Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0304/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0304/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa

11.6.2012 - (2012/2684(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marina Yannakoudakis, Konrad Szymański, Martin Callanan, Daniel Hannan, James Nicholson, Malcolm Harbour, Edvard Kožušník, Valdemar Tomaševski, Julie Girling f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0304/2012

Proċedura : 2012/2684(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0304/2012
Testi mressqa :
B7-0304/2012
Testi adottati :

B7‑0304/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa

(2012/2684(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti mill-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili pprattikata fl-UE[1],

–   wara li kkunsidra r-rapport tad-WHO tal-2010 dwar Strateġija globali sabiex il-fornituri tal-kura tas-saħħa jitwaqqfu milli jwettqu mutilazzjoni ġenitali tan-nisa,

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa,

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill EPSCO tat-8 ta' Marzu 2010 dwar il-Qerda tal-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni Ewropea u l-appell tiegħu għal approċċ internazzjonali biex tiġi miġġielda l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu A7‑065/2011 tal-5 ta' Marzu dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija abbuż irreparabbli u irriversibbli li attwalment jaffetwa 140 miljun mara u tifla, billi kull sena 3 miljun tifla oħra huma fir-riskju li jgħaddu minn din il-proċedura;

B.  billi 500 000 mara fl-Ewropa qegħdin jgħixu b'mutilazzjoni ġenitali u 180 000 tifla huma fir-riskju, filwaqt li skont l-esperti dawn iċ-ċifri huma anqas milli fil-fatt huma u ma jqisux il-migranti tat-tieni ġenerazzjoni u dawk mingħajr dokumenti;

C. billi kull forma ta' mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija att ta' vjolenza kontra n-nisa, imwettqa kemm min-nisa kif ukoll mill-irġiel, li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari id-dritt għall-integrità personali u għas-saħħa fiżika u mentali;

D. billi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa tikkawża danni gravi ħafna u irreparabbli fuq terminu qasir u twil għas-saħħa fiżika u mentali tan-nisa u l-bniet li jgħaddu minnha, u b'hekk tikkostitwixxi assalt serju fuq il-persuna u l-integrità tagħhom u f'xi każijiet tista' tkun saħansitra fatali;

1.  Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU tadotta riżoluzzjoni waqt is-sebgħa u sittin sessjoni tagħha sabiex tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa globalment, billi tħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu f'kollaborazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jġibu fit-tmiem din il-prattika dannuża;

2.  Jistieden lill-Komunità Internazzjonali, lill-entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti rilevanti u lis-soċjetà ċivili jappoġġaw b'mod attiv, permezz tal-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji, programmi immirati u innovattivi u jxerrdu l-aħjar prattiki li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-bniet f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, u li għandhom diffikultà ta' aċċess għas-servizzi u l-programmi;

3.  Jiddikjara li l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa titwettaq l-aktar fuq bniet żgħar bejn l-infanzja u l-età ta' 15-il sena, u dan huwa ksur tad-drittijiet tat-tfal; itenni li s-27 Stat Membru tal-UE lkoll impenjaw ruħhom li jħarsu d-drittijiet tat-tfal fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tat-tfal;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa fi ħdan il-qafas ta' strateġija ġenerali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u fi ħdan l-Aġenda tal-UE għad-drittijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni iebsa biex tiġi miġġielda din il-prattika illegali;

5.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, biex il-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa ssir reat fil-livell nazzjonali, u biex iħarrku lil dawk li jwettqu l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa jew dawk li huma responsabbli li ħadu lill-bniet żgħar u tfajliet f'pajjiżi mhux tal-UE fejn imbagħad tiġi mwettqa;

6.  Jiddikjara tħassib kbir dwar l-evidenza li issa qed turi li l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa dannuża u xi drabi fatali qed titwettaq minn persunal mediku daqs li kieku kienet proċedura medika;

7.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali tan-NU jiżgura li l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet rilevanti kollha tas-sistemi tan-NU, b'mod partikolari l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal, il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Fond għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Nisa, il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod individwali u kollettiv, iqisu l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniet kontra l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa fil-programmi nazzjonali tagħhom, kif xieraq u skont il-prijoritajiet nazzjonali, sabiex isaħħu ulterjorment l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward;

8.  Jenfasizza li hemm il-ħtieġa li titqajjem il-kuxjenza kif ukoll tal-mobilizzazzjoni tal-komunità, l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex ikun żgurat li l-atturi ewlenin kollha, l-uffiċjali governattivi, inkluż persunal għall-infurzar tal-liġi u dak ġuridiku, fornituri tal-kura tas-saħħa, mexxejja reliġjużi u tal-komunità, l-għalliema, min iħaddem, il-professjonisti tal-midja u dawk li jaħdmu direttament mal-bniet, kif ukoll il-ġenituri, il-familji u l-komunitajiet jaħdmu sabiex jeliminaw l-attitudnijiet u l-prattiki dannużi li jaffetwaw lill-bniet b'mod negattiv;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' informazzjoni tagħhom dwar is-saħħa sabiex huma jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-għadd ta' bniet u nisa, li ġew invistati f'kuntesti sanitarji Ewropej, li wettqu mutilazzjoni ġenitali tan-nisa;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa, li jaħdmu fi ħdan il-komunitajiet tagħhom biex tispiċċa l-vjolenza fuq in-nisa u t-tfal, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.