Proċedura : 2012/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0315/2012

Testi mressqa :

B7-0315/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2012 - 11.5

Testi adottati :

P7_TA(2012)0257

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 127kWORD 1339k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0312/2012
11.6.2012
PE491.934v01-00
 
B7-0315/2012

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet (2012/2685(RSP))


Kristiina Ojuland, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Edward McMillan-Scott, Marietje Schaake, Leonidas Donskis, Ramon Tremosa i Balcells, Izaskun Bilbao Barandica, Sarah Ludford, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Jelko Kacin, Nathalie Griesbeck, Sonia Alfano f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet (2012/2685(RSP))  
B7‑0315/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tas-26 ta' Ottubru 2011 u tal-24 ta' Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-projbizzjoni tal-elezzjonijiet għall-Gvern Tibetan f'eżilju fin-Nepal tas-7 ta' April 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż,

–   wara li kkunsidra l-ħatra mistennija tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-identità, il-kultura u r-reliġjon u l-libertà tal-assoċjazzjoni huma prinċipji fundamentali tal-UE u tal-politika barranija tagħha;

B.  billi d-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem ma rriżulta fl-ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bnidem għat-Tibetani;

C. billi l-Parlament Ewropew ħa nota tal-okkupazzjoni tat-Tibet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

D. billi l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama approċċaw lill-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex tinstab soluzzjoni paċifika u reċiprokament benefika għall-kwistjoni tat-Tibet;

E.  billi l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina użaw saħħa sproporzjonata biex jiffaċċjaw il-protesti tal-2008 fit-Tibet u, minn dak iż-żmien, imponew miżuri ta' sigurtà restrittivi li jxekklu l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuż;

F.  billi n-numru ta' vittmi tal-protesti tal-2008 setgħu kienu iktar minn 200 u n-numru ta' ħabsin ivarja bejn 4434 u iktar minn 6500, u fi tmiem l-2010, kien hemm 831 priġunier politiku mhux magħruf fit-Tibet, li fosthom 360 ġew ikkundannati ġuridikament u 12 qed jgħixu sentenza ta' għomor il-ħabs;

G. billi t-tortura, eż. is-swat, l-użu ta' armi tal-elettroxokk, konfinazzjoni solitarja fit-tul, ġuħ u miżuri oħra simili huma rappurtati li jintużaw għal estorsjoni ta' konfessjonijiet fil-ħabsijiet tat-Tibet mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

H. billi 38 Tibetan, għall-maġġorparti patrijiet u sorijiet, ġew irrappurtati li taw in-nar lilhom infushom sa mill-2009, bħala protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet, u bħala talba biex id-Dalai Lama jitħalla jirritorna u għad-drittijiet ta' libertà reliġjuża fil-prefettura tal- kontea Aba/Ngaba fil-provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tat-Tibet;

I.   billi l-istat attwali tal-benessri u ta' fejn jinsabu għadd ta' vittmi ta' ħruq bin-nar għadhom mhux magħrufa jew mhux ċari, partikolarment din ta' Chimey Palden, Tenpa Darjey, Jamyang Palden, Lobsang Gyatso, Sona Rabyang, Dawa Tsering, Kelsang Wangchuck, Lobsang Kelsang, Lobsang Kunchok u Tapey;

J.   billi Gedhun Choekyi Nyima, il-11-il Panchen Lama, inżamm mill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u ma deherx sa mill-14 ta' Mejju 1995;

K. billi l-identità, il-lingwa, il-kultura u r-reliġjon Tibetani, ix-xhieda ta' ċivilizzazzjoni storikament għanja, huma pperikolati mit-tpoġġija ta' persuni Han fit-territorju storiku Tibetan u mill-isterminju tal-istil ta' għajxien tradizzjonalment nomadiku tat-Tibetani;

L.  billi l-UE tinsab fil-proċess li tistipula l-mandat u taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

M. billi t-talbiet preċedenti tal-Parlament Ewropew lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE biex tindirizza s-sitwazzjoni fit-Tibet mal-kontropartijiet Ċiniżi tagħha ma wasslux għar-riżultati mistennija;

1.  Itenni li s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha tkun ibbażata fuq prinċipji u valuri komuni;

2.  Jitlob biex il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE iżżid u ssaħħaħ l-isforzi biex tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tat-Tibetani fil-kuntest tad-Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jitlob biex l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jagħtu awtonomija sinifikanti lit-territorju storiku tat-Tibet;

4.  Jesprimi d-diżappunt li l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma kienx lest jissokta bid-djalogu mal-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama sa minn Jannar 2010 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jibdew diskussjonijiet sinifikanti mar-rappreżentanti tal-Amministrazzjoni Ċentrali Tibetana dwar il-ġejjieni tat-Tibet;

5.  Jinsisti li l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina tirrispetta l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin tat-Tibetani;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jippermettu stħarriġ internazzjonali indipendenti, li għandu jitwettaq fir-rigward tal-protesti tal-2008 u l-konsegwenzi ta' dawn, u jitlob għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi;

7.  Jikkundanna kwalunkwe forma ta' tortura ta' persuni ħabsin u jistieden u jitlob lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina bie jippermettu spezzjoni internazzjonali indipendenti tal-ħabsijiet u taċ-ċentri ta' detenzjoni fit-Tibet;

8.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-attakki kontinwi min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi fuq il-monasteri Tibetani u jitlob lill-Gvern Ċiniż jiggarantixxi l-libertà tat-twemmin reliġjuż lill-poplu tat-Tibet kif ukoll liċ-ċittadini kollha tiegħu;

9.  Jinsisti li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar mill-vittmi kollha li taw in-nar lilhom infushom fit-Tibet;

10. Jinsisti li l-awtoritajiet Ċiniżi jiżvelaw x'sar minn Chedun Choekyi Nyima, il-11il Panchen Lama;

11. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi jħarsu l-libertajiet fundamentali lingwistiċi, kulturali, reliġjużi u libertajiet oħra tat-Tibetani u ma jibqgħux iċaqilqu l-persuni Han lejn territorji storiċi tat-Tibet kif ukoll jisfurzaw nomadi Tibetani jabbandunaw l-sitil ta' għajxien tradizzjonali tagħhom;

12. Jistenna li r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jirrapporta regolarment dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, b'mod partikolari ir-rigward tat-Tibet;

13. Jitlob biex il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet f'kull laqgħa mar-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;

14. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-UE biex taħtar Rappreżentant speċjali tal-UE għat-Tibet sabiex isir progress fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-poplu Tibetan, inkluż tad-dritt tagħhom li jippreservaw u jiżviluppaw l-identità distintiva tagħhom u t-turijiet reliġjużi, kulturali u lingwistiċi tagħha; jappoġġa djalogu u negozjati kostruttivi bejn il-gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama; u biex tingħata assistenza lir-refuġjati Tibetani, b'mod partikolari fin-Nepal u fl-Indja;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvern Tibetan f'eżilju, lill-parlament Tibetan f'eżilju u lill-Qdusija Tiegħu id-Dalai Lama.

Avviż legali - Politika tal-privatezza