MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kolp militari fil-Ginea Bissaw
6.6.2012 - (2012/2660(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Diogo Feio, Filip Kaczmarek, Paulo Rangel, Michael Gahler, Cristian Dan Preda, Roberta Angelilli, Rafał Trzaskowski, Mario Mauro f'isem il-Grupp PPE-DE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0277/2012
B7‑0283/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kolp militari fil-Ginea Bissaw
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-31 ta’ Marzu, 13 u 21 ta’ April, 8 ta’ Mejju 2012 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), u r-riżoluzzjoni tiegħu (2048) tat-18 ta’ Mejju dwar il-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-13 u s-16 ta’ April 2012 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ginea-Bissaw,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta’ April 2012 tal-President tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Ginea-Bissaw,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta’ April 2012 tal-President tal-Komunità ta’ Pajjiżi li fihom jiġi mitkellem il-Portugiż (CPLP) dwar il-Ginea-Bissaw,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-6, 12 u 19 ta’ April 2012 tal-President tal-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) fil-Ginea-Bissaw,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet fl-14 ta’ April u l-5 ta’ Mejju 2012 tal-Laqgħat Straordinarji VIII u IX tal-Kunsill tal-Ministri tas-CPLP dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea-Bissaw,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta’ April 2012 tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-UE (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni politika fil-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) tas-17 ta’ April 2012 dwar is-sitwazzjoni tal-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali tat-18 ta’ Marzu 2012 u t-tieni rawnd skedat għad-29 ta’ April 2012 fil-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-23 ta’ April 2012 tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar il-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra l-Communiqué Finali tas-26 ta’ April 2012 tas-Samit Straordinarju tal-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet tal-ECOWAS ,
– wara li kkunsidra s-sanzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi u finanzjarji dwar il-Ginea Bissaw imposti fid-29 ta’ April u l-31 ta’ Mejju 2012 mill-ECOWAS,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-30 ta’ April 2012 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 377/2012 tat-3 ta’ Mejju 2012, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 458/2012 tal-31 ta’ Mejju 2012, li jimplimenta l-Artikolu 11(1) tar-Regolament(UE) Nru 377/2012,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Mejju 2012 li saret mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar l-iżviluppi riċenti fil-Ginea Bissaw,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tat-12 ta’ Marzu 2009 dwar il-Ginea Bissaw, tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea u l-Politika Komuni ta’ Sigurtà u Difiża u tal-11 ta’ Mejju 2011 dwar ir-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-Politika Komuni Barranija u ta’ Sigurtà fl-2009.
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi fit-12 ta’ April 2012, il-membri tal-forzi armati ħatfu l-poter bil-forza fil-Ginea Bissaw u arrestaw kemm lill-President interim, Raimundo Pererira, u wkoll lill-Prim Ministru, Carlos Gomes Júnior;
B. billi din l-azzjoni illeġittima saret il-ġurnata qabel il-bidu tal-kampanja elettorali għat-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali fil-Ginea Bissaw;
C. billi t-trasparenza tal-proċess elettorali li għadu għaddej fil-Ginea Bissaw ġiet rikonoxxuta nazzjonalment u internazzjonalment;
D. billi l-kolp ta’ Stat militari ġie kundannat bil-qawwa mill-komunità internazzjonali;
E. billi l-mexxejja militari u grupp tal-partijiet ta’ minoranza ftehmu li jwaqqfu Kunsill Nazzjonali Tranżitorju u Gvern Tranżitorju mingħajr il-kunsens tal-istituzzjonijiet politiċi leġittimi tal-pajjiż;
F. billi deċennji ta’ instabilità politika fil-Ginea Bissaw wasslu lill-pajjiż għal kriżi profonda;
G. billi t-tmexxija militari tal-Ginea Bissaw interferiet b'mod ripetut u intollerabbli fil-ħajja politika tal-pajjiż u dawn l-interferenzi kellhom impatt estremament negattiv fuq il-proċess tal-istituzzjonalizzazzjoni tad-demokrazija u fit-twaqqif tal-istat tad-dritt, fuq is-sigurtà tal-popolazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija;
H. billi l-instabilità fil-Ginea Bissaw mhux biss tipprevjeni ġlieda effikaċi kontra t-traffikar tad-drogi iżda thedded il-konsolidazzjoni tal-paċi fil-pajjiż u l-istabilità fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent;
1. Jikkundanna bil-qawwa t-teħid antikostituzzjonali tal-poter fit-12 ta’ April 2012 mill-forzi armati tal-Ginea Bissaw ;
2. Jirrifjuta t-twaqqif tal-entitajiet li jsejħu lilhom infushom “Kmand Militari”, “Kunsill Nazzjonali Tranżitorju” u “Gvern Tranżitorju”; jenfasizza li huwa ma jirrikonoxxix forza militari maħtura minnha nnfisha u istituzzjonijiet tranżitorji u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali taġixxi bl-istess mod;
3. Jieħu nota dwar ir-rilaxx tal-President interim u tal-Prim Ministru u jitlob li t-tnejn li huma jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod ħieles u sħiħ d-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom;
4. Jitlob li jkun hemm rispett assolut għall-integrità fiżika tal-uffiċjali pubbliċi kollha u ċ-ċittadini l-oħra li jinsabu fil-kustodja tar-ribelli militari, u biex jintemmu l-vjolenza u l-intimidazzjoni kontra l-mexxejja politiċi u s-soċjetà ċivili;
5. Iħeġġeġ lil dawk kollha involuti biex iwaqqfu immedjatament l-azzjonijiet vjolenti u jfakkar fl-impenn tal-armata li tosserva l-kostituzzjoni tal-Ginea Bissaw;
6. Jitlob lill-komunità internazzjonali teżerċita l-influwenza kollha meħtieġa u tipprovdi l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex titwettaq investigazzjoni profonda dwar dawn l-azzjonijiet u sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;
7. Jitlob ir-riintegrazzjoni tal-liġi kostituzzjonali u l-istat ta' dritt u l-konklużjoni tal-proċess elettorali li għadu għaddej, inklużi l-elezzjonijiet leġiżlattivi;
8. Jappella għar-riżoluzzjoni tat-tilwim permezz ta’ mezzi politiċi u paċifiċi fi ħdan il-qafas tal-istituzzjonijiet leġittimi tal-Ginea Bissaw;
9. Jappoġġa l-isforzi nazzjonali u internazzjonali sabiex terġa tiġi stabbilita l-fiduċja fost l-atturi politiċi, il-forzi militari u tas-sigurtà u s-soċjetà ċivili u biex il-pajjiż jitreġġa’ lura għan-normalità kostituzzjonali;
10. Itenni l-konvizzjoni soda tiegħu li hemm periklu li l-Ginea Bissaw tibqa' militarment instabbli u mhux f'pożizzjoni li tindirizza l-korruzzjoni mhux imrażżna jew li tibdel l-istatus tagħha bħala pajjiż ewlieni ta’ tranżitu għad-drogi, ladarba l-istituzzjonijiet tiegħu jibqgħu strutturalment dgħajfa;
11. Jilqa’ l-impenn tas-sħab internazzjonali, b'mod partikolari l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-ECOWAS, is-CPLP, l-UA, l-Uffiċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fil-Ginea Bissaw (UNIOGBIS) u l-Missjoni bilaterali Angolana, sabiex jikkontribwixxu għall-paċi dewwiema u l-istabilità fil-Ginea Bissaw;
12. Jenfasizza l-importanza tat-twaqqif tal-“Grupp ta’ Kuntatt fil-Kriżi” għall-Ginea Bissaw taħt il-koordinament tan-Nazzjonijiet Uniti, bir-rappreżentanti tal-UA, l-ECOWAS u s-CPLP, kif imsemmija fir-rapport speċjali tat-30 ta’ April 2012 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw;
13. Jappoġġa il-kooperazzjoni mill-qrib tal-UE mal-Istati tal-Afrika tal-Punent u s-sħab reġjonali u internazzjonali tagħha, inkluż in-Nazzjonijiet Uniti, l-UA, is-CPLP u l-ECOWAS bil-għan li titwaqqaf sħubija effikaċi li tkun tista’ tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni fit-tul tal-Ginea Bissaw;
14. Jilqa’ s-sanzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi u finanzjarji għall-Ginea Bissaw imposti mill-ECOWAS, il-miżuri restrittivi diretti lejn ċerti persuni, entitajiet u korpi li huma ta’ theddid għall-paċi, is-sigurtà u l-istabilità tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw, li ġew adottati mill-Kunsill u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar għal ċerti individwi imposta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
15. Jistieden lis-sħab internazzjonali jżommu s-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw taħt attenzjoni kontinwa u attenzjoni mill-qrib u biex ikunu ppreparati li jwettqu rieżami tal-adegwatezza tal-miżuri adottati, inkluż it-tisħiħ tagħhom;
16. Jieħu nota tal-iskjerament tat-truppi tal-ECOWAS fl-Ginea Bissaw;
17. Jilqa’ l-inizjattivi tas-CPLP biex jikkostitwixxu forza ta’ stabbilizzazzjoni għall-Ginea Bissaw fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti u b’mandat definit mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, flimkien mal-ECOWAS, l-UA u l-UE, filwaqt jittieħed kont tal-esperjenza tal-Missjoni Militari tal-Angola għall Ginea Bissaw (MISSANG);
18. Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni jipprovdu pariri u għajnuna għall-appoġġ ta’ riforma urġenti tas-setturi tad-difiża u s-sigurtà fil-Ginea Bissaw u biex iqisu b’mod effikaċi l-appoġġ tal-iskjerament tal-operazzjoni ta’ stabbilizzazzjoni internazzjonali l-ġdida;
19. Jerġa’ jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jikkunsidraw mezzi ġodda ta' kif tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata fil-Ginea Bissaw sabiex jiġi evitat li dan il-pajjiż isir stat narkotiku ieħor;
20. Jappella biex jissaħħaħ l-impenn tal-UE u internazzjonali bl-għan li tinbena Ginea Bissaw demokratika u stabbli;
21. Jiġbed l-attenzjoni dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Ginea Bissaw, partikolarment tal-persuni spostati f’pajjiżhom u tar-refuġjati u dwar ir-riskju ta' epidemiji, u jitlob lill-UE u lill-komunità internazzjonali jieħdu miżuri ta’ għajnuna konkreti, xierqa u immedjati;
22. Jagħti struzzjonijiet lill-President biex dan jibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Gvernijiet tal-Istati Membri, is-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ECOWAS, l-istituzzjonijiet tal-UA, l-Assemblea Parlamentari Konġunta UE-ACP, is-Segretarjat tas-CPLP u l-Gvern u l-Parlament tal-Ginea Bissaw.