Proċedura : 2012/2684(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0310/2012

Testi mressqa :

B7-0310/2012

Dibattiti :

PV 13/06/2012 - 18
CRE 13/06/2012 - 18

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2012 - 11.9
CRE 14/06/2012 - 11.9

Testi adottati :

P7_TA(2012)0261

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 130kWORD 1327k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0304/2012
11.6.2012
PE491.929v01-00
 
B7-0310/2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa (2012/2684(RSP))


Mariya Nedelcheva, Roberta Angelilli, Cristiana Muscardini, Joanna Katarzyna Skrzydlewska f’isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa (2012/2684(RSP))  
B7‑0310/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti mill-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-5 ta' Diċembru 2011 dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa,

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill EPSCO tat-8 ta' Marzu 2010 dwar il-Qerda tal-vjolenza fuq in-nisa fl-Unjoni Ewropea u l-appell tiegħu għal approċċ internazzjonali biex tiġi miġġielda l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika,

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom – adottati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali fit-8 ta' Diċembru 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu A7‑065/2011 tal-5 ta' Marzu dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu A7‑086/2012 tat-18 ta' April dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi implikazzjonijiet għad-drittijiet strateġiċi tal-bniedem tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija abbuż irreparabbli li jibdel jew jikkawża danni intenzjonali lill-partijiet ġenitali tan-nisa għal raġunijiet mhux mediċi b'konsegwenzi irriversibbli u li attwalment taffetwa 140 miljun mara u tifla, billi kull sena 3 miljun tifla oħra huma fir-riskju li jgħaddu minn din il-proċedura;

B.  billi kull forma ta' mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija prattika tradizzjonali dannuża li ma tistax titqies li hi parti minn reliġjon iżda att ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari d-dritt għas-sigurtà personali u l-integrità u s-saħħa fiżika u mentali, u s-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, u fil-każ ta' bniet minorenni hija abbuż mit-tfal; billi tali vjolazzjonijiet ma jistgħu fl-ebda ċirkostanza jkunu ġġustifikati billi jiġu invokati tradizzjonijiet kulturali ta' bosta tipi jew ċerimonji ta' inizjazzjoni;

C. billi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa hija espressjoni ta' relazzjonijiet ta' setgħa inugwali u forma ta' vjolenza kontra n-nisa, flimkien ma' forom oħra ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, u billi huwa partikolarment neċessarju li l-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa tiġi inkorporata f'approċċ ġenerali u koerenti għall-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-vjolenza kontra n-nisa;

1.  Jilqa' d-Deċiżjoni mis-56 Sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tat-8 ta' Marzu 2012 li l-kwistjoni tal-Mutilazzjoni Ġenitali tan-Nisa tiġi diskussa mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti waqt is-67 Sessjoni tagħha li ġejja;

2.  Jistieden lill-Assemblea Ġenerali tan-NU tadotta l-abozz ta' riżoluzzjoni waqt is-sebgħa u sittin sessjoni tagħha sabiex tipprojbixxi l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa globalment, billi tarmonizza l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tipprovdi rakkomandazzjoni u linji gwida għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta' strumenti legali reġjonali u internazzjonali u leġiżlazzjonijiet nazzjonali;

3.  Jappoġġa bil-qawwi r-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU li għandha tiġi adottata leġiżlazzjoni dettaljata li tipprojbixxi l-forom kollha ta' mutilazzjoni ġenitali tan-nisa u tikkastiga lil min iwettaq ir-reat; jinkoraġġixxi wkoll lill-pajjiżi terzi sabiex jimplimentaw deċiżjonijiet u konvenzjonijiet nazzjonali u internazzjonali vinkolanti;

4.  Jistieden lill-entitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti rilevanti u lis-soċjetà ċivili jappoġġaw b'mod attiv, permezz tal-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji xierqa, programmi immirati u innovattivi u jxerrdu l-aħjar prattiki li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-bniet f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, u li għandhom diffikultà ta' aċċess għas-servizzi u l-programmi;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata s-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa, li jaħdmu fi ħdan il-komunitajiet tagħhom biex tispiċċa l-vjolenza fuq in-nisa, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u l-għoti tas-setgħa lin-nisa jiġu integrati fil-politiki u l-programmi tal-iżvilupp kollha tal-UE permezz tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar il-Ġeneru tal-2010; jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi sħab;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika lill-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa fi ħdan il-qafas ta' strateġija ġenerali għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inklużi azzjonijiet kondiviżi kontra l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa;

8.  Iħeġġeġ il-Kummissjoni tirrikonoxxi t-tmiem tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet bħala prijorità, u permezz tal-allokazzjoni ta' riżorsi finanzjarji xierqa jiġu appoġġati programmi immirati u innovattivi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u f'pajjiżi terzi;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni iebsa biex tiġi miġġielda din il-prattika illegali;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU C 157E, 6.5.2010, p. 52.

Avviż legali - Politika tal-privatezza