MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013
27.6.2012 - (2012/2688(RSP))
imressqa skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura
Emilie Turunen f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0346/2012
B7‑0348/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-Tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2012 (COM(2011)777),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li ġie adottat fl-20 ta’ Ottubru 2010, b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,
– wara li kkunsidra l-eżitu tad-djalogu regolari mal-kumitati parlamentari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi ekonomika, soċjali u ambjentali attwali, aktar minn qatt qabel, titlob tmexxija Ewropea b’saħħitha u integrazzjoni aktar b’saħħtiha fil-livell tal-UE;
B. billi ma jista’ jkun hemm l-ebda ħruġ sostenibbli minn din il-kriżi jekk wieħed jirrikorri għall-politiki li wasslu għaliha; billi jkun f’waqtu li nibdlu l-mudell tagħna għal kunċett politiku usa’, li jqiegħed in-nies u l-ħarsien tal-ambjent fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika bil-għan li jinħolqu l-benesseri u l-aħjar opportunitajiet għal kulħadd;
C. billi l-prestazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea trid titkejjel skont l-isfidi biex tingħeleb din il-kriżi trippla, id-difiża tal-metodu Komunitarju u d-definizzjoni tar-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-livell globali permezz ta’ azzjoni tal-politika fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp, il-kummerċ u l-politika barranija, u biex l-Unjoni Ewropea ssir żona aktar demokratika, aċċessibbli għaċ-ċittadini tagħha u li tiggarantixxi d-drittijiet ċivili tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-iskrutinju demokratiku, u dan kollu jeħtieġ ideat ġodda u azzjoni soda;
L-indirizzar tal-kriżi
1. Jenfasizza li impenn b’saħħtu u espliċitu u triq għal Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u kompluta, li tkopri mezz kredibbli lejn unjoni bankarja u integrazzjoni fiskali u politika aktar mibnija fuq leġittimità demokratika aktar b’saħħitha, huma kundizzjonijiet meħtieġa għas-sopravivenza tal-munita komuni;
2. Jenfasizza li l-prijorità immedjata għal dan l-għan hija azzjoni konkreta għall-iżvilupp ta’ Unjoni Bankarja għaż-żona tal-euro bil-għan li tkisser iċ-ċirku ta’ effetti negattivi reċiproki bejn il-banek domestiċi u s-sovrani tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fix-xhur li ġejjin, jiġi miżjud sett ta’ proposti leġislattivi ġodda mal-programm ta’ ħidma tagħha, li jinkludi fost l-oħrajn:
– awtorità superviżorja komuni b’poteri ta’ teħid ta’ deċiżjoni aħħarija tal-anqas għall-banek sistemiċi, kemm dawk domestiċi kif ukoll transkonfinali;
– skema ta’ garanzija tad-depożiti konġunta bil-għan li tappoġġa l-kunfidenza tad-depożitanti u tevita l-assalti bankarji;
– awtorità komuni ta’ riżoluzzjoni bankarja għal istituzzjonijiet relevanti u transkonfinali sistemiċi li tiġi appoġġata minn fond komuni ta’ riżoluzzjoni li hu kbir biżżejjed biex jindirizza b’mod kredibbli t-talbiet sistemiċi u li jiġi ffinanzjat bil-quddiem mill-banek infushom biex jiżgura l-qsim tal-piż u jillimita kemm jista’ jkun l-ispejjeż għaċ-ċittadin;
– ktieb uniformi ta’ regola waħda għas-superviżjoni prudenzjali tal-banek kollha u qafas makroprudenzjali wieħed biex tiġi evitata aktar frammentazzjoni finanzjarja;
– proposta leġiżlattiva għar-riforma strutturali tas-settur bankarju taż-żona tal-euro li tiżola b’mod effiċjenti s-servizzi bankarji l-aktar essenzjali għall-ekonomija reali minn attivitajiet spekulattivi fis-swieq finanzjarji u bil-għan li jiġu eliminati l-istituzzjonijiet li huma ‘kbar wisq/kumplessi wisq biex ifallu’;
– qafas regolatorju ‘l-istess riskju, l-istess regola’, li jiżgura li entitajiet li mhumiex banek u jagħmlu attivitajiet simili għal dawk tal-banek u jinteraġixxu mal-banek ma jkunux barra mill-kontroll tar-regolaturi;
– l-ittestjar kredibbli u regolari tal-istress tas-saħħa finanzjarja tal-banek li jippromwovi d-detezzjoni bikrija tal-problemi u d-dimensjonar effiċjenti tal-intervenzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni, bħala miżura intermedjarja għal żmien qasir, biex issemmi espliċitament il-modalitajiet legali u prattiċi meħtieġa għar-rikapitalizzazzjoni diretta mill-MES ta’ istituzzjonijiet bankarji danneġġati tal-Istati Membri li qed jesperjenzaw jew jinsabu mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabilità finanzjarja tagħhom, kif ukoll biex tagħti liċenzja bankarja lill-MES;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timponi kundizzjonijiet stretti permezz ta’ qafas tal-politika ta’ kompetizzjoni lill-istituzzjonijiet li bbenefikaw minn għajnuna tal-Istat relatata mal-kriżi, u l-appoġġ tal-linji ta’ likwidità tal-BĊE;
5. Jemmen li l-introduzzjoni ta’ forma limitata ta’ dejn komuni bħala l-ewwel pass ta’ pjan direzzjonali lejn Eurobonds kompluti bis-salvagwardji adegwati ta’ governanza, hija meħtieġa biex tiżgura l-vijabilità tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja skont il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-‘two pack’; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-ħolqien immedjat ta’Fond tal-Fidwa Ewropew, kif ukoll il-ħruġ immedjat ta’ dejn komuni għal żmien qasir fil-forma ta’ eurobills biex inaqqas l-ispreads, jipproteġi lill-Istati Membri minn esternalitajiet negattivi indotti mill-paniku u ċ-ċirku ta’ effetti negattivi reċiproki bejn il-kriżijiet sovrani u bankarji;
6. Iqis li ċ-ċirku ta’ riċessjoni attwali fiż-żona tal-euro jeħtieġ azzjoni aktar deċiża mill-Kummissjoni sabiex jintuża b’mod sħiħ u proattiv il-flessibilitajiet inklużi fir-regoli fiskali tal-UE li jippermettu toroq differenzjati għall-konsolidazzjoni baġitarja f’każ ta’ tnaqqis sever fir-ritmu ekonoimku; bl-istess spirtu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq sett ta’ proposti skont inizjattiva għat-tkabbir sostenibbli skont il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-‘two pack’ bil-għan li tippromwovi l-investimenti fit-tul u tikkomplimenta r-riformi strutturali meħtieġa għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomija Ewropea u għal irkupru aħdar b’abbandunanza ta’ impjiegi;
7. Jenfasizza li EMU aktar reżistenti urġentement teħtieġ tnaqqis sostnut u simettriku tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi; jistenna b’ħerqa l-istudju ddedikat previst mill-Kummissjoni li jittratta dwar il-mod kif il-pajjiżi b’bilanċ pożittiv jistgħu jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar ġenerali mill-ġdid; jistenna b’ħerqa li tiġi stabbilita tabella ta’ valutazzjoni mtejba dwar l-iżbilanċi makro-ekonomiċi fl-2012, li hi mistennija tinkludi sett ġdid ta’ indikaturi li jitfgħu dawl fuq il-konnessjoni tal-iżbilanċi makro-ekonomiċi u l-iżviluppi fis-settur finanzjarju;
8. Jenfasizza li s-segwitu tal-Kummissjoni għall-komunikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ tassazzjoni doppja għandha twassal għal emendi konkreti fil-liġi fiskali tal-UE biex isodd it-toqob li jintużaw mill-kumpaniji biex jaħarbu t-taxxi, jenfasizza li l-komunikazzjoni ta’ segwitu (li hija mistennija) għandha twassal għal proposti leġiżlattivi komprensivi li jindirizzaw l-aspetti kollha tar-rifuġju fiskali u l-evażjoni fiskali; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonferma b’mod diliġenti l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri li nnotifikaw ir-rieda li jipparteċipaw f’kooperazzjoni mtejba għat-twaqqif ta’ taxxa ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji f’konformità mad-dispożizzjonijeit tal-Artikolu 331 TFUE;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-Artikolu 9 TFUE fil-proposti kollha tagħha, u tqis ir-rekwiżiti konnessi mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ ħarsien soċjali adegwat, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u l-livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u b’hekk tippreżenta rakkomandazzjonijiet bilanċjali relatati mas-Semestru Ewropew u kwalunkwe leġislazzjoni relatata mal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jkopru l-miri kollha tal-istrateġija UE 2020 u l-miri ewlenin tagħha;
10. Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi r-rakkomandazzjonijiet (ppjanati) tal-Kunsill dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Qafas ta’ Kwalità għal traineeships u biex tieħu azzjoni leġislattiva fir-rigward taż-żieda tal-impjiegi taż-żgħażagħ, u biex timmira l-iffinanzjar komunitarju f’din id-direzzjoni;
11. Jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni ppreżentat fil-pakkett tal-Impjiegi – Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi – li jagħraf il-ħtieġa għal bidla lejn ekonomija ħadra, effiċjenti fir-riżorsi u jilqa’ l-bidliet fil-politika li ilha li ntalbet lejn il-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi l-azzjonijiet prinċipali għall-impjiegi u tippromwovi l-integrazzjoni sistematika tal-impjiegi ħodor fil-pjanijiet nazzjonali tal-impiegi u tinkoraġġixxi l-investiment fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija rinnovabbli;
Unjoni Ewropea intelliġenti, sostenibbli u inklużiva
12. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar ir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol f’każ li n-negozjati bejn is-sħab soċjali jfallu;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien – f’każ dan ma jseħħx diġà fl-2012– L-Istrateġija dwar is-Saħħa u s-Sikurezza 2014-2020 kif ġiet mitluba mir-rapport Delli tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-istrateġija Ewropea 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol (2011/2147);
14. Jemmen li l-kriżi għandha tintuża bħala opportunità biex titrasforma l-mudell tal-iżvilupp tagħna tas-soċjetà lejn ekonomija effiċjenti ħafna, ibbażata fuq l-enerġija rinovabbli u reżistenti għall-klima; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tipproponi suġġerimenti tal-politika konkreti għal pakkett tal-enerġija u l-klima 2030 imsejjes fuq tliet pilastri attwali, jiġifieri l-gassijiet b’effett ta’ serra – l-enerġiji rinovabbli – l-effiċjenza tal-enerġija;
15. Jistenna li l-Kummissjoni tipproponi azzjoni leġiżlattiva komprensiva għall-2013 fil-qasam tal-effiċjenza tar-riżorsi u tal-azzjoni dwar il-klima billi tipproponi tnaqqis assolut fl-użu tar-riżorsi, tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi , rieżami tal-politiki tal-kwalità tal-arja u d-Direttiva tal-Ekodisinn u li tiġi aġġustata d-deċiżjoni dwar il-qsim tal-isforzi;
16. Jikkritika bil-qawwa l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma ressqitx il-proposti leġiżlattivi jew rieżamijiet li kienu ġew imħabbra jew li ttieħed impenn dwarhom fl-2011 jew qabel fil-qasam tal-politika ambjentali, b’mod partikolari rigward l-emissjonijiet NOx mill-avjazzjoni, il-ġestjoni tal-istorbju, l-informazzjoni tal-konsumatur dwar l-ekonomija tal-fjuwil tal-karrozzi u l-emissjonijiet tas-CO2, l-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim tal-benefiċċji, u l-aspetti regolatorji tan-nanomaterjali; jinsisti wkoll li l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti leġiżlattivi kollha mħabbra fl-2012, b’mod partikolari l-pakketti li ġew imħabbra dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk, l-emissjonijiet mit-trasport marittimu, it-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra fluworinati, u t-tnaqqis tas-CO2 mill-karozzi u l-vannijiet għall-2010;
17. Għadu fermament konvint li m’hemmx lok għall-enerġija nukleari f’futur ta’ enerġija sostenibbli, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ sikurezza waqt il-perjodu ta’ tneħħija gradwali tal-enerġija nukleari; jinsisti li din it-tneħħija trid tibda mill-impjanti nukleari l-aktar perikolużi; jitlob li jkun hemm proċess aktar demokratiku, partikolarment permezz ta’ kodeċiżjoni, għal kwestjonijiet li jirrigwardaw l-enerġija nukleari, bħalma hu l-każ għas-sorsi l-oħra kollha tal-enerġija;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ ikel derivat minn annimali kklonati u d-dixxendenti tagħhom u tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida dwar l-Ikel Ġdid, filwaqt li tqis il-pożizzjonijiet tal-PE espressi fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva preċedenti (li ma rnexxietx); iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjentali tal-4 ta’ Diċembru 2008, tiżgura l-implementazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati, u partikolarment tar-rekwiżiti tal-valutazzjoni tar-riskju ambjentali;
19. Jemmen li l-indħil dwar il-fatturi ġenetiċi komuni, speċjalment permezz ta’ privattivi dwar it-tekniċi konvenzjonali tat-tnissil fuq pjanti u annimali użati fl-agrikoltura imur kontra s-sigurtà tal-ikel Ewropea u globali peress li jxekkel il-libertà tat-trobbija u tat-tnissil u l-iskambju ħieles tal-istokk ġenetiku kif intuża għal millenji, u li jifforma l-bażi tal-produzzjoni terrestri tal-ikel;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefendi b’mod sod il-proposti ewlenin tagħha dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni kontra l-inizjattivi tal-Istati Membri u l-Kunsill biex inaqqsu l-ambizzjonijiet tagħha għall-istatus quo, u jinkoraġixxiha tkompli telabora fuq l-iskop u l-implementazzjoni effikaċi tal-kondizzjonament ekoloġiku u soċjali tal-pagamenti diretti għall-bdiewa, sabiex dan irendi l-biedja u s-sistemi tal-ikel aktar sostenibbli fl-UE kollha; ifakkar li ekosistemi b’saħħithom, robusti u resistenti huma s-sisien tat-tkabbir sostenibbli, speċjalment f’setturi li jiddependu minn sistemi ħajjin u riżorsi naturali;
21. Jappoġġa l-proposta mill-Kummissjoni li jiġu limitati l-pagamenti diretti u introdott il-kondizzjonar ta’ dawn il-pagamenti għall-impjiegi u l-prestazzjoni ambjentali; Jinsisti li, bħala parti mill-programm ta’ ħidma, il-Kummissjoni għandha tieħu l-inizjattiva li tabbanduna definittivament l-istrument tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni li mhumiex konformi mal-għanijiet tal-iżvilupp tal-UE;
22. Jirrifjuta l-użu, kemm tar-riżerva għall-kriżi fis-settur agrikolu u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-bdiewa, li jkun ifisser li l-Unjoni Ewropea tqis dawn il-fondi bħala kumpens għal ftehimiet negattivi ta’ kummerċ ħieles; Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ koerenti mill-Kummissjoni f’politiki relatati mal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, fil-kummerċ, l-ambjent, l-iżvilupp – gwadanni li saru jew ġew promossi f’settur m’għandhomx jiġu kontradetti jew imxejna minn ieħor: approċċ koerenti biex irendi l-ekonomiji rurali vibranti u jżomm il-bdiewa fil-biedja, u b’mod sostenibbli, fl-interessi tas-sigurtà tal-ikel fit-tul u tal-effiċjenza baġitarja;
23. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex testendi l-ambitu għal sħubiji minn isfel għal fuq bejn il-bdiewa, il-konsumaturi u s-soċjetà ċivili billi tintegra l-metodu LEADER sistematikament fil-fondi strutturali kollha; Iwissi, madankollu, lill-Kummissjoni biex ma ċċedix il-prinċipju tal-allokazzjoni ta’ ċerti persentaġġi tal-baġit tal-PAK għall-iżvilupp ta’ dawn is-sħubiji u għal miżuri agro-ambjentali speċifiċi sabiex tkun tista’ sseħħ it-trasformazzjoni meħtieġa tal-biedja f’sistemi sostenibbli u integrati li jwieġbu għal sfidi bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-fertilità tal-ħamrija u l-kwalità tal-ilma;
24. Jistenna b’ħerqa li jaħdem mal-Kummissjoni u l-Kunsill fuq Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd profonda u radikali, u jinkoraġġixxi l-Kummissjoni żżomm l-objettiv primarju tagħha li żżomm l-istokkijiet tal-ħut f’livelli abbundanti, ’il fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu Rendiment Massimu Sostenibbli; huwa mħasseb dwar il-konsegwenza fuq l-istokkijiet tal-ħut u fuq il-komunitajiet tas-sajd f’każ ta’ privatizzazzjoni tad-dritt tas-sajd; ifakkar li l-pjanijiet ta’ rkupru huma komponent kruċjali tal-politika sostenibbli tas-sajd u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 43.2 jkun il-bażi legali għall-proposti tagħha u tillimita l-użu tagħha tal-Artikolu 43.2 għal proposti konċernati strettament mal-istipular u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd;
25. Jinsisti li l-miżuri ta’ implementazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv ta’ koeżjoni għandhom jiffokaw fuq sforzi biex il-politika ta’ koeżjoni ssir aktar ekoloġika u fuq ir-rispett sħiħ tal-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli;
26. Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tegħleb l-imblokkar mill-Kunsill tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE billi tippreżenta proposta ġdida;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi r-raba’ pakkett ferrovjarju li jinkludu fih spinta akbar għal titjib ta’ żona ferrovjarja waħda fir-rigward tal-iffinanzjar, l-interoperabilità, id-drittijiet tal-passiġġieri, il-biljetti transkonfinali, l-informazzjoni u s-servizzi;
28. Jinkoraġġixxi l-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħħha dwar Regolament dwar is-servizzi ta’ “ground handling” fl-ajruporti mill-pakkett dwar l-ajruporti;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-ewwel passi tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għas-settur kollu tat-toroq fil-proposti dwar ‘pakkett għat-toroq’;
30. Jenfasizza r-relevanza strateġika tal-Att dwar is-Suq Uniku bil-għan li jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklusiv u għal approċċ bilanċjat tat-tieni edizzjoni tal-SMA li tqis kif jixraq id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali;
31. Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibilità tal-SMEs u l-mikroimpriżi għall-kuntratti pubbliċi, inkluż il-kuntest tat-tranżizzjoni għall-prokura elettronika; jitlob li ssir valutazzjoni kif suppost tal-impatt reali tad-direttiva dwar is-servizzi mhux biss dwar it-tkabbir iżda wkoll dwar l-impjiegi u d-dispożizzjoni dwar il-kwalità tas-servizzi; jitlob li tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq fir-rigward tar-reviżjoni tad-direttiva dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti;
32. Iqis li l-ħarsien tal-konsumaturi vulnerabbli għandha tkun prijorità fl-aġenda tal-konsumaturi, partikolarment rigward il-kreditu tal-konsumaturi u l-logħob tal-azzard onlajn; jitlob li jkun hemm implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv, bi prezz li jintlaħaq u aċċessibbli għall-konsumaturi kollha fl-Ewropa;
33. Fl-adozzjoni u l-implementazzjoni tal-pakketti tar-riċerka u l-innovazzjoni taħt l-MFF, jitlob lill-Kummissjoni biex
– tippromwovi bilanċ bejn l-objettivi tal-kompetittività u l-għoti tal-benefiċċji liċ-ċittadini tal-UE u lis-soċjetà kollha kemm hi,
– tiżgura l-usa’ benefiċċji tal-ħolqien tal-għarfien u tat-trasferiment tal-għarfien permezz ta’ politiki ta’ innovazzjoni miftuħa u ta’ aċċess miftuħ;
– tinkludi attivitajiet mhux teknoloġiċi u mhux orjentati lejn il-kummerċ,
– tippromwovi parteċipazzjoni wiesa’ tal-atturi tas-soċjetà bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-SME’s;
34. Minbarra dan, jenfasizza li s-sħubijiet privati-pubbliċi għandhom jieqfu jiffunzjonaw bħal “closed shops” u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dettaljata tas-sħubiji privati-pubbliċi sabiex tistabbilixxi oqfsa tal-governanza u tal-ġestjoni li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni wiesa’ tal-atturi tas-soċjetà, tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs u tevita l-kunflitti ta’ interess;
35. Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-implementazzjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u partikolarment tas-sitwazzjoni attwali tan-newtralità tan-net fl-UE, speċjalment fir-rigward tal-ksur ta’ dan il-prinċipju;
36. Jitlob lill-Kummissjoni biex, waqt it-tfassil tal-proposti dwar ir-reviżjoni tar-regolament dwar it-trademarks tal-komunità u d-direttiva li tapprossima l-liġijiet nazzjonali dwar it-trademark tqis il-problemi legali li tfaċċjaw fil-kontroversja dwar il-ftehim ACTA.
37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tkomplix tittardja l-proposta dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet kif ippjanat f’Ġunju 2012 sabiex tiffaċilita l-fluss transkonfinali tal-oġġetti u s-servizzi fis-Suq Uniku Ewropew u biex torganizza aħjar u tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-soċjetajiet kolletturi;
38. Iqis il-leġiżlazzjoni eżistenti relatata mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa bħala ineffikaċi u li ma tistax tiġi infurzata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu adottata fit-13 ta’ Marzu 2012;
39. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi strateġija komprensiva biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa kif wegħdet fil-Programm ta’ Azzjoni ta’ Stokkolma u kif mitlub mill-Parlament f’diversi riżoluzzjonijiet u l-aktar riċenti fir-rapport Svensson f’April 2011. itenni l-ħtieġa li l-Kummissjoni tippreżenta strument leġiżlattiv tal-liġi kriminali biex tiġġieled il-vjolenza fuq il-bażi tal-ġeneru;
40. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għal tipi differenti ta’ liv (tal-paternità, tal-adozzjoni, liv għall-kura u liv għall-persuni dipendenti) sabiex titjieb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, tal-famija u dik privata, li fl-istess ħin tkun tista’ tkisser l-imblokk tal-Liv tal-Maternità fil-Kunsill;
41. Jilqa’ l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li ttejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji elenkati fil-Borża filwaqt li jindika li l-ugwaljanza tal-ġeneri hija kruċjali għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE;
42. Jenfasizza l-importanza tat-tlestija b’suċċess tal-proċeduri leġiżlattivi għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi multiannwali fil-qasam tal-kultura u l-edukazzjoni u f’dan il-kuntest, jinnota l-kontroversja dwar il-bażi legali magħżula għall-programm ‘L-Ewropa għaċ-Ċittadini’; jinsisti f’dan ir-rigward fuq is-salvagwardja tad-diversità kulturali u lingwistika fit-testi jew programmi ġodda kollha, biex iżomm f’moħħu r-rwol prinċipali tal-artisti u tal-persuni kreattivi, speċjalment fir-rigward tax-xogħol online tagħhom, u jappoġġa l-iżvilupp tal-Europeana kemm fir-rigward tal-qafas regolatorju kif ukoll il-iffinazjar;
43. Jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tressaq żewġ proposti dwar il-partiti politiċi Ewropej biex jipprovdu lill-partiti politiċi Ewropej b’personalità legali skont il-liġi tal-UE u biex jadattaw ir-regoli finanzjarji għall-ħtiġijiet speċifiċi għat-twettiq tal-kompiti tagħhom kif definiti skont it-Trattati; Jenfasizza li l-Kummissjoni, bħala għassiesa tat-Trattati, għandu jkollha interess fil-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet biex tinvestiga u tirrimedja l-kontravenzjonijiet possibbli fl-implementazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tieħu rwol kostruttiv sabiex tgħin biex jinstab ftehim bejn l-istituzzjonijiet li jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-Dritt ta’ Inkjesta tal-Parlament skont l-Artikolu 226 TFUE;
44. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefendi bil-qawwa l-acquis Schengen u l-proposta dwar il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen, u l-proposta li temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li jippreservaw u jiżviluppaw l-UE bħala żona mingħajr fruntieri interni u l-approċċ Ewropew għat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jitlob ukoll lill-Kummissjoni żżomm il-bażi legali attwali magħżula għaż-żewġ proposti, fejn tieħu kont sħiħ tal-prerogattivi tal-Parlament Ewropew bħala ko-leġiżlatur fiż-żona tal-Ġestjoni tal-Fruniteri ta’ Schengen;
45. Jitlob għal politika tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE li tirrispetta d-drittijiet fundamentali b’mod sħiħ, l-applikazzjoni tal-acquis tal-ażil u d-dritt għall-libertà ta’ moviment; jitlob li kwalunkwe żvilupp ta’ sistema intelliġenti ta’ fruntieri jirrispetta b’mod sħiħ u jieħu kont tal-prinċipju tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-privatezza tal-indvidwu;
46. Jitlob għal sistema ta’ Dħul-Ħruġ li tiggarantixxi u tiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni meta jaqsmu l-fruntieri esterni u jmantni u jiżviluppa l-Unjoni Ewropea bħala żona miftuħa u aċċessibbli; jiddeplora l-iżviluppi ta’ sistema ta’ monitoraġġ u kontroll għall-ġestjoni ta’ Fruntieri li b’xi mod jillimitaw jew inaqqsu l-privatezza u l-integrità tal-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta li tirrispetta b’mod sħiħ l-obbligi tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni;
47. Jantiċipa r-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) sabiex jallinjaha mat-Trattat ta’ Lisbona u jsaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-FRA, filwaqt li jqis il-proposti futuri tal-PE dwar il-kwestjoni; jitlob lill-Kummissjoni taġixxi skont l-impenn tagħha biex twettaq il-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet fundamentali għall-proposti leġiżlattivi kollha;
48. Jitlob li jkun hemm politika ta’ infurzar tal-liġi li tkun konsistenti mad-drittijiet fundamentali, l-obbligi u l-politiki tal-Unjoni, li tiffoka fuq il-prevenzjoni tar-reati u l-assistenza soċjali, titbiegħed mir-ripressjoni u mill-proġetti ta’ sorveljanza, u tipprijoritizza l-ġlieda kontra reati finanzjarji, ekonomiċi u ambjentali li jolqtu l-aktar lill-persuni komuni u jnaqqsu l-fiduċja tagħhom fl-UE fil-kriżi attwali;
49. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri leġiżlattivi dwar l-għajnuna legali għal persuni suspettati u persuni akkużati fi kwestjonijiet kriminali u d-detenzjoni qabel il-proċedimenti kriminali biex isaħħu l-fiduċja fil-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-kwestjonijiet kriminali;
50. Jilqa’ l-pakkett ta’ ħarsien tad-data tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill u l-Kummissjoni jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jiżguraw l-adozzjoni tal-istandards komprensivi li jissodisfaw l-obbligi tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni;
L-Ewropa fid-dinja
51. Jenfasizza l-importanza tat-titjib tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Balkani tal-Punent billi jagħmlu aktar immexxi mill-punti ta’ riferiment, trasparenti, miftuħ u responsabbli b’mod reċiproku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel sforzi ġodda, konvinċenti u ġenwini sabiex terġa’ tivvitalizza l-proċess ta’ tkabbir kif ukoll tkompli tagħti prijorità lill-kundizzjonijiet bħad-djalogu politiku kostruttiv, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, inkluż l-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni, il-ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, it-titjib fl-effettività u l-indipendenza tal-ġudikatura, it-titjib fil-kapaċitajiet u r-rekords amministrattivi fl-infurzar ta’ leġiżlazzjoni relatata mal-acquis, l-affrontar ta’ tensjonijiet inter-etniċi u inter-reliġjużi, u l-indirizzar tas-sitwazzjoni tar-refuġjati u l-persuni spostati, kif ukoll is-soluzzjoni ta’ kwistjonijiet bilaterali miftuħa;
52. Jilqa’ l-proċess li għadu għaddej tal-adozzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija sabiex jagħti aktar koerenza, konsistenza, effiċjenza u viżibilità lill-politika tal-UE dwr id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob biex ikun hemm impenn għal dikjarazzjoni inter-istituzzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex titfassal malli jkun possibbli; jappoġġa partikolarment l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE li jinvolvi l-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżgura l-implementazzjoni sħiħa, notabbilment rigward l-akkwist ta’ aktar koerenza politika permezz tal-elaborazzjoni sistemika tal-valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem qabel ma tniedi l-ftehimiet kollha tagħha u waqt in-negozjati; jesprimi d-determinazzjoni tiegħu li jagħmel użu sħiħ tal-Artikolu 218 tat-TFUE li skont tiegħu il-Parlament għandu jiġi infurmat mill-Kummissjoni fl-istadji kollha tan-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali;
53. Jemmen li l-Politika Ewropea tal-Viċinat li ġiet emendata għandha timplimenta kif suppost l-impenn tagħha biex tiżviluppa sħubija ġenwina mas-soċjetajiet u għandha tapprova, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni meħuda mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE li tagħmel dan mas-soċjetà ċivili tal-pajjiż terz, inkluż fil-livell lokali; ittenni l-appoġġ tagħha għat-twaqqif ta’ mekkaniżmu konsultattiv u ta’ monitoraġġ tas-soċjetà ċivili istituzzjonalizzat għall-ENI u l-istrumenti, il-politiki u l-istrateġiji l-oħra kollha;
54. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi adegwati u konkreti ta’ segwitu għar-Rapporti tal-Missjonijiet tal-UE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-SEAE u l-Parlament, billi jiġi żgurat li dawn il-programmi ta’ segwitu jkunu konnessi wkoll ma’ kwalunkwe programm ta’ żvilupp;
55. Iqis li hija kwestjoni prijoritarja li l-Kummissjoni tevalwa l-politika tal-involviment fi Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-maġġoranza tal-pajjiżi fid-dinja, fi ħdan perspettiva fit-tul ta’ politika industrijali fl-UE;
56. Huwa tal-fehma li l-politika kummerċjali fi ħdan il-qafas tal-politika industrijali mal-UE kollha għandha tikkontribwixxi biex ittejjeb il-valur tal-produzzjoni Ewropea, partikolarment permezz ta’ titjib fl-istandards tas-sostenibbiltà, l-iffaċilitar ta’ introduzzjoni fis-suq aktar rapida tat-teknoloġiji sostenibbli u aktar sostituzzjoni ta’ materji primi mhux rinovabbli u rari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibbaża l-politika kummerċjali tagħha fuq strateġija fit-tul li tindika b’mod aktar preċiż liema setturi industrijali għandhom jiġu żviluppati u mantnuti fl-UE matul it-tletin sena li ġejjin u liema jista’ jkun li jiffaċċjaw diffikultajiet serji, sabiex tiġi ffaċilitata diskussjoni miftuħa u ġusta fost is-sħab soċjali u ċ-ċittadini fl-Unjoni kollha u tkun ippreparata l-bażi għal proċess ta’ konverżjoni u ta’ rikwalifikazzjoni għal żmien twil għas-setturi industrijali fil-periklu u l-impjegati tagħhom;
57. Jenfasizza l-ħtieġa li jinsiltu l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, ekonomika, tal-klima, tal-ikel, tal-enerġija għal riforma fir-regoli kummerċjali globali, inkluż riforma tal-Istrumenti għad-Difiża tan-Negozju biex jindirizzaw id-dumping soċjali u ambjentali;
58. Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li għadhom għaddejjin u d-dewmien fl-allinjament mat-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tan-Negozju; Jiddispjaċih li r-rieżami tas-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi u r-Regolament pendenti dwar l-Aċċess għas-Suq għall-pajjiżi AKP mhux firmatarji tal-ftehimiet FSE, jonqsu milli jirrispettaw il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u l-interessi u t-tħassib tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
59. Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika opzjonijiet ġodda li jsaħħu l-istandards dwar ir-responsabbiltajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u l-impriżi kummerċjali relatati fir-rigward tad-drittijiet soċjali u ambjentali u l-mezzi possibbli ta’ implementazzjoni, notabbilment fil-qafas tal-industriji tal-estrazzjoni;
60. Jitlob komunikazzjoni dwar l-impatt tal-ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles mal-pajjiżi u r-reġjuni li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Koerenza tal-Politiki għall-Izvilupp u l-impatt tagħhom fuq l-aċċess għall-ikel u s-sikurezza tal-ikel f’dawn il-pajjiżi;
61. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-espansjoni tat-teknoloġiji ĠM fil-pajjiżi l-fqar; jemmen li sabiex tiġi akkwistata s-sikurezza tal-ikel, l-UE għandha, minflok, tinvesti fi produzzjoni agrikola sostenibbli u żżomm lura milli tinkoraġġixxi jew tappoġġa finanzjarjament proġetti marbuta mal-iżvilupp tal-bijoteknoloġija;
62. Jinsisti wkoll dwar il-ħtieġa li jiġu żviluppati kriterji ta’ sostenibbiltà li jorbtu legalment u li jipprevjenu li jirriżultaw klima negattiva, impatti ambjentali u soċjali mill-użu u mill-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija;
L-Implementazzjoni
63. Jenfasizza li minkejja d-daqs limitat tiegħu, il-baġit tal-UE jiġbor flimkien ir-riżorsi, jaġixxi bħala katalist u jipprovdi ekonomiji ta’ skala u effetti transkonfinali biex jakkwista l-objettivi politiċi tal-UE miftehma b’mod komuni; huwa konvint bil-qawwa li l-baġit tal-UE jirrapreżenta strument b’saħħtu ħafna li jżid l-investiment strateġiku b’valur miżjud Ewropew; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda għall-baġit tal-UE sabiex tiġi ffinanzjata kif suppost l-istrateġija UE2020 u l-kompetenzi ġodda stipulati fit-Trattat ta’ Lisbona u jinnota li dan jista’ jnaqqas il-kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-baġit tal-UE, li min-naħa tiegħu jista’ jiffaċilita l-konsolidazzjoni fiskali fil-livell nazzjonali;
64. Jinsisti dwar ir-rieda u l-volontà tal-PE li jinnegozja l-MFF (2014-2020) iżda jfakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar in-negozjat tal-MFF, li tgħid li mhuwiex ippreparat jagħti l-kunsens tiegħu għar-regolament MFF li jmiss mingħajr ftehim politiku dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, li tipprevedi l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprja ġodda, ittemm ir-ribassi eżistenti u u l-mekkaniżmi l-oħra ta’ korrezzjoni u twassal għal aktar trasparenza, ġustizzja u sostenibbiltà u li mhux se jkun possibbli li jintlaħqu l-miri politiċi tal-Unjoni mingħajr ffinanzjar adegwat minn baġit robust tal-UE;
65. Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni tal-pagamenti fil-baġit tal-UE; jemmen li l-livell ta’ pagament mitlub mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għall-baġit tal-2013 huwa livell minimu strett sabiex jiġu rispettati l-impenji li għadhom pendenti; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi s-sitwazzjoni tal-pagamenti mill-qrib waqt l-2013 u tissottometti abbozz li jemenda l-baġits jekk dan ikun meħtieġ; jemmen li n-nuqqas ta’ pagamenti fil-baġit tal-UE huwa kontradizzjoni ċara għall-ħtieġa li jkun stimulat it-tkabbir kif rakkomandat mill-Kunsill Ewropew;
66. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa u l-obbligu tagħha biex tressaq proċedimenti ta’ ksur kontra l-Istati Membri li naqsu milli jissodisfaw obbligu skont il-liġi tal-UE; ifakkar li s-setgħa diskrezzjonali konferita mit-Trattati lill-Kummissjoni fl-indirizzar tal-proċess ta’ ksur għandha tirrispetta l-istat tad-dritt, ir-rekwiżit tat-trasparenza u ta’ attitudni miftuħa u l-prinċipju tal-proporzjonalità u m’għandu qatt jipperikola l-ewwel mira ta’ din is-setgħa, li hija li tiġi garantita l-applikazzjoni fil-ħin u korretta tal-liġi tal-UE; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi li ċ-ċittadini/ min jagħmel l-ilmenti ma jiġux esklużi meta jindirizzaw il-konformità mal-liġi tal-UE u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi kodiċi proċedurali fil-forma ta’ regolament skont il-bażi legali l-ġdida tal-Artikolu 289 TFUE li jitlob ‘amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti’;
67. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.