Proċedura : 2012/2659(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0298/2012

Testi mressqa :

B7-0298/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/06/2012 - 9.4

Testi adottati :

P7_TA(2012)0248

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kWORD 72k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0281/2012
6.6.2012
PE489.328v01-00
 
B7-0298/2012

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Sudan/is-Sudan t'Isfel (2012/2659(RSP))


Judith Sargentini, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sudan/is-Sudan t'Isfel (2012/2659(RSP))  
B7‑0298/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tat-2 ta' Mejju 2012 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li tilqa' r-Riżoluzzjoni 2046 (2012) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-2 ta' Mejju 2012;

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-eskalazzjoni tat-tensjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel reċentement wasslet liż-żewġ pajjiżi kważi għall-gwerra;

B.  billi inċidenti ripetuti ta' vjolenza traskonfinali bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, inklużi l-movimenti tat-truppi, il-ħtif u l-okkupazzjoni ta' Heglig, l-appoġġ għall-qawwiet li aġixxew f'isem oħrajn, l-appoġġ għar-ribelli ta' xulxin, il-ġlied bejn il-Forzi Armati Sudaniżi (SAF) u l-Armata tal-Liberazzjoni tal-Popli tas-Sudan (SPLA) wasslu biex il-kunflitt jiskala għal konfrontazzjoni vera u proprja;

C. billi n-nuqqas ta' qbil dwar arranġamenti ekonomiċi transizzjonali bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż dwar l-użu taż-żejt, wasslu biex Kartum jaħtaf iż-żejt tan-Nofsinhar u għad-deċiżjoni tas-Sudan t'Isfel li jwaqqaf il-produzzjoni taż-żejt, u kkontribwixxa b'mod sinifikanti għall-kriżi preżenti;

D. billi ż-żewġ pajjiżi ġirien ma jafdawx lil xulxin fi kwistjonijiet dwar il-qsim tad-dejn nazzjonali u dwar kemm għandu jħallas is-Sudan t'Isfel, li m'għandux aċċess għall-baħar, għat-trasport taż-żejt tiegħu mis-Sudan huma fost kwistjonijiet mhux risolti oħra;

E.  billi fid-29 ta' Ġunju 2011 kien konkluż il-Ftehim bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Gvern tas-Sudan t'Isfel dwar is-Sigurtà tal-Fruntieri u l-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà, inkluż l-impenn biex tinħoloq żona ta' fruntiera sikura u demilitarizzata (SDBZ), u fit-30 ta' Lulju 2011 kien konkluż il-Ftehim dwar il-Missjoni ta' Appoġġ għall-Monitoraġġ tal-Fruntieri bejn il-Gvern tas-Sudan u l-Gvern tas-Sudan t'Isfel;

F.  billi s-Sudan t'Isfel ħabbar l-irtirar immedjat miż-żona ta' Abyei skont il-Ftehim bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel f'Ġunju 2011;

G. billi għexieren ta' snin ma jafdawx lil xulxin qed iżommu liż-żewġ naħat milli jippruvaw inaqqsu t-tensjoni u jinnegozjaw b'mod serju;

H. billi parti kbira mill-popolazzjoni fir-reġjun għadha tgħix fl-inċertezza dwar hux se jkollha ikel, sitwazzjoni li kienet iggravata mill-kunflitt, miż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u mis-sitwazzjoni ta' ġuħ dejjem agħar fil-Qarn tal-Afrika,

I.   billi s-Sudan u s-Sudan t'Isfel intlaqtu minn nixfa serja u n-nies bdew jiċċalqu biex ifittxu l-ikel, u skont l-uffiċjali tan-NU madwar miljun persuna jistgħu jkunu fir-riskju li jmutu bil-ġuħ jekk ma taslilhomx għajnuna alimentari fix-xhur li ġejjin;

J.   huwa mħasseb mis-sentenza ta' mewt bit-tħaġġir għal adulterju, li ngħatat lis-Sa Sharif Abdallah, li għad m'għandhiex 18-il sena, fit-22 ta' April 2012 fil-belt ta' Omdruman, qrib Kartum;

1.  Jistieden lill-gvernijiet tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel iwaqqfu l-ġlied bejn il-qawwiet militari u jsolvu d-differenzi tagħhom skont il-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA);

2.  Jilqa' l-fatt li s-Sudan u s-Sudan t'Isfel it-tnejn qablu mal-Pjan Direzzjonali u kkonfermaw l-impenn tagħhom għal waqfien mill-ġlied immedjat bħala pass importanti inizjali fid-direzzjoni t-tajba;

3.  Iħeġġeġ tas-Sudan u Sudan tan-Nofsinhar biex juru r-rieda politika u prattika tagħhom biex isegwu t-triq tal-paċi billi jindirizzaw it-tħassib rigward is-sigurtà taż-żewġ naħat permezz ta' negozjati sinifikattivi fil-qafas tal-Mekkaniżmu Konġunt ta' Politika u Sigurtà, billi jibdew billi jirtiraw mingħajr kundizzjonijiet il-qawwiet armati tagħhom għan-naħa tagħhom tal-fruntiera, skont il-Ftehimiet adottati preċedentement, inkluż il-Ftehim dwar il-Missjoni ta' Appoġġ għall-Monitoraġġ tal-Fruntieri tat-30 ta' Lulju, 2011;

4.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel jimpenjaw ruħhom fi djalogu politiku dwar il-kwistjonijiet kollha tas-CPA li għad baqa' jiġu solvuti; itenn l-impenn tal-UE li tingħaqad mas-Sudan u s-Sudan t'Isfel biex tgħin fil-governanza demokratika u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għas-Sudaniżi kollha;

5.  Iħeġġeġ bil-qawwa lis-Sudan u s-Sudan t'Isfel jilħqu ftehim dwar l-arranġamenti ekonomiċi transizzjonali li għad iridu jkunu solvuti, inkluż dwar l-użu taż-żejt;

6.  Jistieden l-attivazzjoni immedjata tal-Mekkaniżmu Konġunt ta' Verifika u ta' Monitoraġġ tal-Fruntiera (JBVMM) bil-bgħit ta' osservaturi u persunal ieħor fit-territorju sabiex jimmonitorjaw ir-rispett tal-ftehim u jgħinu biex ikun żgurat;

7.  Jistieden lis-Sudan u s-Sudan t'Isfel jimplimentaw aspetti pendenti tal-ftehim tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar l-Arranġamenti Temporanji Amministrattivi u ta' Sigurtà għaż-żona ta' Abyei, b'mod partikulari l-użu tal-qawwiet kollha tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel barra miż-Żona ta' Abyei; jilqa' d-dikjarazzjoni tas-Sudan t'Isfel li se jirtira immedjatament il-qawwiet tiegħu miż-Żona ta' Abyei u jistieden lill-Gvern tas-Sudan jagħmel l-istess;

8.  Jistieden lill-gvern Sudaniż biex jirrevoka s-sentenza tal-mewt u jiggarantixxi l-integrità fiżika u psikoloġika tas-Sa Sharif Abdallah, jistieden ukoll lill-gvern Sudaniż biex jirriforma s-sistema legali tiegħu skont l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi għajnuna umanitarja lis-Sudan u lis-Sudan t'Isfel biex tiġi evitata l-karestija mistennija, hekk kif il-popolazzjoni qed taħrab miż-żona ta' nixfa u l-fluss ta' refuġjati fl-istaġun tax-xita joħloq aktar ġuħ;

10. Jemmen li l-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sudan (UNMIS) jeħtieġ li tkun evalwata u orjentata mill-ġdid biex tgħin lill-gvern tas-Sudan t'Isfel fil-protezzjoni taċ-ċivili;

11. Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda rrappurtata ta' splussivi tal-art fir-reġjun; ifakkar fl-oppożizzjoni soda tiegħu kontra l-użu tal-isplussivi tal-art u jitlob li tali attività tieqef immedjatament;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kopresident tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Għoli tal-UE, lir-rappreżentant speċjali tal-UE għas-Sudan t'Isfel, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lin-NU u lill-Unjoni Afrikana.

Avviż legali - Politika tal-privatezza