Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0234/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0234/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ġlieda kontra l-omofobija fl-Ewropa

21.5.2012 - (2012/2657(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Manfred Weber, Simon Busuttil, Véronique Mathieu, Michèle Striffler, Mariya Nedelcheva, Roberta Angelilli f'isem il-Grupp PPE-DE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0234/2012

Proċedura : 2012/2657(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0234/2012
Testi mressqa :
B7-0234/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0234/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-omofobija fl-Ewropa

(2012/2657(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 6, 7, 21 u 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jagħti lill-Unjoni Ewropea s-setgħa li tadotta miżuri kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta', inter alia, l-orjentazzjoni sesswali, u li tippromwovi l-prinċipju tal-ugwaljanza,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1728 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-29 ta' April 2010 dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u r-rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-31 ta' Marzu 2010 dwar miżuri sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tipprojbixxi "kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali",

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' Novembru 2010 dwar l-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, u partikolarment dawk tas-26 ta' April 2007 dwar l-omofobija fl-Ewropa, tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofobika fl-Ewropa, u dik tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-omofobija fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda f'xi pajjiżi li mhumiex fl-UE għadha qed tiġi ristretta, abbażi ta' kunċetti żbaljati dwar l-omosesswalità, u l-prattiki diskriminatorji abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għadhom kwistjoni ta' tħassib serju,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi, u għandha tirrispetta u tippromwovi dawn il-valuri fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja;

B.  billi l-omofobija tista' tiġi definita bħala l-biża' irrazzjonali u l-istmerrija tal-omosesswalità u tal-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneri (LGBT) abbażi tal-preġudizzju, simili għar-razziżmu, il-ksenofobija, l-antisemitiżmu u s-sessiżmu;

C. billi l-omofobija timmanifesta ruħha fl-oqsma pubbliċi u privati f'forom differenti, bħad-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għad-diskriminazzjoni, iż-żufjett u l-vjolenza verbali, psikoloġika u fiżika, kif ukoll il-persekuzzjoni u l-qtil, id-diskriminazzjoni bi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza u l-limitazzjoni inġustifikata u mhux raġonevoli tad-drittijiet, li spiss ikunu mistura wara raġunijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku, il-libertà tar-reliġjon u d-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza;

D. billi f'numru ta' Stati Membri tal-UE kien għad hemm inċidenti rrappurtati mill-midja u minn NGOs;

E.  billi fl-istess ħin intweriet reazzjoni pożittiva, demokratika u tolleranti f'xi każijiet mill-pubbliku inġenerali, mis-soċjetà ċivili u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali li ddimostraw kontra l-omofobija, kif ukoll mis-sistemi ġudizzjarji li taw rimedju għall-iktar forom evidenti u illegali ta' diskriminazzjoni;

F.  billi l-Kummissjoni ddikjarat l-impenn tagħha li tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-UE u ddikjarat li l-omofobija mhawnx post għaliha fl-Ewropa;

G. billi l-Parlament Ewropew għadu impenjat favur l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-UE;

H. billi hija meħtieġa iktar azzjoni fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi biex tinqered l-omofobija u tiġi promossa kultura ta' libertà, tolleranza u ugwaljanza fost iċ-ċittadini tagħhom u fl-ordinament ġuridiku tagħhom;

1.  Huwa mħasseb rigward restrizzjonijiet tal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda abbażi ta' kunċetti żbaljati dwar l-omosesswalità;

2.  Jenfasizza l-fatt li l-qrati nazzjonali u internazzjonali affermaw konsistentement li l-preokkupazzjonijiet rigward il-moralità pubblika ma jiġġustifikawx trattament differenti, anke fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni; jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' pajjiżi fl-Ewropa m'għandhomx liġijiet bħal dawn, u għandhom soċjetajiet b’saħħithom, diversi u tar-rispett;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti f'dawk il-pajjiżi li fihom ġew irrappurtati inċidenti juru u jiżguraw ir-rispett għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u jikkunsidraw mill-ġdid dawn il-liġijiet fid-dawl tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-impenji tagħhom skont din il-liġi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jieħdu nota ta' dawn l-inċidenti u liġijiet projbittivi fil-pajjiżi ġirien, partikolarment fil-kuntest tal-affarijiet interni, id-djalogu bilaterali u l-Politika Ewropea tal-Viċinat; jistieden ukoll lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jqajmu l-kwistjoni f'fora internazzjonali rilevanti, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti;

5.  Jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneri jkunu mħarsa mid-diskors ta' mibegħda omofobika u mill-vjolenza u jiżguraw li s-sħab tal-istess sess igawdu mil-istess rispett, dinjità u protezzjoni bħall-bqija tas-soċjetà;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkundannaw b'konvinzjoni d-diskors ta' mibegħda omofobika u l-inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza, u jiżguraw li l-libertà li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjoni - garantita mit-trattati kollha tad-drittijiet tal-bniedem - tkun rispettata fil-prattika;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fis-setturi kollha tkun projbita billi jiġi komplut il-pakkett ta' kontra d-diskriminazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 13;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintensifikaw il-ġlieda kontra l-omofobija permezz tal-edukazzjoni kif ukoll permezz ta' mezzi amministrattivi, ġudizzjarji u leġiżlattivi;

10. Jiddispjaċih li anke fl-Unjoni Ewropea, xi kultant id-drittijiet fundamentali ta’ persuni LGBT mhux dejjem jiġu rispettati għalkollox; jikkundanna bil-qawwa kull tip ta' diskriminazzjoni, diskors ta’ mibegħda jew vjolenza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija biex jissaħħaħ u jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha biex jinkludi l-omofobija;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu tiġi implimentata mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

13. Jiġbed l-attenzjoni dwar is-sejbiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali fir-rapport tagħha: "L-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru";

14. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa r-riżultati futuri tal-istħarriġ dwar l-LGBT tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, u tieħu azzjoni xierqa;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jinkludi strateġija biex jissaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-UE, kif ukoll informazzjoni sħiħa u komprensiva dwar l-inċidenza tal-omofobija fl-Istati Membri u soluzzjonijiet u azzjonijiet proposti biex din tingħeleb;

16. Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni toħloq pjan direzzjonali komprensiv għall-ugwaljanza abbażi tal-orjentazzjoni sesswali;

17. Jitlob lill-Istati Membri jieħdu kwalunkwe azzjoni oħra li jqisu li tkun xierqa biex jiġu miġġielda l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, u biex jagħmlu l-prinċipju tal-ugwaljanza parti integrali mis-soċjetà u mill-ordinament ġuridiku tagħhom;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni.