Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0345/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0345/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013

27.6.2012 - (2012/2688(RSP))

imressqa wara dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni

Malcolm Harbour f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2012/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0345/2012
Testi mressqa :
B7-0345/2012
Testi adottati :

B7‑0345/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2013

(2012/2688(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni[1], b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu u l-ittra tat-tnax-il Kap tal-gvern bl-isem "Pjan għat-Tkabbir fl-Ewropa",

–        wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kriżi fiż-żona tal-euro għadha qed thedded il-ġejjieni ekonomiku tal-membri kollha tal-Unjoni Ewropea u li dik il-kriżi hija kemm kriżi ta' dejn sovran kif ukoll kriżi bankarja;

B.     billi l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi kbira fil-qasam tal-kompetittività; billi fil-partil-kbira tar-reġjuni l-oħra fid-dinja qed iseħħ tkabbir iktar mgħaġġel, b'żieda fil-livelli ta' produttività u ta' innovazzjoni, u dan se jħalli lill-Unjoni Ewropea lura, sakemm ma titteħidx azzjoni deċiżiva;

C.     billi l-Kummissjoni għandu jkollha l-prijorità li tiddedika l-enerġiji u r-riżorsi tagħha għall-appoġġ tal-Istati Membri sabiex dawn jiffaċċjaw il-kriżi b'mod effikaċi filwaqt li jiġu evitati l-burokrazija u ċ-ċentralizzazzjoni; billi l-programm ta' ħidma għall-2013 għall-aħħar sena sħiħa tal-mandat tal-Kummissjoni attwali għandu jipprijoritizza inizjattivi li jistimulaw it-tkabbir u jtejbu l-kompetittività;

1.      Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tuża l-programm ta' ħidma tagħha għall-2013:

         –  biex tiġi stabbilita aġenda dettaljata għat-tkabbir għall-Unjoni Ewropea li tkun tiffoka fuq it-tħeġġiġ tan-negozji u l-intraprendituri biex jiżviluppaw l-industriji u s-servizzi li se jipprovdu impjiegi u prosperità fuq medda twila ta' żmien,

         –  biex titkompla l-azzjoni għall-modernizzazzjoni tad-diżinn u l-implimentazzjoni tal-baġit biex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tipprovdi valur miżjud bi prezz raġonevoli;

         –  biex jittieħdu passi għall-modernizzazzjoni tal-politiki interni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-seklu l-ġdid u mhux ta' li għadda, u biex jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

 

I.      Ir-rilaxx tal-enerġija ta' intraprenditorija libera għall-ħolqien tat-tkabbir, l-impjiegi u l-prosperità

2.      Jinnota li l-Pjan għat-Tkabbir fl-Ewropa tressaq lil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Marzu 2012 biex jirristawra l-ekonomija Ewropea billi:

         –  iġib lis-suq uniku fl-istadju li jmiss ta' żvilupp, billi jiġi estiż bis-sħiħ għas-settur tas-servizzi,

         –  joħloq suq uniku diġitali reali sal-2015,

         –  jistabbilixxi suq intern effiċjenti u effikaċi ġenwin sal-2014, u jagħmel progress lejn Żona Unika tat-Trasport Ewropew,

         –  jistabbilixxi żona Ewropea tar-Riċerka,

         –  jipprovdi swieq globali miftuħa,

         –  inaqqas il-piż tar-regolamentazzjoni Ewropea,

         –  jippromwovi t-tħaddim tajjeb tas-swieq tax-xogħol, u

         –  jibni settur tas-servizzi finanzjarji dinamiku u kompetittiv;

It-tressiq tas-suq uniku lejn l-istadju li jmiss ta' żvilupp, billi jiġi estiż bis-sħiħ għas-settur tas-servizzi

3.      Huwa tal-fehma li s-Suq Uniku huwa waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea peress li jikkostitwixxi l-iktar mezz importanti għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

4.      Jilqa' l-impenn tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu biex jittraċċa l-progress rigward il-proposti mressqa taħt l-Att dwar Suq Uniku u biex jagħmel pressjoni għal spinta ikbar lejn l-istandardizzazzjoni, l-akkwist pubbliku u s-sejba ta' soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim, sabiex jintlaħqu l-iskadenzi għal ftehim sa tmiem is-sena;

5.      Jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-2012 tal-President tal-Kunsill Ewropew fl-okkażjoni tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju, li jistabbilixxi s-sitwazzjoni tal-fajls kollha rilevanti għall-aġenda tal-Unjoni għat-tkabbir u jenfasizza li għandu jkun hemm iffukar fuq regolamentazzjoni intelliġenti biex jitnaqqas il-piż amministrattiv mhux meħtieġ;

6.      Jistenna b'ħerqa l-pubblikazzjoni tat-Tieni Att dwar is-Suq Uniku, li għandu jiffoka fuq miżuri għaż-żieda fit-tkabbir u l-impjiegi; jappoġġa bis-saħħa l-ġimgħa dwar is-Suq Uniku f'Ottubru 2012, li għandha ttejjeb il-promozzjoni tal-benefiċċji tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini; Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw bis-saħħa u jieħdu l-impenn li jallokaw biżżejjed riżorsi għall-promozzjoni tal-20 anniversarju tas-Suq Uniku maċ-ċittadini;

7.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi Att dwar is-Suq Uniku bħala programm kontinwu li għandu jiġi rivedut u aġġornat kontinwament biex tiġi żgurata t-tlestija tas-Suq Uniku;

8.      Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isaħħu ulterjorment l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-Suq Uniku, b'mod partikolari b'rabta mas-suq tal-oġġetti u s-simplifikazzjoni tas-settur tal-istandardizzazzjoni;

9.      Iqis li għandu jkun hemm preżunzjoni ċara tal-konformità minn Stati Membri mal-proposti kollha tas-Suq Uniku; jenfasizza li issa sar sew il-ħin li tiġi introdotta preżunzjoni fil-liġi tal-Istati Membri li l-pożizzjoni awtomatika tkun li l-Istati Membri jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku sakemm ikunu jistgħu jagħtu raġunijiet aċċettabbli għaliex naqsu milli laħqu l-obbligi tagħhom;

10.    Jiddeplora l-approċċ li ħadet il-Kummissjoni fir-rigward tal-Liġi Ewropea Komuni dwar il-Bejgħ, li tipproponi regolament ferm kumpless, bi prezz għoli u ambizzjuż; jipproponi minflok dan il-kunċett ta' mudell ta' kuntrat, li jkun appoġġat mill-koleġiżlaturi, ikun mifhum faċilment mill-konsumaturi u bbażat fuq il-kodifikazzjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-konsumaturi u direttivi eżistenti dwar armonizzazzjoni minima, u dan ikun jikkostitwixxi soluzzjoni ferm iktar loġika, prattika u effikaċi;

11.    Iħeġġeġ azzjonijiet attwali fil-qasam tas-sejba ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, partikolarment għal tranżazzjonijiet transkonfinali onlajn, peress li ż-żieda fl-aċċess għal kumpens iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet madwar is-Suq Uniku ferm iktar milli kieku tagħmel l-introduzzjoni ta' skema Ewropea tad-dritt kuntrattwali ġdida u li qatt ma ġiet ittestjata;

12.    Jenfasizza r-rwol tal-akkwist pubbliku fiż-żieda fl-innovazzjoni u aċċess kruċjali għas-swieq;

13.    Jappoġġa azzjoni rapida u rieda politika qawwija fir-rigward tal-proposta dwar ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur; jitlob biex jiġi semplifikat il-liċenzjar multiterritorjali sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-awtur, tiżdied l-għażla tal-konsumaturi u jiġi ġenerat it-tkabbir;

14.    Jinnota l-proposti b'rabta ma' kumpens ġust u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea żżomm is-sistema flessibbli eżistenti li tippermetti li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jfasslu kif jidhrilhom xieraq id-drit fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur f'dan il-kuntest, sabiex tiżdied il-kreattività u jiġi provdut tkabbir ekonomiku;

15.    Jitlob lill-Kummissjoni tiffaċċja l-ostakoli li jħabbtu wiċċhom magħhom is-SME, li jostakolaw it-tkabbir tagħhom, inklużi l-ispejjeż tal-bini ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-marka f'bosta pajjiżi, spejjeż għoljin ta' dħul, riskju ogħla ta' frodi / nuqqas ta' ħlas, diffikultà fil-ġestjoni ta' ritorni u problemi fl-infrastruttura tal-ġarr bil-baħar, limitazzjonijiet fis-sistemi tal-IT (ġestjoni ta' bosta lingwi) u spejjeż ogħla involuti biex jissolvew it-tilwim u l-kunflitti transkonfinali;

16.    Jistenna bil-ħerqa r-riżultati tal-'verifiki tal-prestazzjoni' tal-Kummissjoni fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li għandhom jivvalutaw kif l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-għodda eżistenti biex titjieb u tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku u kif din tista' tintuża f'oqsma oħra tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku;

17.    Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa test ta' proporzjonalità, b'rabta mal-proċess ta' valutazzjoni reċiproka, biex jiġu identifikati regolamenti sproporzjonati li jostakolaw il-provvista ta' servizzi, u biex dawn jiġu revokati, jekk dan jitqies bħala neċeesarju, minn għadd sinifikanti ta' Stati Membri;

18.    Jissuġġerixxi li l-proċess ta' 'ġustifikazzjoni reċiproka' għandu jiġi estiż għar-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali biex jiġi żgurat li l-professjonaijiet ma jiġux regolati mingħajr ġustifikazzjoni dovuta;

19.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-Punti ta' Kuntatt Uniku sabiex dawn ikunu jistgħu jgħinu lill-fornituri bi kwalunkwe mistoqsija li jista' jkollhom meta jkunu qed jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor, mhux biss dawk koperti mid-Direttiva dwar is-Servizzi, inkluża informazzjoni dwar is-sistema fiskali;

20.    Jitlob li jiġi abolit it-'test dwar il-bżonnijiet ekonomiċi', li jista' jintuża biex jiġi ristrett l-aċċess għas-swieq;

21.    Jistenna b'ħerqa r-riżultati tar-rapport imminenti tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ekonomika u legali tad-Direttiva dwar is-Servizzi, biex jiġi stabbilit jekk għandhiex titkompla liberalizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi permezz ta' approċċ skont is-settur;

Il-ħolqien ta' suq uniku diġitali reali sal-2015

22.    Jenfasizza l-importanza tal-ekonomija diġitali għat-titjib tat-tkabbir u tal-kompetittività, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' tmexxi l-iżvilupp u l-użu tal-broadband biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fl-'Aġenda Diġitali għall-Ewropa';

23.    Jappoġġa t-talba tal-Kunsill Ewropew għal tisħiħ fil-governanza tas-Suq Uniku u l-ftuħ ta' oqsma ġodda ta' tkabbir, bħas-suq uniku diġitali; Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti kollha f'dan ir-rigward, inkluża l-proposta dwar il-firem elettroniċi, sa tmiem is-sena;

24.    Jenfasizza l-importanza tal-prijoritizzazzjoni tal-miżuri għat-tkabbir biex jiġu kkumpletat is-suq uniku diġitali, inklużi investiment fl-Internet b'veloċità għolja u l-proposta għall-pagamenti transkonfinali; jemmen li l-ispettru tar-radju se jkun element mexxej ewlieni fit-twessigħ tal-aċċess għall-broadband, partikolarment fiż-żoni rurali, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-'Programm ta' Politika dwar l-Ispettru tar-Radju', adottat reċentement, jiġi implimentat bis-sħiħ mill-Istati Membri;

25.    Iqis is-sikurezza ċibernetika bħala parti fundamentali mill-prosperità tagħna fuq medda twila ta' żmien, jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu stabbiliti infrastrutturi kritiċi sikuri u b'saħħithom madwar l-UE u jemmen li l-kunċett tagħna ta' xi jfisser li wieħed ikun 'sikur' għandu wkoll ikun kapaċi jadatta għal theddid li jevolvi b'mod kontinwu; jemmen li l-cloud computing joffri benefiċċji sinifikanti lill-gvernijiet, negozji u konsumaturi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib il-bilanċ xieraq bejn il-leġiżlazzjoni, il-privatezza u opportunitajiet għat-tkabbir fis-settur;

It-twaqqif ta' suq intern effiċjenti u effikaċi ġenwin sal-2014, u jagħmel progress lejn Żona Unika tat-Trasport Ewropew

26.    Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa b'kopertura tal-linji gwida TEN-T, TEN-E u ICT, peress li dan l-istrument finanzjarju se jkollu rwol importanti fl-iżvilupp ta' konnettività mtejba bejn il-partijiet komponenti kollha ta' Suq Uniku intgrat - in-netwerks tat-trasport, l-enerġija u l-broadband; jenfasizza l-importanza li jiġi żviluppat netwerk komprensiv multimodali tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE, fost l-oħrajn billi jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tan-nuqqas ta' infrastruttura adegwata, aċċessibilità u interoperabilità baxxa bejn id-diversi partijiet tal-UE; jenfasizza l-bżonn li l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu l-objettivi ewlenin dwar l-enerġija fir-rigward tal-provvista, il-kompetittività u s-sostenibilità; jenfasizza wkoll il-bżonn li l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-'Aġenda Diġitali għall-Ewropa' u jemmen li l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq is-suq, u għandu biss jingħata finanzjament pubbliku f'każijiet fejn ikun hemm nuqqafalliment ġenwin tas-suq;

27.    Jemmen li suq tal-enerġija liberalizzat, interkonness u kompetittiv bis-sħiħ se jżid is-sikurezza tal-enerġija billi jistimula l-parteċipazzjoni fis-suq u diversifikazzjoni ulterjuri fil-provvisti tal-enerġija tagħna stess, partikolarment sorsi nodfa u sostenibbli; f'dan ir-rigward jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta bir-reqqa l-prinċipju 'aċċess għal partijiet terzi' kif stabbilit fit-tielet pakkett dwar l-enerġija bħala element ewlieni ta' tmexxija lejn suq intern tal-enerġija liberalizzat;

28.    tenni li s-sorsi indiġeni taż-żejt u l-gass huma kruċjali biex jiġu żgurati s-sikurezza u d-diversità tal-enerġija; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, hekk kif imfassla, il-proposti tal-Kummissjoni 'dwar is-sigurtà tal-attivitajiet ta' tiftix, esplorazzjoni u produzzjoni offshore taż-żejt u l-gass' jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-istandards tas-sigurtà u jimponu de facto moratorja fuq l-operazzjonijiet kollha offshore; jitlob li l-proposti jinbidlu minn regolament għal direttiva, sabiex skemi ta' sigurtà stabbiliti u pprovati jkunu jistgħu jibqgħu jintużaw u jittejbu b'mod kontinwu biex jiġi żgurat użu mifrux tal-aħjar prattiki;

29.    Jenfasizza ripetutament il-bżonn li jiġi finalizzat suq uniku liberalizzat u ħieles għall-modi kollha ta’ trasport, b’enfasi speċjali fuq aktar liberalizzazzjoni tas-settur ferrovjarju u s-suq tal-merkanzija fit-toroq, sabiex il-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi jkun garantit, b’regoli ċari u faċilment applikabbli għal kompetizzjoni ħielsa u ġusta kif ukoll jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq l-SMEs;

30.    Jenfasizza l-bżonn li titħaffef l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar Sema Uniku Ewropew, l-iżvilupp tal-Impriżi Konġunta għall-iżvilupp ta' sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru (SESAR) u l-inizjattiva Sema Nadif, sabiex jiġi żgurat tifdil ekonomiku u ambjentali konsiderevoli permezz ta' iktar effiċjenza fit-trasport bl-ajru u biex tiġi evitata żieda fit-traffiku bi flussi tat-traffiku tal-ajru saħansitra iktar densi u teknoloġiji antiki; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-ħolqien ta' blokki funzjonali ta' l-ispazju ta' l-ajru (FABs) madwar l-Ewropa qed idum u jenfasizza l-importanza ta' azzjoni politika biex isir progress bil-FABs;

31.    Jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi dovuti għall-iżvilupp ta' servizzi tal-ajru reġjonali u jitlob lill-Kummissjoni tinidirizza l-bżonnijiet speċifiċi tal-ajruporti reġjonali u s-servizzi tal-ajru meta tkun qed tipproponi leġiżlazzjoni ġdida, kif ukoll biex iddaħħal ajruporti reġjonali maġġuri fil-programm TEN-T;

32.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni u infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, u biex tipproponi proposta biex titrażżan ir-'regola ta' bagalja waħda' u biex jiġu żgurati trasparenza fil-prezzijiet u prattiki kummerċjali ġusti fix-xiri tal-biljetti tal-ajru (fil-ħlas bil-karta tal-kreditu/debitu, fejn għandhom biss jiġu mħallsa l-ispejjeż reali tas-servizzi pprovduti mill-kumpaniji tal-ajru);

33.    Jinnota l-ħtieġa li jitmexxa 'l quddiem il-ħolqien ta' sistemi elettroniċi integrati u onlajn pan-Ewropej ta' riservar u ta' ħlas biex tiġi promossa l-multimodalità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta komunikazzjoni li tinkoraġġixxi lill-industrija biex tiżviluppa sistemi ta' biljetti multimodali bejn is-settur ferrovjarju u dak tal-ajru;

It-twaqqif ta' Żona Ewropea ta' Riċerka u l-ħolqien ta' opportunitajiet għar-riċerka u l-innovazzjoni

34.    Jemmen li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jammontaw għal porzjon ikbar tal-infiq totali tal-UE fi ħdan il-kuntest ta' baġit tal-Unjoni Ewropea ġeneralment iktar limitat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas l-allokazzjonijiet taħt intestaturi baġitarji li ripetutament jonfqu inqas milli previst u talloka dawn l-ammonti lil linji baġitarji dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u oqsma prijoritarji oħra, bħat-titjib tal-faċilitajiet ta' finanzjament għas-SME;

35.    Jilqa' l-passi meħuda mill-Kummissjoni s'issa, u jħeġġeġ azzjoni kontinwa, fir-rigward tas-semplifikazzjoni tal-programmi tal-UE għar-riċerka u l-iżvilupp; jemmen li t-tnaqqis fil-ħin għall-għoti u l-ħin għall-ħlas kif ukoll ir-rekwiżiti ta' rappurtaġġ u ta' awditjar għandhom ikunu kwistjoni ta' prijoritajiet, partikolarment għall-istituzzjonijiet akkademiċi u s-SME;

36.    Jemmen li l-eċċellenza għandha tkun il-kriterju ewlieni biex jingħata finanzjament bħala parti minn Orizzont 2020 u li kwalunkwe prekundizzjoni ġeografika tnaqqas b'mod sinifikanti kemm il-kwalità kif ukoll il-valur miżjud tal-UE tal-programmi; jemmen li t-twessigħ tal-parteċipazzjoni jista' jinkiseb permezz ta' użu iktar immirat tal-fondi strutturali għall-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' riċerka fl-inqas reġjuni żviluppati tal-UE;

37.    Jitlob li jkun hemm titjib fl-aċċess għall-kapital għal negozji ġodda innovattivi u għal kumpaniji li qed jikbru malajr, u f'dan ir-rigward jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Kompetittività tal-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (COSME) u Orizzont 2020, partikolarment il-faċilitajiet finanzjarji li se jtejbu l-aċċess tas-SME għall-finanzjament; iħeġġeġ bis-saħħa lill-Kummissjoni tiżgura li t-tranżizzjoni mill-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) għall-COSME u Orizzont 2020 mhux neċessarjament se tostakola l-parteċipazzjoni jew l-applikazzjonijiet għall-programmi l-oħra;

38.    Jemmen li l-fondi tal-kapital ta' riskju għandhom jitħallew joperaw fuq bażi transkonfinali jew pan-Ewropea biex jiffinanzjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, abbażi tal-FEI u ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħra kif ukoll b'kooperazzjoni ma' operaturi nazzjonali oħra;

39.    Jemmen li akkwist pubbliku prekummerċjali jista' jintuża bħala mutur għar-riċerka u l-innovazzjoni u jilqa' l-inizjattiva min-naħa ta' xi Stati Membri li jadattaw il-mudell għar-Riċerka għall-Innovazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar (SBIR) għall-kuntest tal-UE; jitlob li jiġi żviluppat programm madwar l-UE li jsaħħaħ kemm is-suq intern kif ukoll iż-ŻER;

Provvista ta' swieq globali miftuħa

40.    Itenni li l-promozzjoni ta' kummerċ miftuħ u ġust u l-ġlieda kontra l-protezzjoniżmu fil-livell multilaterali u permezz tal-ftehimiet kummerċjali kollha ma' pajjiżi terzi għandhom ikunu objettivi permanenti;

41.    Jenfasizza li s-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli, stabbilita permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), tirrappreżenta l-aktar qafas adattat għar-regolamentazzjoni u l-promozzjoni ta’ kummerċ miftuħ u ġust, ifakkar li huwa essenzjali li wieħed iqis il-ftehimiet multilaterali, plurilaterali u bilaterali bħala parti minn sett ta' strumenti komuni tal-affarijiet internazzjonali, u għaldaqstant karatteristiċi standard ta' relazzjonijiet politiċi u kummerċjali bbilanċjati u komplementari;

42.    Jenfasizza li l-UE għandha tibqa' impenjata favur it-tisħiħ ta' relazzjonijiet kummerċjali miftuħa u ħielsa bħala parti min-negozjati dwar il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles mas-sħab kummerċjali strateġiċi kollha tagħha, b'mod partikolari swieq ta' tkabbir maġġuri fejn l-UE żżomm interessi offensivi ewlenin, inkluż iżda mhux limitat għall-Amerka ta' Fuq, il-BRICS, l-ASEAN u r-reġjuni tal-Amerka Ċentrali u Latina, kif ukoll il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw. Jenfasizza l-importanza li wieħed jiffoka fuq it-tneħħija ta' ostakoli mhux tariffarjigħall-kummerċ u l-investiment, inklużi bosta regoli restrittivi u miżuri regolatorji għall-kumpaniji tal-UE li jidħlu fi swieq barranin;

43.    Jenfasizza li l-Kummissjoni, u meta jkun xieraq l-Istati Membri tal-UE, għandhom irawmu l-parteċipazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fis-swieq dinjija billi jwaqqfu miżuri adegwati li jippermettu l-internazzjonalizzazzjoni tas-SMEs, inkluż aċċess eħfef għall-kapital u informazzjoni aġġornata b'mod regolari dwar l-opportunitajiet kummerċjali barra l-pajjiż kif ukoll strumenti ta' difiża kummerjali rilevanti biex jipproteġuhom kontra dumping u sussidji inġusti u biex jissalvagwardjaw il-produzzjoni legali fl-UE u l-parti fis-swieq ta' pajjiżi terzi tan-negozji tal-UE;

44.    Jikkmanda f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tiddefendi attivament l-industriji tal-Unjoni, inklużi s-SME, kull meta jkun meħtieġ, kontra l-ksur ta' regoli stabbiliti, standards u prinċipji tad-WTO min-naħa tas-sħab kummerċjali tagħha, bl-użu ta' kull mezz possibbli, inklużi mekkaniżmi bilaterali u multilaterali ta' sejba ta' soluzzjoni għat-tilwim u strumenti ta' difiża kummerċjali kumpatibbli mad-WTO;

45.    Jenfasizza li l-UE għandha tibqa' kommessa li tikseb riżultat ibbilanċjat fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp bħala l-approċċ preferut tagħha, ħaġa li tappoġġa l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fis-sistema kummerċjali internazzjonali, filwaqt li tagħmel progress b'mod parallel fi ftehimiet kummerċjali bilaterali u plurilaterali ma' pajjiżi oħra industrijalizzati fejn huwa realistiku li nistennew li jkun hemm beneffiċċji reċiproċi u tkabbir ekonomiku f'iqsar żmien;

46.    Iqis li huwa meħtieġ ukoll, fid-dawl tal-imblokk persistenti fl-istruttura u fl-objettivi oriġinali tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp, li jerġa' jibda kemm jista’ jkun malajr id-dibattitu dwar kif tista’ tissaħħaħ id-WTO u kif tista’ titħejja għall-isfidi li ġejjin u jistieden lill-Kummisjsoni biex tressaq proposti dwar dan;

47.    Jesprimi tħassib serju dwar l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tar-reċiproċità tal-aċċess ta' pajjiżi terzi għall-kuntratti ta' akkwist pubbliku, li jippromwovi messaġġ dannuż u protezzjonista, minflok wieħed ta' suq miftuħ lejn pajjiżi terzi;

48.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar l-Impjiegi u t-Tkabbir, immexxi mir-Rappreżentant Kummerċjali tal-Istati Uniti Ron Kirk u mill-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht, ifittex li jindirizza, fost affarijiet oħra, mhux biss ostakli konvenzjonali għall-kummerċ ta’ prodotti, bħat-tariffi u l-kwoti tar-rati tariffarji iżda anki t-tnaqqis, l-eliminazzjoni u l-evitar ta' ostakli tekniċi u regolatorji għall-kummerċ fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku bil-għan li jkun żgurat li l-kummerċ ma jkunx imfixkel minn piżijiet regolatorji eċċessivi fuq in-negozji;

49.    Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti bħala l-aktar sħubija strateġika importanti għall-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ, għalhekk, biex fl-2013 ikun intensifikat id-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, sabiex l-impenji jiġu sodisfatti f'fora bilaterali u multilaterali għall-ġlieda kontra t-tendenza globali lejn il-protezzjoniżmu;

50.    Jitlob lill-Kummissjoni tressaq l-iffokar tagħha minn politika prevalenti ta' żvilupp orjentat lejn il-kontribuzzjonijiet għal politika ta' żvilupp orjentata lejn il-produzzjoni, b'ċifri annwali speċifiċi dwar il-kisbiet fil-qasam tal-iżvilupp konformi maċ-ċifri li juru kemm intnefqu flus mit-taxxi mħallsa miċ-ċittadini, Jinnota li sabiex tiżdied l-effiċjenza huwa wkoll kruċjali li tiġi garantita koerenza politika ikbar u iktar koordinazzjoni tad-donaturi fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u globali;

51.    Jenfasizza li kwalunkwe żieda jew tibdil fil-Fond ta' Żvilupp Ewropew m'għandux ikun awtomatiku u għandu jkun ibbażat fuq approċċ komprensiv immexxi mir-riżultat li jiffoka fuq outputs aktar milli fuq l-inputs biss;

52.    Jistieden lill-UE terġa' tagħti l-ħajja lill-politika tagħha dwar l-għajnuna u t-twassil tal-għajnuna billi tuża b'mod aktar effettiv l-istrutturi attwali u taħdem flimkien mal-pajjiżi emerġenti li qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, sabiex tirrispondi b'mod aktar effiċjenti u flessibbli għal sfidi ġodda ta' żvilupp, inklużi fil-konflitt u fi stati fraġli;

53.    Jirrikonoxxi li l-għajnuna tal-UE tirrapreżenta 56% tal-ODA globali u li l-UE għandha taħdem aktar fuq it-trasparenza biex tiġġenera benefiċċji sinifikanti kemm għal pajjiż donatur kif ukoll għal dak li qed jirċievi; Jistieden, għalhekk, lill-UE sabiex tikkunsidra l-vantaġġi li tkun adottata garanzija fl-UE kollha dwar it-trasparenza tal-għajnuna li tikkommetti kemm lill-Kummissjoni Ewropea u kemm lill-Istati Membri li jipprovdu data fil-ħin, preċiża, kumparabbli u dettaljata dwar il-flussi tal-għajnuna bbażata fuq l-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI);

54.    Jinnota li prekundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp ekonomiku u għall-ħolqien tal-prosperità hija l-integrazzjoni tal-kapital u tan-negozji eżistenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fi strutturi legali effettivi u ekonomiji formali; jitlob lill-Kummissjoni tipprijoritizza r-riżorsi għall-immappjar u r-reġistrazzjoni tal-art u tal-proprjetà intellettwali;

55.    Jilqa' l-ħidma u l-effiċjenza tal-ECHO fil-parti l-kbira tar-reġjuni fejn jeżistu emerġenzi u vulnerabilità li jiffaċċjaw il-ġuħ, l-insikurezza tal-ikel u r-refuġjati; japprezza b'mod partikolari l-koordinazzjoni tal-attivitajiet mal-Istati Membri, pajjiżi ġirien u n-NU; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa approċċ ta' prevenzjoni fil-livelli kollha - minflok is-sistema ad hoc attwali ta' ġestjoni tal-għajnuna - li għandu jkun magħmul mill-monitoraġġ, l-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta' diżastri imminenti u l-mobilizzazzjoni iktar rapida ta' assi volontarji;

It-tnaqqis tal-piż tar-regolamentazzjoni tal-UE

56.    Jilqa' l-passi meħuda diġà mill-Kummissjoni biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji fuq is-SME u l-mikrointrapriżi dovuti għal-leġiżlazzjoni tal-UE, bħal pereżempju permezz tal-introduzzjoni tad-dimensjoni tal-mikroentitajiet fit-'Test tas-SME' u l-eżenzjonijiet tas-SME minn ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li dawn jibqgħu itejbu l-imġiba regolatorja tagħhom lejn is-SME u l-mikrointrapriżi, billi jiffokaw fuq it-tfassil ta' leġiżlazzjoni speċifika għall-bżonnijiet tas-SME kif ukoll biex isir progress fl-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet adegwati;

57.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-test għall-SMEs ikun konsistenti u koerenti fl-applikazzjoni tiegħu fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha u jkun inkorporat fil-valutazzjoni tal-impatt ġenerali ta' proposta, mhux sempliċiment ippubblikat bħala element ta’ informazzjoni addizzjonali, sabiex jiġi żgurat li ma jitqegħdux piżijiet sproporzjonati fuq l-SMEs;

58.    Jitlob lill-Kummissjoni tinforza l-ftehim mit-tliet istituzzjonijiet biex jitwettqu l-impenji tagħhom ta' leġiferazzjoni mtejba, inkluż l-Istati Membri, li kollha għandhom jitħeġġu mill-Kummissjoni biex iwettqu t-testijiet tagħhom tas-SME, u l-Kunsill għandu jwaqqaf unità ta' valutazzjoni tal-impatt li tipproduċi valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-emendi tiegħu stess; jenfasizza l-importanza tal-verifiki ta' kapaċità fl-aġenda ta' Regolamentazzjoni Intelliġenti;

59.    Jemmen li l-Kummissjoni għandha tapplika ċerti prinċipji tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fin-negozjati tagħha stess mas-SME;

60.    Jilqa' l-approċċ minn isfel għal fuq meħud minn għadd ta' Stati Membri biex tiġi identifikata xi leġiżlazzjoni li toħloq piż, u jemmen li l-programm tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-piż għandu jitkompla wara l-2012 b'ambitu iktar ambizzjuż u estiż u bl-introduzzjoni ta' bbilanċjar ta' piżijiet regolatorji;

61.    Jappoġġa bis-saħħa l-proposta tal-Kummissjoni tal-preżunzjoni li l-mikrointrapriżi għandhom ikunu eżentati minn regoli li joħolqu piż, sakemm ma jsirx każ speċifiku għall-inklużjoni tagħhom, sabiex b'hekk jitħeġġeġ it-tkabbir;

62.    Ifakkar il-pożizzjoni tal-Parlament favur l-estensjoni u l-espansjoni tal-kamp tal-Programm ta’ Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tintroduċi, fil-Programm ta’ Ħidma 2013, programm li jindirizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż regolatorju ġenerali u jiġi introdott ibbilanċjar tal-piż regolatorju;

63.    Jipproponi li l-Kummissjoni terġa’ tafferma l-miri tagħha għas-simplifikazzjoni amministrattiva u biex isaħħaħ l-impenn tagħha għall-valutazzjoni dwar jekk hemmx valur miżjud reali tal-azzjoni fil-livell tal-UE qabel ma jibda x-xogħol fuq l-abbozz tal-proposti;

64.    Jilqa' bi tħassib il-proċess ta' rieżami tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Regolament REACH, qabel l-iskadenza għat-tieni reġistrazzjoni fl-2013; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura iktar iċċarar u konsistenza fl-approċċ b'rabta mal-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju, u jħeġġeġ l-impenn min-naħa tal-partijiet interessati;

65.    Huwa tal-fehma li l-Istrateġija ta' Adattament proposta mill-UE dwar it-tibdil fil-klima għandha tiffoka fuq azzjonijiet b'valur miżjud tal-UE sinifikanti; jenfasizza f'dan ir-rigward li, filwaqt li strateġija bħal din għandha mingħajr dubju tkun b'saħħitha f'termini ambjentali, il-miżuri proposti għandhom ikunu proporzjonati, iqisu l-konsegwenzi tar-rilaxx tal-karbonju u jikkunsidraw bis-sħiħ l-impatti potenzjalment dannużi għall-industriji li joħolqu l-impjiegi;

Il-promozzjoni tat-tħaddim tajjeb tas-swieq tax-xogħol

66.    Jitlob lill-Kummissjoni tieħu miżuri adegwati biex telimina riġiditajiet eżistenti fis-suq tax-xogħol madwar l-UE, biex tappoġġa u tiżviluppa kundizzjonijiet għal arranġamenti ta' xogħol iktar flessibbli, speċjalment għall-ħaddiema kbar jew żgħar fl-età, biex tiġi promossa l-mobilità tal-ħaddiema, u jenfasizza l-importanza ta' riformi sistemiċi sabiex jiġi miġġieled il-qgħad strutturali u biex jiġu ffaċċati soċjetajiet dejjem ikbar fl-età u tibdil teknoloġiku mgħaġġel;

67.    Jitlob għal reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar ix-xogħol, b'approċċ li jqis l-ispiża u l-benefiċċji, u li tirriżulta f'konklużjoni ċara dwar liema leġiżlazzjoni hija ineffettiva jew kontraproduttiva u liema leġiżlazzjoni għandha tiġi revokata jew tista' tiġi implimentata aħjar;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta reviżjoni realistika tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol sabiex tinsab soluzzjoni pragmatika li tagħti lin-negozji u lill-ħaddiema aktar flessibilitá mingħajr ma jiżdiedu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għall-impriżi filwaqt li titħares is-saħħa u s-sigurtá tal-ħaddiema u jitjieb il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik privata;

69.    Jilqa' l-Pakkett dwar l-Impjieg bl-għan li jinħoloq ambjent dinamiku għall-ħolqien tal-impjiegi billi jitnaqqsu l-ispejjeż marbuta mal-impjieg, il-burokrazija, jingħata appoġġ lin-negozji emerġenti, lill-iskemi ta' impjieg għal ras dak li jkun, biex b'hekk ikun hemm progress fl-innovazzjoni, fil-kompetittività u fil-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għall-impjieg; Jinnota li dan il-pakkett m'għandux jiġi interpretat bħala opportunità għal ċentralizzazzjoni ulterjuri tal-politiki dwar l-impjieg fil-livell tal-UE, inkluż kwalunkwe attentat ta' stabbiliment ta' salarju minimu fil-livell tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' investiment fil-kapital uman u fir-riċerka u l-iżvilupp, edukazzjoni u taħriġ xierqa li jiffaċilitaw il-mobilità professjonali;

70.    Jitlob għal użu iktar effiċjenti tal-FSE u biex jiġi limitat l-ambitu tal-politiki dwar l-impjieg attiv; Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-FSE iżid il-valur tal-politiki tal-Istati Membri u jipprovdi valur għall-flus minfuqa; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-flessibilità meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu u jagħżlu jekk dawn il-fondi jintefqux permezz tal-programmi FSE jew FEŻR sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tagħhom stess għat-tkabbir fil-kuntest tl-UE 2020;

71.    Huwa kontra l-proposta tal-Kummissjoni dwar format ġdid għall-FEG; Jinnota li l-funzjonament tal-fond kien ferm problemtiku, burokratiku u ineffiċjenti sabiex iressaq lill-persuni lura lejn l-impjieg; jenfasizza li l-FEG joffri ftit li xejn valur għall-flus minfuqa, ma jżidx biżżejjed valur lill-politiki tal-Istati Membri, joffri diżinċentivi għall-isforzi tal-Istati Membri għar-riforma, jipprova jsolvi problemi strutturali fuq medda twila ta' żmien b'soluzzjonijiet fuq medda ta' żmien qasira u jqajjem tħassib fir-rigward tal-użu tiegħu biex jiġu sussidjati kumpaniji kbar li jirrilokaw fi ħdan l-UE;

72.    Jilqa' l-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-pensjonijiet, madankollu jinab imħasseb dwar għadd ta' inizjattivi proposti fi ħdan it-test li jkollhom il-potenzjal li jostakolaw it-tkabbir u l-objettiv tal-Kummissjoni nnifisha għall-provvista ta' pensjonijiet sostenibbli u adegwati, li minnhom huma parti kbira l-pnsjonijiet okkupazzjonali;

73.    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li kwalunkwe inizjattiva futura jew reviżjoni proposti mill-Kummissjoni fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà għandhom ikunu bbażati fuq provi xjentifiċi b'saħħithom; Jitlob lill-Kummissjoni tqis il-benefiċċji fuq żmien twil ta' approċċ mhux leġiżlattiv li jiffoka fuq it-titjib tal-iggwidar, l-edukazzjoni ta' min iħaddem u l-involviment tal-ħaddiema sabiex tinkiseb bidla sostenibbli;

74.    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tar-relazzjoni bejn ir-regolamenti attwali dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali u l-moviment ħieles, biex tkopri kemm liċ-ċittadini kif ukoll lill-ħaddiema ekonomikament inattivi, u biex din tkun akkumpanjata, jekk ikun meħtieġ, b'emendi leġiżlattivi;

75.    Huwa konvint li n-numru ta’ professjonijiet regolati għandu jitnaqqas u li l-ambitu tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki għall-professjonijiet il-ġodda għandu jitwessa’ b’attenzjoni speċjali għas-setturi innovattivi u l-industriji diġitali;

Il-bini ta' settur tas-servizzi finanzjarji dinamiku u kompetittiv

76.    Jinnota li l-kriżi finanzjarja issa ilha għaddejja għal kważi ħames snin, madankollu l-Unjoni Ewropea qed tissogra li tkun l-aħħar reġjun ekonomiku sinifikanti li joħroġ minnha; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tiffoka fuq miżuri biex itejbu l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u biex iżżomm lura minn politiki li jirriskjaw li jħeġġu l-attività ta' ħolqien tal-prosperità biex tirriloka lejn ġurisdizzjonijiet oħrajn;

77.    Jinnota r-riskju ta' arbitraġġ regolatorju fil-leġiferazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, u jħeġġeġ il-prijoritizzazzjoni ta' dawk il-miżuri li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-livell globali (bħar-regoli ta' Basel 3) qabel dawk li qed jiġu segwiti b'deċiżjoni tal-Kummissjoni;

78.    Jinnota l-bilanċ delikat bejn ir-responsabilità fiskali u l-bżonn għat-tkabbir; jemmen fil-kuntest tad-dibattitu kontinwu li dawn it-tnejn mhumiex reċiprokament esklużivi, u jenfasizza li t-tnaqqis fil-piżijiet regolatorji u ż-żieda fil-potenzjal tat-tkabbir tas-SME huma l-iktar mezzi siewja biex terġa' tintlaħaq il-fiduċja fl-ekonomija; b'mod partikolari jitlob li jittejbu l-mezzi għat-tkabbir tas-SME permezz tal-aċċess għas-swieq tal-kapital;

79.    Jinnota li r-regolament finanzjarju iġib miegħu konsegwenzi serji u mhux mistennija għan-negozji u l-utenti, il-fondi tl-pensjonijiet u elementi oħra tal-ekonomija reali; jitlob li tiżdied il-viġilanza biex jiġi żgurat li r-regolament finanzjarju jiġi mmirat b'tali mod li jimminimizza l-konsegwenzi tal-ispejjeż fuq dawk li jiddependu mill-industrija tas-servizzi finanzjarji biex in-negozji tagħhom ikunu jistgħu jitmexxew b'mod effiċjenti u kompetittiv;

80.    Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju dwar l-oqfsa għal riżoluzzjoni bankarja; jenfasizza li filwaqt li huwa essenzjali għal kull ġurisdizzjoni bankarja li jkollha qafas bħal dan, kwalunkwe porposta tal-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta r-rwol u d-diskrezzjoni tar-regolaturi nazzjonali, li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġudikaw l-istat tal-banek li joperaw fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tagħhom, u s-sovranità tal-Istati Membri, li fl-aħħar mill-aħħar iridu jirrappreżentaw l-interessi tal-kontribwenti tagħhom;

81.    Jinnota li d-difetti tat-Taxxa fuq it-Tranżazzjoni Finanzjarja proposta mill-Kummissjoni, bħall-iżbilanċ fil-piż fuq id-diversi Stati Membri, it-theddida li din tirrappreżenta għall-kompetittività tas-settur tas-servizzi finanzjarji u t-tilwim dwar min jista' jibbenefika jservu biss biex iżidu l-oppożizzjoni lejn l-istess taxxa, u għalhekk il-proposta għandha tiġi rtirata;

II.     Lejn baġit modernizzat li jippermetti lill-Unjoni li tipprovdi valur miżjud bi prezz raġonevoli

82.    Jiddeplora ż-żieda ta' 6.8% proposta mill-Kummissjoni fil-baġit annwali għall-2013 fi żmien meta, iktar minn qatt qabel, l-Istati Membri qed jintalbu, b'mod partikolari mill-Unjoni, li jiffaċċjaw id-defiċit u d-dejn; huwa tal-fehma li l-iktar mod xieraq għall-ġejjieni qarib huwa ir-rijorjentament tal-fondi lil hinn mill-oqsma li ma joffrux valur miżjud u lejn politiki ta' tkabbir taħt il-livell ta' iffriżar baġitarju ġenerali;

83.    Jinsab konvint li għal tkabbir fuq medda twila ta' żmien, il-baġit tal-UE għandu jiffoka iktar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-swieq interni, oqsma li għandhom jiġu protetti b'finanzjament addizzjonali minn oqsma tal-baġit li joffru ftit li xejn valur miżjud;

84.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza inizjattiva li tippromwovi t-tkabbir u l-impjiegi li huma kruċjali għall-irkupru ekonomiku tal-Ewropa; Jitlob żieda fl-isforzi baġitarji biex jiġu appoġġati l-kompetittività, l-innovazzjoni u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), peress li l-parti l-kbira tal-potenzjal ekonomiku tal-UE jinsab fit-23 miljun SME tagħha, li huma l-bażi tal-ekonomija tagħna; iqis li t-tisħiħ tal-appoġġ tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) għas-SME u għall-infrastruttura għandu jitqies bħala prijorità ewlenija;

85.    Jitlob sforzi ikbar biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-Suq Uniku, billi dawn huma element fundamentali għat-titjib fil-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; Jenfasizza f'dan il-kuntest il-bżonn li l-Baġit tal-UE jipprijoritizza l-inizjattivi li jappoġġaw l-iżvilupp tas-Suq Uniku sabiex l-Ewropa tinħareġ mir-reċessjoni, inkluż:

         •     Deregolamentazzjoni ta' regolamenti ineffettivi jew li m'għadhomx jgħoddu, bħad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol,

         •     Liberalizzazzjoni tas-servizzi madwar is-Suq Uniku,

         •     Promozzjoni tal-ekonomija diġitali ICT,

         •     Żgurar tal-aċċess għall-kapital;

86.    Jenfasizza li dan l-appoġġ ikun strumentali fil-prevenzjoni li s-SME jaqtgħu l-investimenti tagħhom, b'mod partikolari fir-riċerka u l-iżvilupp, filwaqt li jiġi promoss l-impjieg u jiġi żgurat li jiġu ppreservati l-ħiliet, u b'hekk dan jgħin biex is-SME jilliberaw il-potenzjal innovattiv tagħhom, li huwa essenzjali għall-prosperità tal-UE u għall-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien li tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal tad-dimensjoni diġitali;

87.    Jitlob lill-Kummissjoni tibbaġitja b'mod realistiku u tinsisti li jsiru l-ikbar sforzi biex jiġi eżaminat il-valur miżjud Ewropew tal-programmi attwali kollha tal-UE, jitlob valutazzjonijiet sistematiċi, regolari u indipendenti, u b'hekk jiġi żgurat li l-infiq qed jikseb ir-riżultati mixtieqa b'mod effikaċi f'termini ta' spejjeż, u dan jikkontribwixxi għall-Istrateġija UE2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u għar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

88.    Jemmen barra minn hekk li l-approprjazzjonijiet għall-2013 għandhom ikunu bbażati fuq analiżi attenta tar-riżultati miksuba mill-approprjazzjonijiet ta' ħlas għall-2011 kif ukoll għall-2012, bl-għan li jsir tifdil fuq linji fejn tqajmu problemi fl-implimentazzjoni, iqis li t-tifdil reali jista' jsir permezz tal-identifikazzjoni tal-irduppjar, l-inkonsistenzi, il-miżuri ineffikaċi u l-ineffiċjenzi fil-linji baġitarji;

89.    Jitlob lill-President tal-Kummissjoni biex, meta jkun qed jorganizza mill-ġdid il-portafolli tal-Kummissjoni dwar is-sħubija tal-Kroazja f'Lulju 2013, jistabbilixxi l-post ta' Kummissarju għall-Kontroll Baġitarju fuq il-mudell tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012; ifakkar li din ir-riżoluzzjoni titlob li jkun hemm Kummissarju apposta li jkollu r-responsabilità għas-suġġetti li ġejjin:

         –  verifika interna,

         –  kontra l-frodi,

         –  kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri u mal-kumitati rilevanti tal-Parlament;

         –  kuntatt mal-awtoritajiet baġitarji u ta' verifika rilevanti fl-Istati Membri, u l-iżvilupp ta' qafas ta' kontroll intern komprensiv,

         –  is-superviżjoni u t-titjib tal-utilità tar-rapport ta' sintesi annwali, inkluża reviżjoni tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri,

         –  l-ikkummissjonar u l-assessjar ta' valutazzjonijiet indipendenti tal-programmi, u l-iżvilupp tar-Rapport ta' Valutazzjoni, previst fl-Artikolu 318 TFUE, f'għodda ta' valur għat-titjib fil-prestazzjoni;

90.    Jitlob lill-Kummissjoni tħejji rapport li jirrevedi l-effikaċja tas-sistema tagħha ta' valutazzjonijiet u speċifikament ir-relazzjoni bejn ħidma kontinwa ta' valutazzjoni u r-Rapport ta' Valutazzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 318 TFUE; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 318 sa minn meta daħal fis-seħħ;

91.    Jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu mal-Istati Membri fir-rigward ta' 'ġestjoni konġunta' bħala prijorità għall-2013 u tressaq proposti lill-Kunsill Ewropew għat-titjib tal-ġestjoni nazzjonali tal-fondi baġitarji tal-UE, inkluża l-introsuzzjoni ta' dikjarazzjonijiet nazzjonali obbligatorji ta' ġestjoni u t-twaqqif ta' mudell komuni għal dikjarazzjonijiet nazzjonali ta' ġestjoni;

92.    Itenni t-talba tal-Parlament li l-Kummissjoni toħloq sistema onljan waħda, komprensiva u faċli li tintuża sabiex il-pubbliku jkun jista' jkollu aċċess għal informazzjoni sħiħa u kompluta dwar l-infiq tal-Unjoni Ewropea skont il-linja baġitarja u skont il-benefiċjarju; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tinkludi t-tlestija ta' din is-sistema fil-Programm ta' Qafas għall-2013;

93.    Jitlob lill-Kummissjoni tibda programm intern biex tiżgura li l-persunal kollu tagħha jkun konxju bis-sħiħ mit-'Titolu II: Drittijiet u Obbligi tal-Uffiċjali' tar-Regoli tal-Persunal u partikolarment l-obbligi skont l-Artikolu 22a(96); jitlob lill-Kummissjoni tippubblika pjan dettaljat dwar kif il-pubbliku għandu jitħeġġeġ jirrapporta kwalunkwe pagamenti irregolari jew illegali;

94.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm lura milli tressaq proposti għat-twaqqif tal-pożizzjoni ta' Prosekutur Pubbliku Ewropew, peress li diġà kien hemm biżżejjed turijiet ta' oppożizzjoni, u dan l-isforz ikun fil-vojt;

III.   Politiki ta' immodernizzar

Lejn Żona Ewropea ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja effettiva

95.    Jemmen li sabiex jinħoloq Spazju Ewropew ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sistema li affettwata minn u tqis il-personalità politika u legali individwali ta’ kull Stat Membru u li għalhekk għandhom jinħolqu strumenti biss fejn ikunu meħtieġa, u għandha tirrispetta s-sovranità ta’ kull Stat Membri; u jitlob li kwalunkwe leġiżlazzjoni tiffoka fuq il-mod kif l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw mingħajr xkiel u b’mod effiċjenti, filwaqt li ma jimponux politika armonizzata li ma tagħtix kas tad-differenzi fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri;

96.    Jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea jista' jkollha rwol qawwi u vitali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u jħeġġeġ il-Kummissjoni tkompli bil-ħidma tagħha dwar kwistjonijiet essenzjali għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej, u b'hekk id-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini tal-UE għandhom jiġu rispettati mis-sħiħ u l-protezzjoni tad-data u d-dritt għal rimedju legali huma essenzjali għall-ħolqien ta' politika ta' sigurtà kredibbli u effikaċi;

97.    Jinsisti li l-aġenziji kollha tal-Ġustizzja u l-Intern għandhom ikunu kosteffikaċi, effiċjenti u responsabbli lejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-Parlamenti Nazzjonali;

98.    Jafferma li l-Grupp ECR jappoġġa bis-saħħa l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tad-drittijiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u l-bniet u s-subien;

99.    Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u jenfasizza l-bżonn urġenti li jiġi indirizzat it-Traffikar tal-Bnedmin; jistenna bil-ħerqa l-Istrateġija dwar it-Traffikar tal-Bnedmin mill-koordinatur kontra t-traffikat, mistennija f'Mejju 2013, u jħeġġiġha tindirizza l-oqsma li ġejjin;

100.  Jiddikjara li l-inċidenti ta' vjolenza domestika qed jiżdiedu fl-Ewropa ta' kull sena, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma tagħha biex tiġi ffaċċjata din il-problema permezz tal-adozzjoni ta' strateġija mhux leġiżlattiva; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Programm Daphne iżda jenfasizza li l-Kummissjoni teħtieġ li tiżgura aħjar li l-finanzjament jingħata lil kampanji popolari u mhux fuq studji akkademiċi dwar din il-kwistjoni;

101.  Jappoġġa l-Kummissjoni fil-ħidma tagħha favur il-protezzjoni tat-tfal u jitlob li l-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni sħiħa u adegwata, sa Novembru 2013, mill-Istati Membri kollha, tad-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Isfruttament tat-Tfal, l-Abbuż tat-Tfal u l-Pedopornografija;

102.  Jenfasizza li n-nisa fl-Ewropa għadhom ibatu minn prattiki dannużi 'moħbija' u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fil-qirda tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat tal-bniet u t-tfajliet;

103.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tisma' t-tħassib tal-Istati Membri fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema Tqal u jenfasizza li din id-direttiva proposta m'għandhiex l-appoġġ jew l-approvazzjoni mill-Kunsill;

104.  Jafferma li l-proposti għal direttiva fuq il-miri u l-kwoti għan-nisa fil-bords ta' tmexxija tal-kumpaniji huma patronizzanti lejn in-nisa u ma jgħinux lin-negozji fil-klima ekonomika attwali; iħeġġeġ bis-saħħa lill-Kummissjoni tirrevedi u tissospendi dawn il-proposti u tiffoka fuq il-ħidma mal-Istati Membri fi ħdan qafas mhux leġiżlattiv;

105.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi u tissospendi l-proposti għal direttiva dwar salarju indaqs għall-irġiel u n-nisa, u minflok jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tinvestiga dwar mezzi effettivi u mhux leġiżlattivi biex tiġi ffaċċjata l-problema tas-salarji mhux indaqs fil-livell tal-Istati Membri;

Il-politika ambjentali

106.  Jilqa' l-passi meħuda diġà mill-Kummissjoni lejn iffokar iktar qawwi fuq l-implimentazzjoni tal-politiki ambjentali u klimatiċi eżistenti, minflok sempliċement jiżdied il-piż leġiżlattiv;

107.  Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-politiki attwali dwar il-kwalità tal-ajru u l-iskart; jenfasizza li kwalunkwe reviżjoni tad-Direttivi ta' Qafas dwar il-Kwalità tal-Ajru, il-Limiti tal-Emissjonijiet Nazzjonali u l-Iskart għandha tiffoka fuq miri li jkunu prattiċi u li faċilml-ilħiq tagħhom mill-Istati Membri jkun fattibbli;

Agrikoltura u Sajd

108.  Jinnota bi tħassib il-proposti diġà mressqa mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni; jafferma li dawn il-proposti ma jindirizzawx l-isfidi ewlenin li l-Agrikultura Ewropea tiffaċċja u se jfixklu l-iżvilupp tas-settur tal-biedja kompetittiv u effiċjenti li hu vitali jekk l-Unjoni Ewropea trid tindirizza sew l-isfida tas-sikurezza tal-ikel fi sfond ta' popolazzjoni globali li qed tiżdied u ta' żieda fid-domanda għall-ikel;

109.  Jitlob lill-Kummissjoni turi flessibilità matul il-proċess ta' negozjati għall-ġejjieni tal-PAK u tkun lesta tirtira jew temenda b'mod sostanzjali l-bosta aspetti tal-proposta li jheddu l-agrikoltura kompetittiva u effiċjenti fl-Ewropa, b'mod partikolari l-proposti rigward il-pagamenti diretti li jsiru inqas dannużi għall-ambjent u iktar limitati; jinnota ulterjorment li l-Kummissjoni xorta ma rnexxielhiex tipproponi qafas li se jippermetti tqassim ġust tal-pagamenti diretti madwar l-Istati Membri tal-UE;

110.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħin biex jiġi ffaċċjat l-istaġnar attwali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-bażi legali għal pjanijiet multiannwali għas-settur tas-sajd, inkluż fost l-oħrajn il-propsti għal pjan multiannwali għall-ħażna tal-aringa mqassma lejn il-Punent tal-Iskozja u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk u pjan multiannwali għall-istokk tal-punent tal-Makarell żiemel tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk;

111.  Ifakkar fil-pakkett ta' proposti għar-Riforma tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u, f'dan ir-rigward, jesprimi d-diżappunt tiegħu fir-rigward ta' iniżjattivi leġiżlattivi limitati meħuda għal deċentralizzazzjoni ikbar tal-politika dwar is-sajd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni turi flessibilità fir-rigward tal-pakkett ta' riforma tal-PKS u appoġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fit-tiftixa għal iktar deċentralizzazzjoni tal-politika dwar is-sajd;

Il-Politika Reġjonali

112.  Jinnota l-adozzjoni bikrija tal-kuntratti ta' Sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti, li għandhom jappoġġaw l-objettiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, filwaqt li jikkonċentraw fuq il-bini ta' kapaċità ekonomika fl-ifqar reġjuni tal-UE;

113.  Jinsab imħasseb dwar sa liema punt huma vinkolanti dawn il-kuntratti proposti u jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kompetenti jingħataw flessibilità massima fit-tfassil tal-ftehim ta' sħubija, u b'hekk jippermettu lill-Istati Membri jfasslu l-għodod politiċi ta' koeżjoni skont l-għanijiet speċifiċi tagħhom u r-reġjuni u t-territorji bi bżonnijiet u problemi speċifiċi;

114.  Jemmen li, filwaqt li jaċċetta l-bżonn ta' ftehim ta' sħubija bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġi pprovdut qafas ġenerali, kwalunkwe tibdil marġinali futur lill-orjentament ta' dawn il-ftehimiet ta' sħubija m'għandux ikun soġġett għal adozzjoni mill-Kummissjonim, iżda minflok għal proċess ta' adozzjoni iqsar u iktar flessibbli;

115.  Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, partikolarment ir-rappreżentanti eletti, għandhom jiġu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija tal-ftehimiet ta' sħubija u l-ipprogrammar, kif ukoll fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

Kultura

116.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta fil-qasam tal-kultura tirrispetta b’mod xieraq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u fid-dawl tat-teħid ta’ miżuri ta’ awsterità minn bosta Stati membri tal-UE, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tipproponix programmi kulturali ġodda li jkunu jinkludu nfiq ġdid jew miżjud; jenfasizza ulterjorment li l-azzjoni tal-Kummissjoni f'dan il-qasam għandha tkun limitata biss għal oqsma li realment jistgħu jżidu l-valur;

117.  Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura fuq il-bażi tar-regola 'inqas għal inqas, iktar għal iktar'; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm il-bilanċ bejn id-dimensjoni tan-nofsinhar u tal-lvant tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-attivitajiet kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura;

118.  Jitlob lill-Kummissjoni żżid l-attivitajiet tagħha bl-għan li tiġi żviluppata s-Sħubija tal-Lvant, speċjalment fil-qasam tal-mobilità u l-kooperazzjoni edukattiva;

119.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa programmi li juru varjetà ta' Stati Membri tal-UE u li jenfasizzaw l-importanza tal-identitajiet nazzjonali tal-UE;

IV.   Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

120.  Jinnota li djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, kif stabbilit fl-Anness 4 tal-Ftehim ta' Qafas, mhux qed jaħdem kif suppost; jinnota wkoll li l-proċess tat-tfassil tal-kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-Programm ta' Ħidma mhux qed jingħata l-attenzjoni li jistħoqqlu; jemmen li r-Rapport fil-Qosor prodott mill-Konferenza taċ-Chairpersona tal-Kumitati attwalment huwa inutli;

121.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-Anness 4 tal-Ftehim ta' Qafas; jipproponi li l-Konferenza taċ-Chairpersons tal-Kumitati jieħdu l-kontribuzzjonijiet tagħhom b'iktar serjetà, billi jadottaw pożizzjonijiet skont l-istess proċeduri bħall-opinjoni għal rapport; jitlob lill-Konferenza taċ-Chairpersons tal-Kumitati biex tadotta Rapport fil-Qosor f'format li jista' jkun ta' użu prattiku għall-gruppi politiċi fit-tfassil tal-mozzjonijiet tagħhom għall-plenarja, u b'mod partikolari billi ssir talba għal proposti li jsiru fil-forma ta' abbozzi ta' paragrafi għal mozzjonijiet bħal dawn;

o

o       o

122.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.