Proċedura : 2012/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0282/2012

Testi mressqa :

B7-0282/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2012 - 9.3

Testi adottati :

P7_TA(2012)0247

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 126kWORD 69k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0277/2012
6.6.2012
PE489.311v01-00
 
B7-0282/2012

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw (2012/2660(RSP))


Charles Goerens f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw (2012/2660(RSP))  
B7‑0282/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2048(2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-UE tal-31 ta' Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Ginea Bissaw,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi nhar il-Ħamis, 12 ta’ April, 2012, għadd ta’ persunal militari ħarġu fit-toroq tal-kapitali tal-Ginea Bissau u ħadu taħt idejhom il-kwartieri ġenerali tal-partit politiku storiku fil-poter, il-PAIGC, u r-Radju Nazzjonali;

B.  billi l-Ginea Bissaw, sa mill-indipendenza fl-1974, qatt ma rat President elett iwassal sa tmiem il-mandat tiegħu u billi dan il-pajjiż jgħix f'kuntest immarkat mill-militariżmu;

C. billi hemm impunità u nuqqas ta’ progress fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ personalitajiet politiċi u militari sa mill-2009;

D. billi f’Lulju 2011, eluf ta’ persuni immarċjaw ġol-kapital biex jipprotestaw kontra n-nuqqas ta’ progress tal-investigazzjonijiet rigward il-qtil politiku tal-2009, u talbu wkoll ir-riżenja u l-prosekuzzjoni tal-Prim Ministru Carlos Gomes u ta' oħrajn li fil-fehma tagħhom huma responsabbli għall-qtil;

E.  billi hemm tħassib dwar is-sigurtà tal-membri tas-soċjetà ċivili fil-Ginea Bissaw, fejn uħud minnhom qed jistaħbew, filwaqt li sa mill-elezzjonijiet presidenzjali f’Marzu, bosta mexxejja ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi rċevew theddida ta’ mewt anonima;

F.  billi l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji fl-aħħar xhur żiedu wkoll in-nuqqas ta’ sigurtà;

G. billi l-Kunsill żied ħmistax-il individwu mal-lista ta’ dawk li ġew ipprojbiti jidħlu fl-UE u li huma suġġetti għal iffriżar tal-assi tagħhom fi ħdan l-UE;

H. billi l-għajuna għall-iżvilupp tal-UE lill-Ginea Bissaw ġiet sospiża sa mill-kunflitt militari tal-1 ta’ April 2010, u sussegwentent l-awturi ewlenija ġew maħtura bħala l-Kap tal-persunal tad-difiża u l-Kap tal-Ammiraljat;

I.   billi l-kriżi attwali fil-Ginea Bissaw terġa’ turi b’mod ċar l-isforz tal-militar li jkun involut fl-affarijiet ċivili u li jakkwista l-kontroll tal-kwestjonijiet politiċi tal-pajjiż;

J.   billi l-UE kkundannat bil-qawwa l-kolp ta’ Stat militari tat-12 ta’ April 2012 fil-Ginea Bissaw u talbet li jerġa’ jiġi stabbilit il-Gvern leġittimu u li jitkomplew l-elezzjonijiet Presidenzjali, f’konformità mal-liġi;

K. billi l-pajjiż jibqa’ wieħed mill-aktar pajjiżi fqar tad-dinja u jinsab ikkontrollat mit-traffikar tad-drogi u l-problemi tal-pajjiż jaffettwaw l-Ewropa b’mod dirett minħabba l-kummerċ tad-drogi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-kolp ta’ Stat riċenti fil-Ginea Bissaw u jitlob li tiġi restawrata l-liġi kostituzzjonali; jitlob lill-Forzi Armati biex dawn iwarrbu u jerġgħu jieħdu pożizzjoni newtrali; jitlob lill-militar ma jkunx partiġġjan fir-rigward tat-tilwim politiku fil-pajjiż u biex jagħmel riforma tal-armata;

2.  Jitlob lill-armata teħles immedjatament il-mexxejja politiċi kollha u l-persuni l-oħra fil-kustodja tagħha u tirrispetta d-drittijiet u l-integrità fiżika tad-detenuti kollha;

3.  Jenfasizza li dawk responsabbli mill-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu responsabbli u li kwalunkwe soluzzjoni dejjiema għall-istabilità fil-Ginea Bassaw għandha tiżgura li dawk responsabbli minn qtil b’motivazzjoni politika, reati serji u ksur tal-liġi kostituzzjoni, jitressqu quddiem il-ġustizzja;

4.  Jitlob li jkun hemm pjan direzzjonali li jinkludi parametri ta’ riferiment u kalendarju, għar-ritorn tal-liġi kostituzzjonali, l-implimentazzjoni tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-ġlieda kontra l-impunità, il-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u kontra kwalunkwe kontroll militari fuq il-poter;

5.  Jilqa d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju għat-tisħiħ ta’ sanzjonijiet tal-UE kontra persuni li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabilità tal-pajjiż;

6.  Jenfasizza li l-UE tinsab lesta tappoġġja b’mod attiv l-isforzi ta’ medjazzjoni fl-ambitu tal-kriżi attwali sabiex tidentifika arranġament tranżitorju inklużiv;

7.  Jitlob lill-UE tissorvelja l-aħħar żviluppi politiċi u l-iżviluppi marbuta mas-sigurtà;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja u r-riskju kostanti ta’ vjolenza;

9.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li l-Ginea Bissaw jista' jispiċċa fi spirali ġdida ta’ inċertezza;

10. Jagħti struzzjonijiet lill-Ko-Presidenti biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kumissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE-AKP, lir-rappreżentant tal-Kunsill tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, l-ECOWAS, lill-Kunsill tas-Sigurtà u s-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Gvern tal-Ginea Bissaw, u l-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza