MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet
11.6.2012 - (2012/2685(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Eva Lichtenberger, Helga Trüpel, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda on behalf of the Verts/ALE Group
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0312/2012
B7‑0314/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tas-26 ta' Ottubru 2011 u tal-24 ta' Novembru 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-projbizzjoni tal-elezzjonijiet għall-Gvern Tibetan f'eżilju fin-Nepal fis-7 ta' April 2011,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-identità, il-kultura u r-reliġjon u l-libertà tal-assoċjazzjoni huma prinċipji fundamentali tal-UE u tal-politika barranija tagħha;
B. billi l-Ue qajmet il-mistoqsija dwar id-drittijiet tal-minoranzi Tibetani matul il-31 rawnd tad-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Brussell fid-29 ta' Mejju 2012; billi d-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem ma rriżulta fl-ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bnidem għat-Tibetani;
C. billi l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama approċċaw lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex tinstab soluzzjoni paċifika u reċiprokament benefika għall-kwistjoni tat-Tibet; billi t-taħditiet bejn iż-żewġ partijiet ma wasslu għal ebda riżultat konkret u bħalissa huma ffriżati;
D. billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina użaw saħħa sproporzjonata biex jiffaċċjaw il-protesti tal-2008 fit-Tibet u, minn dak iż-żmien, imponew miżuri ta' sigurtà restrittivi li jxekklu l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuż;
E. billi n-numru ta' vittmi tal-protesti tal-2008 setgħu kienu iktar minn 200 u n-numru ta' ħabsin ivarja bejn 4434 u iktar minn 6500, u fi tmiem l-2010, kien hemm 831 priġunier politiku mhux magħruf fit-Tibet, li fosthom 360 ġew ikkundannati ġuridikament u 12 qed jgħixu sentenza ta' għomor il-ħabs;
F. billi t-tortura, eż. is-swat, l-użu ta' armi tal-elettroxokk, konfinazzjoni solitarja fit-tul, ġuħ u miżuri oħra simili huma rappurtati li jintużaw għal estorsjoni ta' konfessjonijiet fil-ħabsijiet tat-Tibet mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;
G. billi 38 Tibetan, għall-maġġorparti patrijiet u sorijiet, ġew irrappurtati li taw in-nar lilhom infushom sa mill-2009, bħala protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet, u bħala talba biex id-Dalai Lama jitħalla jirritorna u għad-drittijiet ta' libertà reliġjuża fil-prefettura tal- kontea Aba/Ngaba fil-provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tat-Tibet, inkluża l-kapitali storika tat-Tibet, Lhasa, fir-Reġjun Awtonomu Tibetan;
H. billi l-istat attwali tal-benessri u ta' fejn jinsabu għadd ta' vittmi ta' ħruq bin-nar għadhom mhux magħrufa jew mhux ċari, partikolarment din ta' Chimey Palden, Tenpa Darjey, Jamyang Palden, Lobsang Gyatso, Sona Rabyang, Dawa Tsering, Kelsang Wangchuck, Lobsang Kelsang, Lobsang Kunchok u Tapey;
I. billi l-attivitajiet tal-ġurnalisti internazzjonali, tal-midja u tas-superviżuri indipendenti fit-Tibet huma ferm ristretti;
J. billi Gedhun Choekyi Nyima, il-11-il Panchen Lama, inżamm mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u ma deherx sa mill-14 ta' Mejju 1995;
K. billi l-identità, il-lingwa, il-kultura u r-reliġjon Tibetani, ix-xhieda ta' ċivilizzazzjoni storikament għanja, huma pperikolati mit-tpoġġija ta' persuni Han fit-territorju storiku Tibetan u mill-isterminju tal-istil ta' għajxien tradizzjonalment nomadiku tat-Tibetani;
L. billi l-UE tinsab fil-proċess li tistipula l-mandat u taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;
M. billi t-talbiet preċedenti tal-Parlament Ewropew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE biex tindirizza s-sitwazzjoni fit-Tibet mal-kontropartijiet Ċiniżi tagħha ma wasslux għar-riżultati mistennija;
1. Itenni li s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tkun ibbażata fuq prinċipji u valuri komuni;
2. Jitlob biex il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE iżżid u ssaħħaħ l-isforzi biex tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tat-Tibetani fil-kuntest tad-Djalogu bejn l-Ue u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem;
3. Jiddispjaċih f'dan ir-rigward dwar in-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet Ċiniżi li jkollhom djalogu darbtejn fis-sena u dwar il-pożizzjoni tagħhom rigward il-modalitajiet u l-frekwenza tal-laqgħat, partikolarment fir-rigward tat-tisħiħ tal-parti tas-soċjetà ċivili u l-involviment tas-soċjetà ċivili fid-djalogu; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant għoli tal-Unjoni biex tagħmel l-isforzi kollha possibbli sabiex id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ikun iktar effikaċi u orjentat lejn il-kisba ta' riżultati;
4. Jitlob biex l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jagħtu awtonomija ġenwina u sinifikanti lit-territorju storiku tat-Tibet;
5. Jesprimi d-diżappunt li l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kienx lest jissokta bid-djalogu mal-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama sa minn Jannar 2010 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jibdew diskussjonijiet miftuħa, sinċieri u sinifikanti mar-rappreżentanti tal-Amministrazzjoni Ċentrali Tibetana dwar il-ġejjieni tat-Tibet;
6. Jinsisti li l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina tirrispetta l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin tat-Tibetani;
7. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jippermettu stħarriġ internazzjonali indipendenti, li għandu jitwettaq fir-rigward tal-protesti tal-2008 u l-konsegwenzi ta' dawn, u jitlob għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi;
8. Jikkundanna kwalunkwe forma ta' tortura ta' persuni ħabsin u jistieden u jitlob lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina bie jippermettu spezzjoni internazzjonali indipendenti tal-ħabsijiet u taċ-ċentri ta' detenzjoni fit-Tibet kif ukoll fil-bqija taċ-Ċina;
9. Itenni l-kundanna tiegħu tal-attakki kontinwi min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fuq il-monasteri Tibetani u jitlob lill-Gvern Ċiniż jiggarantixxi l-libertà tat-twemmin reliġjuż lill-poplu tat-Tibet kif ukoll liċ-ċittadini kollha tiegħu;
10. Jinsisti li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar mill-vittmi kollha li taw in-nar lilhom infushom fit-Tibet;
11. Itenni t-talba tiegħu li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar minn Chedun Choekyi Nyima, il-11il Panchen Lama;
12. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi jħarsu l-libertajiet fundamentali lingwistiċi, kulturali, reliġjużi u libertajiet oħra tat-Tibetani u ma jibqgħux iċaqilqu l-persuni Han lejn territorji storiċi tat-Tibet kif ukoll jisfurzaw nomadi Tibetani jabbandunaw l-sitil ta' għajxien tradizzjonali tagħhom;
13. Jistenna li r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jirrapporta regolarment dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, b'mod partikolari ir-rigward tat-Tibet;
14. Jitlob biex il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet f'kull laqgħa mar-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;
15. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE biex taħtar Rappreżentant speċjali tal-UE għat-Tibet sabiex isir progress fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Tibetan, inkluż tad-dritt tagħhom li jippreservaw u jiżviluppaw l-identità distintiva tagħhom u t-turijiet reliġjużi, kulturali u lingwistiċi tagħha; jappoġġa djalogu u negozjati kostruttivi bejn il-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama; u biex tingħata assistenza lir-refuġjati Tibetani, b'mod partikolari fin-Nepal u fl-Indja;
16. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex ineħħu r-restrizzjonijiet kollha u jippermettu aċċess mingħajr ostakli u libertà tal-moviment madwar it-Tibet lill-midja indipendenti, lill-ġurnalisti u lis-sorveljanti tad-drittijiet tal-bniedem;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama.