Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0288/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0288/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel

6.6.2012 - (2012/2659(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sabine Lösing, Willy Meyer, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Jacky Hénin, Younous Omarjee, João Ferreira f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0281/2012

Proċedura : 2012/2659(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0288/2012
Testi mressqa :
B7-0288/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0288/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel

(2012/2659(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali adottat mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) fl-24 ta’ April 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2046 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE/Viċi President tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,

–   wara li kkunsidra l-Missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza tas-Sigurtà Interim tan-NU għal Abyei (UNISFA),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-Sudan t’Isfel huwa stat indipendenti minn Lulju 2011 bħala konsegwenza tal-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) tal-2005 u referendum li sar biss fis-Sudan t’Isfel;

B.  billi s-Sudan t'Isfel huwa wieħed mill-aktar pajjiżi foqra u l-anqas żviluppati fid-dinja, b'waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-trabi u bl-iżjed indikaturi baxxi tal-edukazzjoni fid-dinja,

C. billi l-parti l-kbira tar-riżervi taż-żejt fir-reġjun jinsabu fir-reġjuni tal-Kordofan tan-Nofsinhar u ta' Abyei; billi aktar minn 80% tal-baġit tas-Sudan t’Isfel u madwar 50% tal-baġit tas-Sudan huma ġġenerati mill-esplojtazzjoni u l-esportazzjoni taż-żejt;

D. billi l-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) iffriża l-gwerra ċivili li kienet ilha għaddejja fis-Sudan imma għadu ma ġiex implimentat għalkollox, billi kwestjonijiet importanti għadhom pendenti, bħalma huma d-demarkazzjoni tal-fruntieri u ż-żona demilitarizzata tul il-fruntiera bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, iċ-ċittadinanza, il-kondiviżjoni tad-dħul miż-żejt u l-użu tal-pipelines;

E.  billi l-mandat tal-Missjoni tan-NU fis-Sudan (UNMIS) kien ġie ffissat li kellu jintemm fid-9 ta' Lulju, meta s-Sudan t'Isfel ġie uffiċjalment iddikjarat indipendenti u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU stabbilixxa l-missjoni UNMISS li ġiet warajha b’mas-7000 persunal militari; billi l-Forza tas-Sigurtà Interim tan-NU għal Abyei (UNISFA) li ngħatat il-mandat li tosserva d-demilitarizzazzjoni tar-reġjun ta’ Abyei, ġiet approvata fis-27 ta’ Ġunju 2011 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

1.  Jikkundanna l-inċidenti ripetuti ta’ vjolenza transkonfinali bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, inklużi l-ħtif ta' territorju, l-appoġġ lil forzi sostituti u l-bumbardament mill-ajru li jikkawża flussi ġodda ta’ rifuġjati;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba s-sitwazzjoni umanitarja maħluqa mill-ġlied ta’ bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, u l-ġlied li għadu għaddej fl-istati tal-Kordofan tan-Nofsinhar u tan-Nil l-Iżraq, fis-Sudan; jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' vjolenza li twettqu kontra l-persuni ċivili bi ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jinsab konvint li ma jista’ jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari tal-konflitt bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, fil-Kordofan tan-Nofsinhar u n-Nil l-Iżraq b’mod partikolari; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tinstab soluzzjoni politika u diplomatika aċċettata mill-partijiet kollha;

4.  Jitlob li jkun hemm waqfien minnufih ta’ kull forniment ta’ armamenti fis-Sudan u fis-Sudan t'Isfel, b’mod partikolari fir-reġjuni fejn għaddej il-konflitt fl-Istati ta’ Abyei, tan-Nil l-Iżraq u tal-Kordofan tan-Nofsinhar;

5.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat ilestu għalkollox l-implimentazzjoni tal-Ftehim Komprensiv ta’ Paċi (CPA) u jistieden kemm lill-forzi armati tas-Sudan u kemm dawk tas-Sudan t'Isfel jirtiraw minn Abyei skont il-Ftehim tagħhom tal-20 ta’ Ġunju 2011 u jingaġġaw fi djalogu kostruttiv għal soluzzjoni paċifika dwar l-istatus ta’ Abyei, fil-qafas tal-CPA;

6.  Ifakkar fil-ftehim bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel li ntlaħaq f’Ġunju 2011 dwar is-Sigurtà tal-Fruntieri u l-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà , fejn fil-Paragrafu 2 ġie stabbilit impenn biex tinħoloq żona tal-fruntiera li tkun demilitarizzata u sikura (ŻFDS); ifakkar fil-ftehim dwar il-Missjoni ta’ Appoġġ għall-Monitoraġġ tal-Fruntieri li ntlaħaq f’Lulju 2011, li jelabora dwar l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Konġunt ta’ Verifika u Monitoraġġ tal-Fruntieri (MKVMF); jenfasizza l-ħtieġa urġenti li s-Sudan u s-Sudan t'Isfel jibdew il-proċess tad-demilitarizzazzjoni tal-fruntieri;

7.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw għalkollox il-paragrafi 7 u 16 tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana tal-24 ta’ April 2012, filwaqt li jtenni li l-fruntieri territorjali tal-istati m’għandhomx jiġu mibdula bil-forza u kwalunkwe tilwim territorjali għandu jiġi solvut esklussivament permezz ta’ mezzi politiċi, paċifiċi u li jkun hemm qbil dwarhom mill-partijiet kollha u li ma jista’ jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari tal-konflitt fil-Kordofan tan-Nofsinhar u fin-Nil l-Iżraq;

8.  Iħeġġeġ kemm lis-Sudan u kemm lis-Sudan t'Isfel iwaqqfu l-ostilitajiet u jirrispettaw il-ftehimiet li għamlu; jippermettu passaġġ, aċċess u moviment sikuri tal-popolazzjonijiet li nqatgħu fuq kull naħa tal-fruntieri;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-prinċipji tar-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwimiet internazzjonali skont il-Karta tan-NU u jħeġġeġ lill-Komunità Internazzjonali tirrispetta għalkollox ir-rwol newtrali tagħha ta’ konċiljatriċi/medjatriċi u żżomm lura milli twettaq kwalunkwe intervent militari jew li tagħti kwalunkwe appoġġ militari lil xi naħa, bil-għan li tinkiseb paċi sostenibbli bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u tiffoka fuq proċessi tad-diżarmament u tar-rikonċiljazzjoni;

10. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jikkonċentraw l-għajnuna tagħhom fuq proġetti ta’ żvilupp ċivili b’mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni kif ukoll fuq l-agrikoltura biex jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u s-sovranità tal-ikel, minflok fuq l-għajnuna militari; jistieden f’dan ir-rigward lill-mexxej tal-Missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) li bħalissa (Marzu 2012) għandha b’kollox 5.533 persunal bl-uniformi (4.913 truppi) biex jitgħallem il-lezzjonijiet li ħarġu mill-missjoni li ntbagħtet fir-RD tal-Kongo fejn twettqu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem minn membri tal-missjoni; jinsisti li jieqfu għalkollox il-missjonijiet ta' taħriġ militari u kwalunkwe kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar;

11. Jinsisti fuq ir-rispett għas-sovranità li għandhom il-popli tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel fuq ir-riżorsi naturali tagħhom; jenfasizza li l-governanza demokratika u l-aċċess ġust għar-riżorsi naturali se jkunu essenzjali għall-prosperità u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjun favur il-popolazzjoni; jenfasizza li l-esplorazzjoni tar-riżorsi naturali teħtieġ ir-regolamentazzjoni tal-istat u t-trasparenza; jitlob li jsiru negozjati dwar il-kondiviżjoni ġusta, u aċċettata mill-partijiet kollha, tad-dħul mill-esplojtazzjoni taż-żejt;

12. Jistieden lill-kredituri internazzjonali kollha jipproċedu biex jissospendu b’mod immedjat u komprensiv il-ħlas lura tad-dejn kollu mis-Sudan u s-Sudan t'Isfel;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-President tal-Bord ta' Livell Għoli tal-Unjoni Afrikana dwar is-Sudan.