Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0312/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0312/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet

11.6.2012 - (2012/2685(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fiorello Provera, Mara Bizzotto, Lorenzo Fontana, Jaroslav Paška, Juozas Imbrasas f’isem il-Grupp EFD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0312/2012

Proċedura : 2012/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0312/2012
Testi mressqa :
B7-0312/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0312

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet

(2012/2685(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2011 u tal-24 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-projbizzjoni tal-elezzjonijiet għall-Gvern Tibetan fl-eżilju fin-Nepal tas-7 ta' April 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż,

–   wara li kkunsidra l-ħatra mistennija tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-libertà tal-identità, il-kultura u r-reliġjon u għall-libertà tal-assoċjazzjoni huma prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE u l-politika barranija tagħha;

B.  billi d-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem ma rriżulta fl-ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bnidem għat-Tibetani;

C. billi l-Parlament Ewropew ħa nota tal-okkupazzjoni tat-Tibet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

D. billi l-mibgħuta tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama avviċinaw lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex tinstab soluzzjoni paċifika u reċiprokament benefika għall-kwestjoni tat-Tibet;

E.  billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina użaw saħħa sproporzjonata huma u jopponu l-protesti tal-2008 fit-Tibet u minn dak iż-żmien imponew miżuri ta' sigurtà restrittivi li jxekklu l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin;

F.  billi l-għadd ta' vittmi tal-protesti tal-2008 jista’ jkun li qabeż il-200 ruħ u l-għadd ta' dawk miżmuma taħt arrest ivarja minn 4 434 għal aktar minn 6 500 u fi tmiem l-2010 kien hemm 831 priġunier politiku magħruf fit-Tibet li minnhom 360 ġew ikkundannati ġuridizzjalment u 12 qed iservu sentenza ta' għomor il-ħabs;

G. billi t-tortura, pereżempju s-swat, l-użu ta' armi li jagħtu xokk elettriku, il-priġunerija solitarja fit-tul, il-ġuħ u miżuri simili oħra huma rappurtati li jintużaw għall-estorsjoni ta' konfessjonijiet fil-ħabsijiet fit-Tibet mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

H. billi 38 Tibetan, fil-maġġorparti patrijiet u sorijiet, ġew irrappurtati li taw in-nar lilhom infushom mill-2009 ’l hawn, bi protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet u bħala talba għar-ritorn tad-Dalai Lama u għad-dritt tal-libertà reliġjuża fil-prefettura tal-kontea Aba/Ngaba fil-provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tal-plateau Tibetana;

I.   billi l-istat attwali tal-benessri u ta' fejn jinsabu għadd ta' persuni li sfaw vittmi tas-sagrifikar tagħhom infushom permezz tal-ħruq baqgħu mhux magħrufa jew mhux ċari, partikolarment dawk ta' Chimey Palden, Tenpa Darjey, Jamyang Palden, Lobsang Gyatso, Sona Rabyang, Dawa Tsering, Kelsang Wangchuck, Lobsang Kelsang, Lobsang Kunchok u Tapey;

J.   billi Gedhun Choekyi Nyima, il-11-il Panchen Lama, inżamm mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u ma deherx aktar mill-14 ta' Mejju 1995 ’l hawn;

K. billi l-identità, il-lingwa, il-kultura u r-reliġjon Tibetani, ix-xhieda ta' ċivilizzazzjoni storikament għanja, huma pperikolati miċ-ċaqliq ta’ nies Han biex jikkolonizzaw it-territorju storiku tat-Tibet u mill-esterminazzjoni tal-istil ta' għajxien nomadiku tradizzjonali tat-Tibetani;

L.  billi l-UE tinsab fil-proċess li tistipula l-mandat u taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

M. billi t-talbiet preċedenti tal-Parlament Ewropew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE biex tindirizza s-sitwazzjoni fit-Tibet mal-kontropartijiet Ċiniżi tagħha ma wasslux għar-riżultati mistennija;

1.  Itenni li s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tkun ibbażata fuq prinċipji u valuri komuni;

2.  Jitlob lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE iżżid u ssaħħaħ l-isforzi biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tat-Tibetani fil-qafas tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jagħtu awtonomija bis-serjetà lit-territorju storiku tat-Tibet;

4.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kienx lest jissokta bid-djalogu mal-mibgħuta tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama minn Jannar 2010 ’l hawn u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jingaġġaw ruħhom f’diskussjoni ta’ sinifikat mar-rappreżentanti tal-Amministrazzjoni Ċentrali Tibetana dwar il-ġejjieni tat-Tibet;

5.  Jinsisti li l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tat-twemmin tat-Tibetani;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jippermettu li jitmexxa stħarriġ internazzjonali indipendenti dwar il-protesti tal-2008 u dak li seħħ warajhom u jitlob għal-liberazzjoni tal-priġunieri politiċi;

7.  Jikkundanna kwalunkwe sura ta' tortura tal-persuni li jinsabu arrestati u jistieden u jitlob lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jippermettu li ssir spezzjoni internazzjonali indipendenti tal-ħabsijiet u taċ-ċentri ta' detenzjoni fit-Tibet;

8.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-azzjoni qawwija ta’ trażżin li għadha għaddejja min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fuq il-monasteri Tibetani u jitlob lill-Gvern Ċiniż jiggarantixxi l-libertà tar-reliġjon lill-poplu tat-Tibet kif ukoll liċ-ċittadini kollha tiegħu;

9.  Jinsisti li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar mill-persuni kollha li sfaw vittmi tas-sagrifikar tagħhom infushom permezz tal-ħruq fit-Tibet, u fejn jinsabu;

10. Jinsisti li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar minn Chedun Choekyi Nyima, il-11-il Panchen Lama, u fejn jinsab;

11. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jappoġġjaw il-libertajiet fundamentali lingwistiċi, kulturali, reliġjużi u libertajiet fundamentali oħra tat-Tibetani u jżommu lura milli jċaqilqu persuni Han biex jikkolonizzaw territorji storiċi tat-Tibet kif ukoll milli jġiegħlu lin-nomadi Tibetani jabbandunaw l-istil ta' għajxien tradizzjonali tagħhom;

12. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jirratifika l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

13. Jistenna li r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jirrapporta regolarment dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, b'mod partikolari ir-rigward tat-Tibet;

14. Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet f'kull laqgħa li ssir mar-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

15. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE taħtar Rappreżentant Speċjali tal-UE għat-Tibet bil-għan li jiġi avvanzat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Tibetan, inkluż għad-dritt tiegħu li jippreserva u jiżviluppa l-identità distintiva tiegħu u t-turijiet reliġjużi, kulturali u lingwistiċi tiegħu; jiġu appoġġjati djalogu u negozjati kostruttivi bejn il-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-mibgħuta tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama; u biex tingħata assistenza lir-refuġjati Tibetani, b'mod partikolari fin-Nepal u fl-Indja;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern Tibetan fl-Eżilju, lill-Parlament Tibetan fl-Eżilju kif ukoll lill-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama.