xogħlijiet kollha li ma jeħtiġux edukazzjoni għolja, inklużi miri biex kumpaniji ta' ċertu daqs joffru apprendistati u inċentivi biex jiġu impjegati ż-żgħażagħ;
26. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġija aktar koordinata bejn il-pjanijiet nazzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, mhux biss fuq perjodu qasir ta' żmien iżda b'mod partikolari fuq perjodu medju u twil ta' żmien, sabiex jiġi evitat li ċerti setturi jikbru żżejjed, jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' swieq ġodda u biex ir-riżorsi jiġu trasferiti mis-setturi li fejn l-impjiegi qed jonqsu għas-setturi li qed jiżviluppaw bħall-ekonomija sostenibbli;
27. Jinkuraġġixxi l-adozzjoni ta' Strateġija Ewropea għall-Impjieg taż-Żgħażagħ li tappoġġa l-kumpaniji, l-organizzazzjonijiet tal-assistenza soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u impjegaturi oħra fil-ħolqien ta' impjiegi diċenti u ta' kwalità;
28. Huwa partikolarment preokkupat dwar l-impatt negattiv li t-tnaqqis baġitarju sostanzjali fl-edukazzjoni f'xi Stati Membri se jkollu fuq is-sitwazzjoni diffiċli li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ u fuq l-implimentazzjoni tal-proposti fl-inizjattiva Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-ksib mill-ġdid tas-sostenibbiltà fiskali ma jipperikolawx jew jeqirdu politiki u programmi bl-għan li jippromwovu l-impjieg taż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali u/jew li jipprevjenu l-marġinalizzazzjoni u t-tbegħid taż-żgħażagħ mis-suq tax-xogħol;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2010)0262.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2011)0453.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2011)0092.