MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew
6.6.2012 - (2012/2669(RSP))
skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Klaus-Heiner Lehne f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali
B7‑0299/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju Ewropew
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew imnedija mill-Kummissjoni fl-20 ta' Frar 2012[1],
– wara li kkunsidra l-konferenza dwar "Id-Dritt Soċjetarju Ewropew: it-triq 'il quddiem", organizzata mill-Kummissjoni fis-16 u s-17 ta' Mejju 2011[2],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Dritt Soċjetarju tal-UE tal-5 ta' April 2011[3],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 intitolata “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – 'Flimkien għal tkabbir ġdid'”(COM(2011)0206),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 ‘Inizjattiva għan-negozju soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni’ (COM(2011)0682),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2007 dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika (COM(2007)0394),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2003 dwar “L-Immodernizzar tal-Liġijiet tal-Kumpaniji u t-Titjib tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu 'l quddiem” (COM(2003)0284),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' April 2004 dwar "il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Modernizzazzjoni tal-Liġi tal-Kumpaniji u Tisħiħ tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea – Pjan biex Nimxu 'l Quddiem"[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2006 dwar l-iżviluppi riċenti u l-prospetti fir-rigward tal-liġi tal-kumpaniji[5],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpanija[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta’ kumpanija[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2010 dwar aspetti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt internazzjonali privat tal-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-14-il direttiva dwar il-Liġi tal-kumpaniji rigward it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji[9],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-4 ta' Mejju 2012 lill-Kummissjoni dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew (2012/2669(RSP)) (O-000110/2012 – B7‑0117/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-qafas regolatorju tal-UE għal-liġi tal-kumpaniji u l-governanza tal-kumpaniji hemm bżonn li jiġi adattat sabiex jirrifletti t-tendenza dejjem tiżdied li kumpaniji Ewropej joperaw b'mod transkonfinali ġewwa l-UE u l-integrazzjoni kontinwa tas-swieq Ewropej,
B. billi l-objettiv ġenerali huwa li n-negozji fl-Ewropa jkunu jistgħu jikkompetu b'mod iktar effettiv u jiksbu suċċess ikbar f'ambjent dinji kompetittiv ħafna, filwaqt li jiġi żgurat ħarsien adegwat tal-interessi tal-kredituri, azzjonisti, membri u impjegati;
C. billi qafas regolatorju b'użu faċli jinkoraġġixxi n-negozji, b'mod partikolari lis-SME, li japprofittaw mill-opportunitajiet offruti mis-suq uniku;
D. billi kull inizjattiva futura għandha tkun kumpatibbli mas-sistemi nazzjonali ta' governanza soċjetarja u mal-liġijiet nazzjonali dwar l-involviment tal-ħaddiema, filwaqt li jkollha l-objettiv ta' iktar flessibilità u libertà tal-għażla fir-rigward tal-forom ta' kumpaniji, tqassim intern tas-setgħat u strateġiji sostenibbli tal-kumpaniji;
E. billi hemm potenzjal mhux użat fil-forom legali tal-kumpaniji fil-livell Ewropew li għandu jiġi esplorat, żviluppat u promoss ulterjorment;
F. billi l-mobilità transkonfinali għall-kumpaniji għandha tkun faċilitata;
G. billi l-kriżi finanzjarja wriet il-bżonn ta' qafas ta' governanza soċjetarja iktar ċar li jiffoka b'iktar qawwa fuq il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati;
1. Jilqa' l-konsultazzjoni pubblika reċenti tal-Kummissjoni dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew, li għandha tgħin biex jissawru inizjattivi futuri maħsuba biex jissemplifikaw l-ambjent kummerċjali għall-kumpaniji, inaqqsu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa u jippermettu lill-kumpaniji joperaw b'mod effettiv fi ħdan is-suq uniku, filwaqt li jiżguraw ħarsien adegwat tal-interessi tal-kredituri, azzjonisti, membri u impjegati;
2. Huwa tal-fehma li l-forom tal-kumpaniji tal-UE li jissuplimentaw il-forom eżistenti disponibbli skont id-dritt nazzjonali għandhom potenzjal konsiderevoli u għandhom jiġu żviluppati u promossi ulterjorment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sabiex tissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tas-SME, tagħmel iktar sforzi biex jiġi adottat L-Istatut tal-Kumpaniji Privati (SPE)[10], li jkun jista' jikkunsidra bis-sħiħ l-interessi tal-partijiet interessati kollha, ħalli tingħeleb is-sitwazzjoni ta' staġnar fil-Kunsill;
3. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tmexxi studju dwar l-impriżi mutwi Ewropej, kif imħabbar fl-Inizjattiva għan-negozju soċjali tagħha msemmija hawn fuq[11], u jħeġġiġha tagħmel passi mgħaġġla biex tressaq proposta ġdida għal statut;
4. Jemmen li riformi possibbli lit-Tieni Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju[12] għandhom jiffukaw fuq semplifikazzjoni ulterjuri minflok l-introduzzjoni ta' skema alternattiva għall-formazzjoni u ż-żamma tal-kapital;
5. Jilqa' r-rieżami tad-direttivi tal-kontabilità u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tesplora iktar il-possibilitajiet li jiġu żviluppati standards Ewropej ta' kontabilità, b'mod partikolari fir-rigward tal-bżonnijiet speċifiċi tas-SME, billi jitqiesu l-ideat tradizzjonali ta' sostenibilità, ippjanar fuq żmien twil, sjieda familjari u aspetti tradizzjonali oħra tas-SME;
6. Jemmen li għandha tingħata l-kunsiderazzjoni xierqa lill-issoktar tal-ħidma fuq il-Ħames Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju fir-rigward tal-istruttura u t-tħaddim tal-kumpaniji pubbliċi b'responsabilità limitata;
7. Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw il-mobilità transkonfinali għall-kumpaniji fi ħdan l-UE (l-14-il Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji);
8. Ifakkar illi, fil-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, din tal-aħħar ħadet l-impenn li tirrapporta dwar segwitu konkret għal kwalunkwe talba biex titressaq proposta skont l-Artikolu 225 TFUE fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni korrispondenti fis-sessjoni plenarja; jiddeplora l-fatt li dan l-impenn ma ġiex irrispettat fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-Parlament b'rakkomandazzjonijiet dwar l-14-il Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju; jitlob lill-Kummissjoni tikkonforma mal-ftehim ta' qafas billi tressaq rapporti ta' segwitu iktar dettaljati fil-ġejjieni;
9. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tkompli b'ħidmitha fuq id-Disa' Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju dwar gruppi ta' kumpaniji sabiex tipprovdi qafas regolatorju għal din il-forma komuni ta' assoċjazzjoni ta' negozju; jemmen li mhemmx bżonn ta' leġiżlazzjoni soċjetarja Ewropea kompletament armonizzata dwar il-gruppi, iżda minflok jenħtieġ sett ta' regoli komuni, fost l-oħrajn dwar il-ħarsien tas-sussidjarji u l-partijiet interessati u żieda fit-trasparenza fir-rigward tal-istruttura legali u ta' sjieda;
10. Ifakkar li, skont l-Aġenda tar-regolamentazzjoni intelliġenti tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni għandha tkun iktar ċara u aċċessibbli; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkodifika d-dritt soċjetarju tal-UE biex tipprovdi sett ta' regoli li faċli jintużaw u biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-liġi tal-UE; jirrikonoxxi l-merti ta' strument uniku ta' dritt soċjetarju tal-UE, iżda jemmen li d-direttivi dwar id-dritt soċjetarju għandhom jinġabru flimkien bħala l-ewwel pass; jissuġġerixxi li dawn jinġabru f'kategoriji, inkluż il-formazzjoni u t-tħaddim (eż. l-Ewwel u t-Tieni Direttivi u d-direttivi dwar il-kontabilità u l-verifika), il-mobilità (eż. it-Tielet[13], is-Sitt[14], l-Għaxar[15], il-Ħdax[16] u t-Tlettax-il[17] Direttiva u l-14-il Direttiva Futura) u l-forom ta' dritt soċjetarju tal-UE (eż. SE, SCE, GEIE); jenfasizza li l-proġett ta' kodifikazzjoni m'għandux, ovvjament, iwassal biex jitwaqqfu l-attivitajiet ta' riforma neċessarji;
11. Huwa tal-fehma li kwistjonijiet ta' kunflitt tal-liġijiet għandhom ukoll jiġu solvuti fil-qasam tad-dritt soċjetarju u li proposta akkademika f'dan il-qasam[18] tista' sservi bħala punt inizjali għal ħidma ulterjuri fuq regoli ta' kunflitt tal-liġijiet fir-rigward tal-operazzjonijiet soċjetarji transkonfinali;
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq pjan ta' azzjoni fejn tindika t-triq li għandha tittieħed wara l-konsultazzjoni, li għandu jippreżenta fil-qosor inizjattivi fuq medda ta' żmien qasira, medja u twila biex jittejjeb il-qafas regolatorju għad-dritt soċjetarju Ewropew; jemmen li inizjattivi fuq medda qasira ta' żmien għandhom jinkludu l-14-il Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju u miżuri li jtejbu l-qafas tal-UE għall-governanza soċjetarja, filwaqt li inizjattivi fuq medda medja ta' żmien għandhom jindirizzaw, pereżempju, id-Disa' Direttiva dwar id-Dritt Soċjetarju, u inizjattivi fuq medda twila ta' żmien għandhom jittrattaw il-kodifikazzjoni tad-dritt soċjetarju tal-UE;
13. Jenfasizza li jistenna li inizjattivi fuq medda qasira ta' żmien jiġu inklużi formalment fil-programm ta' ħidma leġiżlattiva għall-2013, u li jiġu stabbiliti dati mira għal inizjattivi fuq medda ta' żmien medja u twila;
14. Itenni t-talba preċedenti tiegħu li l-Kummissjoni tanalizza l-problemi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex is-sejbiet ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati meta jitqiesu proposti leġiżlattivi ġodda;
15. Ifakkar li kwalunkwe proposta leġiżlattiva mressqa mill-Kummissjoni għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt li tkun tqis l-interessi tal-partijiet kollha interessati, inklużi l-investituri, il-proprjetarji, il-kredituri u l-impjegati, f'konformità sħiħa mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma b'mod komprensiv lill-Parlament dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni tagħha dwar il-futur tad-dritt soċjetarju Ewropew u biex tispjega fid-dettall id-deċiżjonijiet li tkun se tieħu bħala riżultat ta' din il-konsultazzjoni;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2012/company_law_en.htm
- [2] http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm#conference
- [3] http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm
- [4] ĠU C 104E, 30.4.2004, p. 714.
- [5] ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 114.
- [6] ĠU C 263E, 16.10.2008, p. 671.
- [7] ĠU C 87E, 1.4.2010, p. 5.
- [8] ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 19.
- [9] Testi adottati, P7_ TA-PROV(2012)0019.
- [10] COM(2008)0396.
- [11] COM(2011)0682, p. 10.
- [12] ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.
- [13] ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.
- [14] ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.
- [15] ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1.
- [16] ĠU L 395, 30.12.1989, p. 36.
- [17] ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.
- [18] H.-J. Sonnenberger (ed.), Vorschläge und Berichte zur Reform des europäischen und deutschen internationalen Gesellschaftsrechts – Vorgelegt im Auftrag der zweiten Kommission des Deutschen Rates für Internationales Privatrecht, Spezialkommission Internationales Gesellschaftsrecht, Mohr Siebeck, Tübingen, 2007.