MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel
6.6.2012 - (2012/2659(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Goerens, Ivo Vajgl, Olle Schmidt, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0281/2012
B7‑0285/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tat-2 ta' Mejju 2012 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/ Viċi President tal-Kummissjoni Catherine Ashton li tilqa' r-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil dwar in-Non-Aggressjoni u l-Kooperazzjoni, iffirmat fl-10 ta' Frar 2012 bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-28 ta' Marzu 2012 u tal-11 ta' April 2012 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli tal-UE, Catherine Ashton, dwar il-konflitti armati fil-fruntieri bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana tas-17 ta' April 2012 li appellat lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel jaġixxu b'mod responsabbli u jisimgħu l-appelli li saru min-naħa tal-UA u tal-komunità internazzjonali sabiex il-konflitt li għaddej bħalissa bejn iż-żewġ pajjiżi jieqaf b'effett immedjat,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u fis-Sudan t'Isfel tas-16 ta' April 2012 fejn esprima tħassib kbir dwar l-ostilitajiet li għadhom għaddejjin bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż l-impatt li għandhom fuq il-persuni ċivili innoċenti,– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon tad-19 ta' April 2012 fejn ħeġġeġ lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel itemmu l-ostilitajiet tagħhom u jevitaw li jerġgħu jibdew il-konflitti li fi żmien għoxrin sena diġà swew miljuni ta' ħajjiet,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel tat-23 ta' April 2012 (it-3159 laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin) li esprimew tħassib kbir min-naħa tal-UE dwar l-eskalazzjoni tal-konflitt bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,
– wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel spjegat fil-komunikat uffiċjali maħruġ mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA fl-24 ta' April, li l-UE tappoġġja għalkollox,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan u fis-Sudan t'Isfel fit-30 ta' Mejju 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel dan l-aħħar wasslu ż-żewġ pajjiżi f’xifer il-gwerra;
B. billi inċidenti ripetuti ta' vjolenza transkonfinali bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, inklużi l-movimenti tat-truppi, il-ħtif u l-okkupazzjoni ta' Heglig, l-appoġġ għall-qawwiet sostituti, l-appoġġ għar-ribelli ta' xulxin, il-ġlied bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Armata tal-Liberazzjoni tal-Popli tas-Sudan (SPLA) wasslu biex il-konflitt jiskala għal konfrontazzjoni vera u proprja;
C. billi l-ġlied bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, u l-ġlied kontinwu fl-istati tal-Kordofan tan-Nofsinhar u tan-Nil l-Iżraq, ħolqu sitwazzjoni umanitarja serja ġewwa s-Sudan;
D. billi n-nuqqas ta' qbil dwar arranġamenti ekonomiċi transizzjonali bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż dwar l-użu taż-żejt, wassal biex Kartum jaħtaf iż-żejt tan-Nofsinhar u s-Sudan t'Isfel jiddeċiedi li jwaqqaf il-produzzjoni taż-żejt, ikkontribwixxa b'mod sinifikanti għall-kriżi preżenti;
E. billi fid-29 ta' Ġunju, 2011 ġie konkluż il-Ftehim bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Gvern tas-Sudan t'Isfel dwar is-Sigurtà tal-Fruntieri u l-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà, inkluż l-impenn biex tinħoloq żona tal-fruntiera li tkun sikura u demilitarizzata (SDBZ), u fit-30 ta' Lulju, 2011 ġie konkluż il-Ftehim dwar il-Missjoni ta' Appoġġ għall-Monitoraġġ tal-Fruntieri Bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Gvern tas-Sudan t'Isfel;
F. billi s-Sudan t'Isfel ħabbar l-irtirar immedjat miż-Żona ta' Abyei skont il-Ftehim bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel tal-20 ta' Ġunju, 2011;
G. billi għaxriet ta' snin b'nuqqas ta' fiduċja reċiproka qed iżommu lil kull waħda miż-żewġ naħat milli jaġixxu biex inaqqsu t-tensjoni u jsegwu negozjati serji;
H. l-UE tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-kampanja ta' terrur li ilha għaddejja mwettqa minn Joseph Kony u l-Lord's Resistance Army (LRA) u biex jgħinu lill-popolazzjonijiet milquta mill-preżenza tal-LRA;
1. Jistieden lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel iġibu fit-tmiem l-ostilitajiet u juru r-rieda politika sabiex isolvu l-kwistjonijiet li għad fadlilhom wara s-seċessjoni abbażi tal-Pjan Direzzjonali approvat fir-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta' Mejju 2012;
2. Jilqa' l-fatt li s-Sudan u s-Sudan t'Isfel it-tnejn qablu mal-Pjan Direzzjonali u kkonfermaw l-impenn tagħhom għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet bħala pass importanti inizjali fid-direzzjoni t-tajba;
3. Iħeġġeġ lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel juru r-rieda politika u prattika tagħhom li jsegwu t-triq tal-paċi billi jindirizzaw it-tħassib taż-żewġ naħat rigward is-sigurtà permezz ta' negozjati sinifikattivi fil-qafas tal-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà, billi jibdew bl-irtirar mingħajr kundizzjonijiet tal-qawwiet armati tagħhom kollha għan-naħa tal-fruntiera tagħhom, skont il-Ftehimiet adottati preċedentement, inkluż il-Ftehim dwar il-Missjoni ta' Appoġġ għall-Monitoraġġ tal-Fruntieri tat-30 ta' Lulju 2011;
4. Jilqa’ r-rwol tal-Unjoni Afrikana u l-medjazzjoni tas-Sur Thabo Mbeki fir-rigward tat-tkomplija imminenti tan-negozjati diretti;
5. Jitlob li l-Mekkaniżmu Konġunt ta' Verifika u ta' Monitoraġġ tal-Fruntieri (JBVMM) jiġi attivat immedjatament billi jiġu mibgħuta osservaturi internazzjonali u persunal ieħor fit-territorju sabiex jimmonitorjaw u jgħinu fl-iżgurar tal-konformità;
6. Jistieden lis-Sudan u s-Sudan t'Isfel jimplimentaw l-aspetti pendenti tal-Ftehim tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar l-Arranġamenti Temporanji Amministrattivi u ta' Sigurtà għaż- żona ta' Abyei, b'mod partikulari l-iskjerar mill-ġdid tal-qawwiet kollha tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel barra miż-Żona ta' Abyei; jilqa' t-tħabbira tas-Sudan t'Isfel li qed jirtira immedjatament il-qawwiet tiegħu miż-Żona ta' Abyei u jistieden lill-Gvern tas-Sudan jagħmel l-istess;
7. Jilqa' l-irtirar tal-armata tas-Sudan t'Isfel minn Heglig u jitlob il-waqfien immedjat tal-bumbardament mill-ajru min-naħa tal-Forzi Armati tas-Sudan kontra s-Sudan t'Isfel;
8. Jistieden lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel iwaqqfu milli jospitaw u jappoġġaw gruppi ribelli kontra l-Istat l-ieħor;
9. Jiddikjara l-impenn tiegħu li jara lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel isiru żewġ stati bi prosperità ekonomika li jgħixu wieħed ħdejn l-ieħor fil-paċi, is-sigurtà u l-istabilità, u jenfasizza l-importanza tal-bini tal-fiduċja reċiproka, tal-kunfidenza u ambjent li jwassal għall-istabilità fit-tul u għall-iżvilupp ekonomiku fit-tul;
10. Jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza li twettqu kontra l-persuni ċivili bi ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi tad-drittijiet tal-bniedem;
11. Jistieden liż-żewġ partijiet jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk tan-nisa u tal-persuni li jappartienu lill-gruppi vulnerabbli, jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi internazzjonali, inkluża l-liġi umanitarja u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li dawk responsabbli għall-ksur serju ta' tali liġi, inkluża l-vjolenza sesswali, iwieġbu għal dawn l-atti;
12. Iħeġġeġ bil-qawwi lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel sabiex jikkonċedu l-aċċess umanitarju għall-popolazzjoni milquta fiż-żoni tal-konflitt, filwaqt li jiġi żgurat, skont il-liġi internazzjonali u l-liġi internazzjonali umanitarja, l-aċċess sikur, mhux ostakolat u immedjat tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' persunal umanitarju ieħor, kif ukoll il-forniment ta' provvisti u tagħmir, sabiex il-persunal ikun jista' jwettaq, b'mod effiċjenti, il-kompitu tiegħu li jassisti l-popolazzjoni ċivili milquta mill-konflitt;
13. Iħeġġeġ liż-żewġ naħat iwaqqfu r-retorika xewwiexa u l-propoganda ostili, li jwasslu għal deskrizzjoni demonizzanti reċiproka, ksenofobija u theddid ta' vjolenza; jistieden liż-żewġ gvernijiet jieħdu responsabilità sħiħa għall-ħarsien taċ-ċittadini taż-żewġ naħat skont il-prinċipji internazzjonali, b'konsistenza mal-Ftehim Qafas dwar l-Istatus ta' Ċittadini tal-Istat l-Ieħor u Kwestjonijiet Relatati li inbeda f'Marzu 2012;
14. Jitlob sforz imparzjali għas-sejba tal-fatti sabiex jiġu vvalutati t-telfiet u d-danni ekonomiċi u umanitarji, inklużi lill-faċilitajiet taż-żejt u infrastruttura ewlenija oħra, ġewwa u madwar Heglig;
15. Jenfasizza li l-konflitt fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fin-Nil l-Iżraq ma jistax jiġi solvut militarment, u jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal soluzzjoni politika u negozjata, ibbażata fuq ir-rispett għad-diversità fl-unità;
16. Iħeġġeġ bil-qawwa lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti ekonomiċi transizzjonali li għad iridu jiġu solvuti bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż dwar l-użu taż-żejt; itenni li prekundizzjoni biex jinkisbu l-paċi u l-istabilità fir-reġjun hi li jiġu solvuti l-kwestjonijiet tad-demarkazzjoni tal-fruntieri;
17. Jinsab konvint li l-istabilità fit-tul fir-reġjun teħtieġ strateġija internazzjonali ġdida magħquda u komprensiva, li fiha l-UE flimkien ma' atturi globali u reġjonali oħra, twettaq rwol li jiffoka mhux biss fuq il-kwestjonijiet Tramuntana-Nofsinhar u fuq is-sitwazzjoni fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fin-Nil l-Iżraq, iżda wkoll fuq il-proċess ta' riforma li ilu li messu sar ġewwa s-Sudan u l-approfondiment tar-riformi demokratiċi fis-Sudan t'Isfel; jistieden lir-RGħ/VP u lill-Kummissjoni jkunu lesti joffru l-assistenza neċessarja, jekk il-Partit tal-Kungress Nazzjonali tas-Sudan (NCP) li qed jiggverna jaċċetta djalogu nazzjonali liberu u mingħajr ostakli bil-għan li jistabbilixxi arranġamenti kostituzzjonali inklużivi aċċettati minn kulħadd u jieħu passi ġenwini sabiex tinġieb fi tmiemha l-impunità ġewwa d-Darfur, il-Kordofan tan-Nofsinhar u n-Nil l-Iżraq;
18. Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali jonoraw l-impenji tagħhom ta' ffinanzjar għar-reġjun, partikolarment biex jindirizzaw is-skarsezza kbira li hemm tal-għajnuna f’ikel, tar-rifuġju ta' emerġenza u tal-protezzjoni; jitlob li tingħata attenzjoni mill-qrib lis-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel u lill-miżuri li għandhom jiġu stabbiliti jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar; itenni r-rispett sħiħ tiegħu għar-riżultat tar-referendum tal-indipendenza bħala l-espressjoni tar-rieda demokratika tal-poplu tas-Sudan t'Isfel;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern u lill-Parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Lega Għarbija u lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana.