Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0279/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0279/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-Riżorsi Proprji

6.6.2012 - (2012/2678(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Martin Callanan, Richard Ashworth, Geoffrey Van Orden, Anthea McIntyre, James Nicholson, Struan Stevenson f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2012/2678(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0279/2012
Testi mressqa :
B7-0279/2012
Testi adottati :

B7‑0279/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-Riżorsi Proprji

(2012/2678(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17  ta'  Mejju  2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda[1],

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 311 u 312 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 - Baġit għall-Ewropa 2020, Partijiet I u II,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi skont l-Artikolu 312(2) TFUE, il-Kunsill għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-QFM, billi jaġixxi b'mod unanimu wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew;

B.  billi l-Presidenza Daniża attwalment fil-kariga qed timmira li tippreżenta lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju kaxxa hekk imsejħa "ta' negozjar" li tipproponi għażliet għall-aspetti kollha tal-negozjati, inkluża n-naħa tad-dħul, iżda li teskludi kwalunkwe ċifri f'dan l-istadju;

C. billi l-programmi multiannwali relatati mal-QFM li jmiss se jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

1.  Jemmen li l-konsolidament fiskali huwa prekundizzjoni għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u li l-qafas fianzjarju multiannwali li jmiss qed jiġi nnegozjat fi żmien meta l-Istati Membri qed jieħdu miżuri straordinarji biex inaqqsu d-defiċits pubbliċi u d-dejn pubbliku għal livell sostenibbli f'konformità ma' qafas ta' monitoraġġ fiskali u makroekonomiku;

2.  Ifakkar li l-infiq pubbliku Ewropew ma jistax ikun eżentat mill-isforzi konsiderevoli li qed isiru mill-Istati Membri biex iġibu taħt kontroll l-infiq pubbliku tagħhom u jenfasizza li l-azzjoni meħuda f'dawn l-aħħar snin biex titrażżan iż-żieda annwali fl-approprjazzjonijiet ta' pagament Ewropej għandha għalhekk tiġi intensifikata b'mod gradwali tul is-snin li għad fadal ta' din il-perspettiva finanzjarja, u l-approprjazzjonijiet ta' pagament għandhom jiżdiedu, l-aktar, b'mhux iktar mir-rata ta' inflazzjoni tul il-perspettivi finanzjarji li jmiss; b'mod konsistenti ma' dan, l-approprjazzjonijiet ta' impenn tul il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss m'għandhomx jaqbżu l-livell tal-2013 b'rata ta' tkabbir li tkun inqas mir-rata tal-inflazzjoni;

3.  Jemmen li l-prinċipju tal-valur miżjud Ewropew għandu jirrappreżenta l-pedament tal-infiq pubbliku futur kollu, li għandu jkun iggwidat ukoll mill-prinċipji tal-effiċjenza, l-effikaċja u l-valur għall-flus, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif definit mill-Artikolu 5 TUE u kif inhu ankrat fil-Protokoll 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea;

4.  Jinnota li huwa importanti ferm li jinkiseb l-appoġġ sħiħ taċ-ċittadini Ewropej fil-kuntest tal-limitazzjonijiet baġitarji attwali biex jerġgħu jiġu affermati u jintlaħqu l-impenji tagħna skont l-UE 2020; jitlob għalhekk li jkun hemm użu aħjar tal-fondi eżistenti u jenfasizza li l-isfida li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea mhix se tkun li tonfoq iżjed, iżda li tonfoq b'mod aktar effiċjenti;

5.  Ifakkar li l-baġit tal-UE huwa baġit ta' investiment b'effett qawwi ta' lieva u jista' jirrappreżenta għodda b'saħħitha ħafna biex jiżdiedu l-investimenti strateġiċi b'valur miżjud Ewropew konsistenti ma' approċċ immirat li joħloq it-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li l-QFM li jmiss għandu jirrifletti primarjament l-għanijiet tal-istrateġija UE 2020, b'mod partikolari billi jiffoka l-infiq fuq it-"tkabbr intelliġenti" filwaqt li jagħmilha possibbli li jkun hemm approċċi strateġiċi fit-tul koerenti u konsistenti mal-isfidi li qed taffaċċja l-Unjoni;

6.  Jinnota li l-Artikolu 312(2) TFUE jistipula li l-baġit għandu jkun iffinanzjat għalkollox mir-riżorsi proprji, jemmen li s-sistema attwali ta' dħul hija kemm legali kif ukoll fl-ispirtu tat-Trattat u jtenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, inklużi l-proposti dwar imposta globali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u riżorsa proprja ġdida tal-UE bbażata fuq il-VAT;

7.  Itenni l-pożizzjoni determinata tiegħu dar il-mekkaniżmi ta' korrezzjoni u jenfasizza li l-proposti biex tiġi emendata jew abolita s-sistema attwali mhux se jiġu approvati; jistieden lill-partijiet kollha involuti biex ifittxu soluzzjoni prammatika u jiffokaw fuq oqsma fil-QFM fejn jista' jintlaħaq kunsens;

8.  Fid-dawl tal-ambjent makroekonomiku u l-isfidi ta' dinja li qed tinbidel, u sabiex jiġi żgurat użu aħjar u aktar effiċjenti tal-fondi tal-UE, iħeġġeġ sabiex il-QFM 2014-2020 jingħatalu aktar flessibbiltà biex jindirizza b'mod xieraq ċirkostanzi u prijoritajiet li jinbidlu filwaqt li jiġu rispettati l-livelli maqbula ta' approprjazzjonijiet ta' pagament;

9.  Jinsisti fuq il-prinċipju tal-unità fil-baġit tal-UE, filwaqt li jenfasizza li l-politiki u l-programmi kollha tal-UE għandhom ikunu inklużi fil-QFM b'finanzjament xieraq, biex b'hekk jingħata kontribut għat-trasparenza, il-prevedibilità u r-rendikont tiegħu;

10.  Jilqa' l-impenn tal-Presidenzi tal-Kunsill[2] biex jiġu żgurati djalogu u kollaborazzjoni miftuħa u kostruttivi mal-Parlament fil-kuntest tal-Artikolu 312 TFUE; jerġa' jafferma r-rieda tiegħu li jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill u mal-Kummissjoni f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona matul il-proċess ta' negozjati;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kkonċernati.