Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0349/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0349/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-prijoritajiet tal-programm tal-Kummissjoni għall-2013

27.6.2012 - (2012/2688(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni

Gabriele Zimmer f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2012/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0349/2012
Testi mressqa :
B7-0349/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0349/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-programm tal-Kummissjoni għall-2013

(2012/2688(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. Billi l-UE llum għaddejja minn l-akbar kriżi ekonomika, soċjali u ta' leġittimità sa mit-twaqqif tagħha;

B.  Billi s-sitwazzjoni li diġà għandha livell estremament għoi ta' faqar fl-UE qed teħżien b'mod kostanti u se tilħaq livell ta' 84 miljum persuna, inkluż 19-il miljun tifel u tifla; billi fl-istess ħin il-volum ta' ġid żdied u hu ogħla minn dak ta' qabel il-kriżi;

C. Billi fl-isfond ta' livell għoli u persistenti ta' qgħad f'ħafna Stati Membri, b'mod partikolari il-qgħad fost iż-żgħażagħ qiegħda qed jikber;

D. Billi fl-istess ħin l-istituzzjonijiet tal-UE qed jimponu aktar restrizzjonijiet fuq il-baġits nazzjonali; billi din il-politika se twassal biex il-qgħad jikber, jonqsu sew il-pagi, togħla l-età tal-pensjoni, jonqos l-infiq pubbliku f'oqsma bħall-edukazzjoni u s-saħħa u tonqos id-domanda filwaqt li tħejji t-triq biex jiġi introdott programm ta' liberalizzazzjoni radikali;

E.  Billi l-miżuri ta' kontra l-kriżi tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali ħżienu u qed iwasslu għal kriżi ekonomika u soċjali aktar profonda f'ħafna Stati Membri;

F.  Billi l-politiki tal-UE kkontribwew sew biex tiżdied l-inugwaljanza u d-deklin ekonomiku fl-Unjoni Ewropea u qed joqtol l-idea ta' Unjoni bbażata fuq il-benessri u s-solidarjetà fost il-pajjiżi tal-Ewropa;

G. Billi r-rimedji proposti bħall-pakketti ta' governanza ekonomika u t-Trattat ta' Stabilità, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja se jneħħu b'mod permanenti l-politiki ta' għażla għall-gvernijiet tal-Istati Membri eletti demokratikament kif ukoll il-kontroll demokratiku mill-popli tal-Ewropa, inkluż mill-parlamenti nazzjonali; billi dan l-iżvilupp hu periklu serju għad-demokrazija fl-UE b'mod ġenerali;

H. Billi qed tikber resistenza popolari enormi kontra l-politiki tal-UE, bi protesti tal-massa, strajks ġenerali u forom oħra ta' reżistenza; billi r-riżultati tal-elezzjonijiet il-ġodda fil-Greċja u fi Franza juru li l-poplu irid bidla profonda tal-politika;

1.  Jenfasizza l-fatt li l-kriżi ekonomika u soċjali hi wkoll riżultat tal-politiki neoliberali tal-Kummissjoni li ppromovew swieq finanzjari deregolati, swieq liberalizzati tal-prodotti u tas-servizzi u l-finanzjalizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija kif ukoll it-tnaqqis tal-investiment pubbliku u suq tax-xogħol li qed ikun dejjem iżjed deregolarizzat; jikkritika bil-qawwa lill-Kummissjoni għaliex għadha ma tgħallmitx minn dan il-fatt; jemmen li l-miżuri ta' kontra l-kriżi tal-UE se jagħmlu l-kriżi kapitalista globali aktar profonda;

2.  Jitlob bidla radikali tal-politika li tqiegħed il-popli l-ewwel minflok li sservi l-interessi tas-swieq finanzjarji; jenfasizza l-urġenza ta' trasformazzjoni soċjali u ekoloġika tal-ekonomiji Ewropej;

3.  Itenni s-sejħa tiegħu biex jiġi revokat il-Patt ta' Stabilità u ta' Tkabbir u t-Trattat Internazzjonali dwar Stabilità, Koordinazzjoni u Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fl-istess waqt jitwaqqaf Patt għall-Impjiegi u t-Tkabbir li jinkoraġġixxi l-investiment pubbliku, isaħħaħ id-domanda interna, jappoġġa l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju u jistabilixxi ġabra ta' kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali speċifiċi magħmula apposta għall-ħtiġijiet partikolari ta' kull Stat Membru, b'mod partikolari jagħti attenzjoni partikolari għat-tnaqqis tal-qgħad u tal-faqar;

4.  Jinnota bi tħassib li tul is-snin minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona kienu kien hemm nuqqas ta' qbil serju bejn l-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-parteċipazzjoni demokratika u d-drittijiet tal-iskrutinju tal-Parlament Ewropew; jenfasizza l-fatt li d-demokratizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea hi importanti ferm għas-sopravvivenza tal-Unjoni Ewropea u li t-tisħiħ tar-rwol tal-Parlament Ewropew u dawk nazzjonali hu aspett importanti ta' din l-isfida;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-deċiżjoni dwar problemi fundamentali tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, pereżempju billi jiġu introdotti aktar strumenti ta' demokrazija diretta, b'mod partikolari referenda fl-Istati Membri tal-UE;

Il-ġlida kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi Pjan ta' Azzjoni biex timplimenta Strateġiji ta' Inklużjoni Attiva integrati mill-Istati Membri kollha, filwaqt li tiżgura introjtu minimu adegwat, aċċess għal servizzi u għal swieq tax-xogħol inklużivi; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal direttiva qafas dwar introjtu minimu adegwat, bil-għan li timplimenta d-dritt ta' kull persuna għal riżorsi suffiċjenti biex tgħix ħajja ta' dinjità; hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tipproponi objettiv tal-UE dwar pagi minimi (ftehimiet kollettivi statutorji fuq livelli nazzjonali, reġjonali u settorjali) biex tipprovdi għal pagi ta' għall-inqas 60% tal-paga medja minima rispettiva (nazzjonali, settorjali, eċċ) u biex tipproponi kalendarju dwar meta dan l-objettiv għandu jintlaħaq mill-Istati Membri kollha;

Qafas Ewropew għal Garanzija ta' Impjiegi u Taħriġ għaż-Żgħażagħ

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi proposta leġiżlattiva li tagħti garanzija vinkolanti għaż-Żgħażagħ u li tiżgura d-dritt ta' kull persuna żagħżugħa fl-UE li tkun offruta impjieg adatt u mħallas tajjeb bi qbil mal-kwalifiki u l-ħiliet, apprendistat, taħriġ addizzjonali u xogħol u taħriġ kumbinat immedjatament kif il-persuna tkun bla xogħol;

Faqar tal-anzjanità

8.  Ifakkar li l-faqar tal-anzjanità se jkun waħda mit-theddidiet ewlenin li s-soċjetajiet Ewropej iridu jiffaċċjaw; ifakkar lill-Kummissjoni li anke r-reviżjoni tad-Direttiva relatata mal-Istituzzjonijiet tal-Pensjonijiet għall-Irtirar mix-Xogħol jeħtieġ tirrifletti dan; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-iskemi kollha jagħtu livell adegwat ta' introjtu għall-pensjonanti biex dawn jgħixu b'dinjità;

9.  Jesprimi preokkupazzjoni dwar il-fatt li l-faqar tal-anzjanità hu ogħla fost in-nisa, jistieden lill-Kummissjoni biex speċifikament tiffoka fuq l-ugwaljanza tal-generu fil-politika tagħha dwar il-pensjonijiet u s-sigurtà soċjali pubblika fl-anzjanità għan-nisa, inkluż skema ta' pensjoni b'saħħitha tal-ewwel pilastru;

Id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi

10. Jirrimarka li l-miżuri ta' awsterità attwali jaffettwaw lin-nisa u l-irġiel b'modi differenti; jinnota li meta l-istat ma jerfax ir-responsabilitajiet tiegħu għas-saħħa, l-edukazzjoni u l-benessri tal-popolazzjoni, in-nisa jkollhom iġorru l-piż tal-kura tal-familja, u dan jagħmilha aktar diffiċli għan-nisa li jaċċessaw impjieg bi qliegħ, jistieden lill-Kummissjoni telabora attivitajiet speċjali li jlaħħqu ma' din l-isfida;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadha tippersisti fl-UE, u dan juri li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi attwali mhumiex suffiċjenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti f'dan il-qasam bil-għan li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet legali li jikkumbattu l-inugwaljanzi tal-pagi bejn in-nisa u l-irġiel;

12. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, filwaqt li tindirizza l-forom kollha ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; Din l-istrateġija għandha tinkludi azzjonijiet li jinkludu mekkaniżmi ta' prevenzjoni għall-persekuzzjoni, kenn u appoġġ kif ukoll leġiżlazzjoni dwar standards minimi kontra l-vjolenza kontra n-nisa;

13. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar kif għandhom ikunu implimentati l-objettivi ta' Barcellona dwar il-provvediment għall-kura tat-tfal, u kif nimxu lil hinn mill-istaġnar jew anke żviluppi lura f'ħafna Stati Membri f'dan il-qasam;

Reviżjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjieg

14. Jistieden lill-Kummissjoni biex ma tkomplix tippromovi r-riformi strutturali u neo-liberali tas-suq tax-xogħol tal-aħħar deċenni u biex telabora Strateġija Ewropea dwar l-Impjieg ibbażata fuq il-kunċett ta' 'Xogħol Deċenti' u l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO b'enfasi kbira fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli, filwaqt li tnaqqas b'mod gradwali forom prekarji ta' impjiegi, tabolixxi programmi ta' xogħol għall-benefiċċji soċjali (workfare programmes), tippromovi l-kwalità fix-xogħol, ittejjeb is-sigurtà soċjali, issaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema, tippromovi ħin ta' xogħol kollettiv eqser u r-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata; jenfasizza li l-linji gwida riveduti għandhom jinkludu enfasi speċifika fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, b'miżuri li jtejbu l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u miżuri li jiżguraw l-ugwaljanza fl-impjieg bejn in-nisa u l-irġiel;

15. Jistieden lill-Kummissjoni telabora Pjan ta' Azzjoni li jippromovi l-ħolqien ta impjiegi sostenibbli u ta' kwalità minn investiment immexxi mis-settur pubbliku f'oqsma ewlenin tal-ambjent u l-iżvilupp soċjali sostenibbli (pereżempju l-iffrankar tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, trasport sostenibbli, biedja organika, żvilupp urban u rurali sostenibbli, investiment fil-kura tas-saħħa u kura fuq perjodu twil ta' żmien, fir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, eċċ) u biex tipprovdi għal miżuri li jikkumbattu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

Drittijiet soċjali fundamentali u s-Semestru Ewropew

16. jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda fl-ilmenti miċ-ċittadini, l-NGOs soċjali u t-trejd unjins minħabba li d-drittijiet fundamentali (soċjali), inkluż id-dritt għal azzjoni kollettiva, għad-djalogu soċjali u għan-negozjar kollettiv, qed jiddgħajjfu jew ma jkunux rispettati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika tal-UE u b'mod partikulari l-kundizjonalità imposta fuq l-Istati Membri f'diffikultajiet finanzjarji mit-troika tal-KE/FMI/BĊE;

Reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol

17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol li tkun konformi mal-għan tar-rikonċiljazzjoni tal-impjiegi mal-ħajja privata, li inter alia, teħtieġ għall-inqas:

Ø limitu ċar tal-massimu tal-ġimgħa tax-xogħol f'livell tal-UE (li titnaqqas mit-48 siegħa preżenti għal 40 siegħa bħala l-ewwel pass, filwaqt li jiġu aboliti d-derogi u l-lacunae kollha preżenti fid-Direttiva eżistenti), li jipprovdi lill-Istati Membri b'inċentiv għal tnaqqis tal-ħin tax-xogħol fuq livell nazzjonali, u b'hekk jgħin jikkumbatti l-qgħad;

Ø abolizzjoni tal-possibilitajiet kollha ta' 'opt out' mid-Direttiva u implimentazzjoni sħiħa tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ħin on-call fuq il-post tax-xogħol għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol, mistrieħ kumpensat għandu jingħata immedjatament wara perjodu ta' ħin fuq xogħol);

Ø fejn ħaddiem ikollu iżjed minn kuntratt tax-xogħol wieħed, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem ikun it-total tal-perjodi ta' ħin maħdum għal kull wieħed mill-kuntratti;

Tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u protezzjoni fil-kuntest tar-ristrutturar; responsabilità korporattiva

18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi proposta għal qafas leġiżlattiv dwar ir-ristruttur u li tantiċipa t-tibdil, bħala segwitu għall-Green Paper tagħha tal-2012 dwar dan il-punt; jinsisti li l-qafas leġiżlattiv għandu jkollu l-għan li jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema u jipproteġi l-impjieg tagħhom fir-rigward tar-ristruttur; jixtieq li l-Kummissjoni tipprovdi għodda u strumenti li attivament jindirizzaw it-tibdil fl-industrija u s-servizzi fid-direzzjoni ta' żvilupp ambjentali u soċjali sostenibbli, inklużi dispożizzjonijiet għal tranżizzjonijiet tal-impjieg li jgħaqqdu flimkien l-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi ġodda ma' stabilità tal-impjieg, kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-ħaddiema u d-djalogu soċjali;

19. Jistieden għal evaluazzjoni u reviżjoni tad-direttivi dwar is-sensji kollettivi (75/129/KEE, kif emendata bid-Direttiva 92/56/KEE), trasferimenti ta' impriżi (77/187/EEC) u l-insolvenza (80/987/EEC), sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema fir-rigward tat-tibdil industrijali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi direttiva li tistabbilixxi l-ogħla standards minimi ta' protezzjoni kontra l-issensjar individwali mhux ġustifikat;

20. Jinsab ixxukkjat mill-passat ta' uħud mill-kumpaniji Ewropej fir-rigward tar-responsabilità soċjali korporattiva tagħhom, inkluż responsabilità ambjentali meta joperaw fi swieq terzi, hu tal-fehma li l-obbligi volontarji tar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (CSR) huma insuffiċjenti biex jittrattaw dawn in-nuqqasijiet; jitlob għalhekk biex jitwaqqaf mekkaniżmu/obbligi legalment vinkolanti u infurzabbli ta' Responsabilità Soċjali Korporattiva għall-kumpaniji kollha bbażati fl-Ewropa;

21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tevita milli tipproponi ftehim ta' kummerċ ġdid li bħala effett jagħmel ħsara lill-industrializzazzjoni tal-Ewropa u jnaqqas l-impjiegi;

Is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

22. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq proposti leġiżlattivi fil-Progamm ta' Ħidma tagħha li jirreferi għal dan li ġej:

Ø Reviżjoni tal-Pakkett dwar l-Iġene;

Ø Proposta dwar l-użu ta' tekniki ta' Ikklonar għall-produzzjoni tal-ikel;

Ø Proposta leġiżlattiva ġdida għal ikel ġdid;

Ø Qafas leġiżlattiv għal azzjoni kontra r-reżistenza antimikrobjali;

Ø Reviżjoni tal-kriterji u d-definizzjonijiet applikabbli għal sustanzi li jħarbtu s-sistema endokrinali;

Ø Direttiva ġdida dwar diżordnijiet muskoloskeletali (MSD) li diġà huma mħabbra fil-programm ta' xogħol tagħha għall-2011;

23. Iħeġġeġ lill-Kummmissjoni tippreżenta proposta dwar l-istrateġija l-ġdida tal-Komunità għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni ma tkomplix bl-approċċ tal-istrateġija preċedenti (2007-2012), li tħares lejn is-saħħa fuq ix-xogħol primarjament bħala varjabbli tal-produttività u l-kompetittività tan-negozji;

24. Isejjaħ għal reviżjoni tad-Direttiva 2004/37 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji assoċjati ma' espożizzjoni għal Karċinoġeni u Mutaġeni fuq ix-xogħol; jenfassizza li l-ambitu ta' dik id-Direttiva jeħtieġ li jiġi estiż biex jikkunsidra fatturi ġodda ta' riskju;

Riżoluzzjoni tal-kriżi finanzjarja

25. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa proposti għal soluzzjonijiet komprensivi u sostenibbli biex tinstab soluzzjoni għall-problemi soċjali u ekonomiċi u biex nerġgħu lura għal kontijiet pubbliċi bilanċjati bħal:

Ø intervent dirett tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq is-suq primarju tal-bonds sovrani sabiex jippermetti lill-Istati Membri tal-UE jilliberaw lilhom infushom mill-kontroll tas-swieq finanzjarji u l-attakki spekulattivi tagħhom;

Ø l-introduzzjoni ta' klawsoli ta' salvagwardja tal-pagi, li jirrispettaw b'mod sħiħ l-awtonomija tas-sħab soċjali li jinnegozjaw pagi u kundizzjoni tax-xogħol b'mod kollettiv;

Ø it-twaqqif ta' dispożizzjonijiet ta' salvagwardja u li jistimulaw tkabbir ta' kwalità għolja; l-esklużjoni ta' investimenti pubbliċi li jappoġġaw tkabbir potenzjali mir-'regola ta' baġit bilanċjat';

Ø is-salvagwardja tad-dħul pubbliku b'miżuri li jikkumbattu l-kompetizzjoni tat-taxxa, il-frodi u l-evażjoni;

Ø it-twaqqif ta' Programm ta' Investiment' addizzjonali;

26. Jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq miżuri li jkollhom l-għan li jqassmu l-ġid b'mod aktar ekwu fl-Unjoni Ewropea, jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali;

27. Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-proposta għal direttiva dwar 'qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijet tal-kreditu u l-kumpaniji tal-investiment'; jiddispjaċih, madankollu, dwar id-dewmien ta' din l-inizjattiva; iqis dan bħala l-ewwel pass lejn it-trażżin tal-poter tal-industrija finanzjarja; iqis il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali bħall-kontroll pubbliku tas-swieq finanzjarji kif ukoll is-separazzjoni tas-servizzi bankarji kummerċjali minn dawk ta' investiment u l-ġlieda kontra sistema ta' banek paralleli;

28. Ifakkar lill-Kummissjoni li prodotti finanzjarji ferm kumplessi kkontribwew b'mod xjentifiku għall-kriżi ekonomika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis dan il-fatt meta tressaq leġiżlazzjoni addizzjonali dwar swieq kapitali bħall-PRIPS, il-UCITS u l-'close-out netting';

Il-politiki reġjonali u ta' koeżjoni

29. Jenfasizza li l-politika reġjonali hija għodda indispensabbli għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, li għandha l-għan prinċipali li tnaqqas id-disparitajiet reġjonali, il-promozzjoni tal-konverġenza reali, l-inkoraġġiment tat-tkabbir u l-impjiegi; jinsisti li l-politika tal-konverġenza trid titkompla u tissaħħaħ wara l-2013 u għandha tibqa' dejjem politika indipendenti li tipprovdi żvilupp sostenibbli (ekonomiku, soċjali, ambjentali u territtorjali), it-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni u tan-nuqqas ta' żvilupp fl-ifqar reġjuni;

30. Jirrifjuta l-approċċ tal-Kummissjoni li tissubordina l-politika ta' koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettiv tal-kompetittività;

31. Jirrifjuta l-użu tal-kundizzjonalità makroekonomika għall-Patt ta' Stabilità u Tkabbir bħala rekwiżit għal aċċess għall-fondi tal-politika ta' koeżjoni u ta' żvilupp reġjonali; jinsisti li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex tintuża bħala strument ta' piena finanzjarja;

32. Jemmen li l-iffinanzjar eżistenti tal-UE u r-riżorsi finanzjarji attwali tal-UE għall-politika ta’ koeżjoni huma insuffiċjenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ konverġenza reali, id-disparitajiet reġjonali, il-livelli għolja ta’ qgħad, l-inugwaljanzi fl-introjtu u l-faqar fl-Unjoni Ewropea; jinnota l-bżonn li l-baġit tal-UE jissaħħaħ fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza l-importanza li l-ġestjoni u l-ippjanar territorjali jibqgħu fir-responsabilità tal-Istati Membri individwali;

Tibdil fil-klima

33. Jenfasizza li l-kriżi ekonomika globali ma tistax tintuża u m'għandhiex tintuża bħala skuża biex ma titteħidx azzjoni jew biex tiġi rrifjutata l-ġustizzja klimatika; itenni li l-iżvilupp ta' ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju hija parti fundamentali sabiex noħorġu mill-kriżi preżenti; għalhekk jitlob li l-innovazzjoni ekoloġika tkun il-bażi sabiex tiġi trasformata l-industrija biex ikun hemm tkabbir sostenibbli, jiġu promossi t-teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, titnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija u jiġu żgurati l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u ekonomika kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw;

34. Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2013 tieħu inizjattiva fl-oqsma li ġejjin:

Ø Leġiżlazzjoni li tikseb l-objettivi strateġiċi ta' livell għoli tal-UE dwar l-effiċjenza tar-riżorsi u t-trażizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju;

Ø Strateġija li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 minn Vetturi Heavy Duty;

Ø Reviżjoni tal-politiki dwar il-kwalità tal-arja;

Ø Proposta għal Direttiva li tindirizza l-emissjonijiet NOx mill-avjazzjoni;

Ø Reviżjoni tal-impatt ta' bidla indiretta fl-użu tal-art (ILUC) relatati ma' bijofjuwils u bijolikwidi fuq emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra u li tindirizza modi biex dawn jiġu minimizzati;

Riforma tal-PAK

35. Ifakkar li l-politika agrikola għandha tiggarantixxi l-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità u fi kwantità suffiċjenti, tipparteċipa fil-ġlieda kontra l-ġuħ fid-dinja, tippermetti lill-bdiewa żgħar u medji jaqilgħu għajxien xieraq, toħloq l-imjiegi, tiżviluppa l-art, tipparteċipa fit-titjib tal-bilanċ ekoloġiku u timmira lejn bidla fit-tendenzi tal-konsumaturi sabiex tiġi evitata l-ħela eċċessiva tal-ikel;

36. Jirrifjuta r-riforma proposta tal-KAP tal-Kummissjoni, li b'mod ġenerali hi liberalizzata u orjentata lejn is-suq, jargumenta li l-politika agrikola għandha tappoġġa u jkollha bħala prinċipju d-dritt għas-sovranità u s-sigurtà tal-ikel u li jkollha l-punti bażiċi ewlenin tagħha;

Ø Produzzjoni ta' ikel sikur, adegwat u ta' kwalità skont l-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż u f'konformità mal-protezzjoni ambjentali u li ma jkunx għali; L-Istati Membri kollha għandu jkollhom il-flessibilità li jadattaw il-PAK għal ħtiġijiet tal-Istat Membru tagħhom;

Ø It-twaqqif u l-inverżjoni tas-sitwazzjoni ta' deklin taż-żoni rurali, id-deżertifikazzjoni f'ħafna żoni u l-abbandun tal-produzzjoni, u l-ħtieġa li r-rwol tal-produtturi żgħar u medji u tal-familji agrikoli jiġi rikonoxxut u jingħata prijorità għall-kisba ta' din il-mira;

Ø Miżuri u strumenti tar-regolazzjoni tas-suq sabiex tiġi indirizzata l-instabilità tas-setturi produttivi kkawżati minn varjazzjonijiet fil-produzzjoni u l-konsum u l-iżgurar ta' prezzijiet ġusti għall-produzzjoni, it-tmiem ta' abbużi kbar mix-xerrejja u t-traparenza tul il-katina alimentari;

Ø L-introduzzjoni ta' miżuri korrettivi dwar differenzi fit-tqassim tal-għajnuna għall-bdiewa, prodotti tar-raba' u pajjiżi, kif ukoll bħala skema ta' għajnuna għall-produzzjoni totalment differenzjata fuq livell nazzjonali, reġjonali u settorjali;

Ø Miżuri tanġibbli li jilħqu s-simplifikazzjoni;

Ø Livell adegwat ta' fondi kapaċi li jilħqu dawn l-għanijiet u sfidi futuri;

Ø Użu anqas ta' enerġija fuq territorju iżgħar u possibbilità ta' teknoloġiji aktar ħodor u aktar sostenibbli li jħarsu l-ambjent u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, għandu jkun hemm rifjut ta' GMOs u l-użu ta' kwalunkwe teknoloġija ġdida li tirrispetta l-prinċipju prekawzjonarju u għandhom ikunu kompletament disponibbli r-riżultati u l-metodoloġija tal-istudji kollha relatati ma' teknoloġiji agrikoli ġodda;

37. Jitlob distribuzzjoni ġdida tal-għajnuna pubblika, b'kunsiderazzjoni tal-kriterji tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-art, in-newb tal-għelejjel u d-diversifikazzjoni u r-rispett tal-ambjent. L-appoġġ pubbliku m'għandux jikkunsidra biss l-erja tal-art, iżda lill-ħaddiema u l-produzzjoni;

38. Jitlob b'urġenza lill-Kummissjoni tiżgura politika għall-prezzijiet rimunerattivi għal volum ta' produzzjoni tal-agrikultura għall-impriżi tal-biedja, u jekk din ma ssirx, tissaħħaħ sistema ta' protezzjoni f'diversi livelli, inkluż mekkaniżmu ta' salvagwardja 'f'każijiet ta' kriżi' sabiex titnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti kkawżata minn spekulazzjoni finanzjarja dwar prodotti agrikoli bażiċi;

39. Ifakkar il-bżonn li jinżammu strumenti għar-regolarizzazzjoni tas-suq bħal sistema ta' kwoti fuq il-produzzjoni fis-setturi tal-ħalib jew iz-zokkor;

40. Jitlob lill-Kummissjoni tniedi pjan ewlieni ta' 'proteina' li jippermetti lill-Unjoni Ewropea tikseb l-awtosuffiċjenza tagħha u tevita l-kriżijiet kontinwi tal-qamħ;

Politika tas-Sajd

41. Jirrifjtua l-proposta dwar il-Politika tas-Sajd Komuni ġdida u jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevediha; itenni li l-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida għandha tippromwovi l-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd, b'mod li tiżgura l-vijabilità soċjoekonomika tiegħu, is-sostenibilità tar-riżorsi, iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd;

42. Jirrifjuta kull forma ta' privatizzazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, inkluz il-ħolqien ta' kwoti jew konċessjonijiet individwali tas-sajd li jkunu trasferibbli, li jwasslu għal suq tal-kwoti fl-Istati Membri, li jikkonċentra l-attività fuq l-operaturi l-aktar ekonomikament u finanzjarment b'saħħithom, b'hekk ixekkel is-sajd tradizzjonali;

43. Jinsisti fuq miżuri għat-titjib fil-prezz tal-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd u fid-dħul tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd, fuq mekkaniżmi ta' sussidju jew kumpens għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd milquta mir-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet ta' rkupru, mill-ġestjoni multiannwali u minn miżuri għall-protezzjoni tal-ekosistemi;

44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd fuq skala żgħira u dak kostali u li tanalizza l-punt safejn l-istrumenti eżistenti huma adattati għall-ħtiġijiet tas-settur, filwaqt li tadattahom b'mod adegwat;

45. Jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġu żgurati s-sovranità nazzjonali fuq iż-Żona Ekonomika Esklużiva tal-Istati Membri u r-riżorsi tas-sajd tagħhom, filwaqt li tiġi permessa l-ġestjoni tal-prossimità; huwa tal-fehma li 12-il mil għandhom jinżammu bħala żona ta' aċċess esklużiv għall-flotta nazzjonali ta' kull Stat Membru u jipproponi li tiġi kkunsidrata l-possibilità tal-estensjoni tagħha għal żoni fil-qrib tagħhom li jsegwu l-blata kontinentali;

Drittijiet Fundamentali

46. Jinsab ferm imħasseb bix-xejra li għaddejja ta' standards aktar baxxi tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija; jenfasizza li f'dan il-qasam tat-tielet pilastru preċedenti, l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem għandhom b'mod ugwali jibqgħu jitħarsu meta wieħed iqis il-konsegwenzi ferm invadenti fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej; joġġezzjona għal kull tip ta' diversifikazzjoni tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-Kummissjoni li tħares u tirrispetta d-drittijiet fundamentali bl-istess mod fil-proposti li se tressaq fl-UE TFTS, l-Europol u l-emenda li se ssir għar-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali;

47. Itenni d-diżappunt tiegħu dwar ir-reazzjonijiet imdewma tal-Kummissjoni dwar każi ta' ksur skandalużi tad-drittijiet tal-bniedem kif deher is-sena l-oħra fi Franza bit-tkeċċija tar-Roma, ir-riforma Kostituzzjonali Ungeriża u defiċit demokratiku fil-Latvja fejn dawk li mhumiex meqjusa ċittadini (14.6% tal-popolazzjoni kollha) la jistgħu jivvutaw u lanqas jiġu eletti f'elezzjonijiet lokali, fost oħrajn, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-azzjonijiet tagħha biex tara li l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem kif definiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jkunu mħarsa fl-Unjoni Ewropea kollha;

Ażil u migrazzjoni

48. Jerġa' jafferma l-oppożizzjoni tiegħu għall-approċċ repressiv tal-politiki tal-immigrazzjoni tal-UE; jitlob għalhekk li jittieħdu inizjattivi ġodda li għandhom jiffukaw iżjed fuq mogħdijiet ta' dħul legali għall-migranti u fuq it-twaqqif ta' karta tad-drittijiet tal-migranti kollha, filwaqt li jappoġġa r-regolarizzazzjoni tal-migranti li diġà huma residenti u jaħdmu fl-UE;

49. Jitlob li tiġi ppreżentata direttiva speċifika li jkun fiha, u li tittraduċi fil-lingwi kollha tal-UE, id-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familji Tagħhom, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Diċembru 1990;

50. Jenfasizza li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi hi ferm meħtieġa fir-rigward tal-immigrazzjoni kollha tal-UE u fil-politika tal-migrazzjoni, inkluż li tiżgura li talbiet ta' ażil ibbażati fuq il-ġeneru jkunu aċċettati fl-Istati Membri kollha tal-UE, it-tisħiħ tad-drittijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, l-iżgurar tal-mara bi status legali indipendenti, kif ukoll l-iżgurar ta' ugwaljanza u nondiskriminazzjoni għal nisa migranti mingħajr dokumenti;

Protezzjoni tad-data u sigurtà tad-data

51. Jinsab ferm imħasseb li l-Kummissjoni ma ħatfitx l-opportunità offruta mir-reviżjoni tal-qafas attwali tal-protezzjoni tad-data tal-UE biex tallinja u tgħaqqad il-prinċipji u l-istandards tal-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija mar-reġim ġenerali tal-protezzjoni tad-data; jinsab ferm imħasseb bl-istandards ferm baxxi fid-Direttiva proposta u jtenni l-intenzjoni tiegħu li jfittex it-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija minħabba l-interess li qed jikber ta' aġenziji ta' infurzar tad-data personali bi sjieda fis-settur privat; Jinsisti li l-Kummissjoni tressaq reviżjoni tar-Regolament 45/2001 bil-għan li tallinja r-reġim tal-protezzjoni tad-data li għalih huma suġġetti l-istituzzjonijiet tal-UE b'Regolament ġdid tal-protezzjoni tad-data ġenerali;

52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Data 2006/24/KE għas-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża (BVerfG, 1 BvR 256/08 of 2 ta' Marzu 2010), li tenfasizza l-ħtieġa li jiġu murija l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-perjodi taż-żamma tad-data;

LGBT

53. Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina d-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija bil-għan li jissaħħaħ u jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha biex jinkludi r-reati ta' mibegħda abbażi tal-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq il-pjan direzzjonali tal-UE dwar l-ugwaljanza ta' persuni LGTB u biex tapplika approċċ orizzontali biex ikun hemm rispett għal persuni LGBT fil-proposti leġiżlattivi tagħha, l-aktar issa li d-Direttiva kontra d-diskriminazzjoni għadha mblukkata fil-Kunsill;

Europol

54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid superviżjoni trasparenti u demokratika fl-attivitajiet, fl-allokazzjoni tal-baġit u fil-valutazzjoni tat-theddid tal-Europol, mhux biss a posteriori imma wkoll ex ante; itenni l-fehma tiegħu li l-Europol għandu jikkonforma b'mod sħiħ mad-drittijiet fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta li tiżgura li lil dawk kollha li japplika għalihom 'Mandat ta' Arrest Ewropew' ikollhom aċċess għall-ġustizzja, li tiggarantixxi aċċess għall-ġustizzja u l-qrati, id-dritt għal għajnuna legali mingħajr ħlas, id-dritt għal proċess indipendenti fi żmien raġonevoli, mingħajr diskriminazzjoni u indipendentement mill-aspetti amministrattivi, ekonomiċi, soċjali, kulturali u lingwistiċi; jenfasizza li dan għandu jkun konformi mal-istandards u l-prinċipji l-aktar stretti tal-protezzjoni tad-data minħabba l-ammont kbir ta' bażijiet tad-data li l-aġenzija għandha aċċess għalihom; jopponi bil-qawwa x-xejra li qed tiżdied tal-Europol li jfittex aċċess għal bażijiet tad-data privati;

55. għandu jirrispetta d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data u għandu jkun konformi mal-istandards u l-prinċipji l-aktar stretti tal-protezzjoni tad-data minħabba l-ammont kbir ta' bażijiet tad-data li l-aġenzija għandha aċċess għalihom; jopponi bil-qawwa x-xejra li qed tiżdied tal-Europol li tfittex aċċess għal bażijiet tad-data privati;

Trasparenza

56. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel ir-reġistru komuni għat-trasparenza obbligatorju għar-rappreżentanti kollha ta’ partijiet interessati u jissuġġerixxi regoli aktar sodi għal żvelar finanzjarju fir-reviżjoni li jmiss tar-reġistru;

57. Ifakkar lill-Kummissjoni fil-bżonn ta’ reviżjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta għall-Kummissarji u b’mod partikolari sabiex tindirizza effettivament il-problema ta’ dħul u ħruġ ta’ malajr (revolving door); barra minn hekk jitlob li jissaħħu d-dispożizzjonijiet rigward id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Kummissarji;

58. Jerġa jfakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha li tiżviluppa aktar trasparenza u aċċess għad-dokumenti u toħroġ mingħajr dewmien bi proposta ġdida għal bidliet għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

ACTA

59. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu t-tagħlimiet mill-protesti pubbliċi kontra n-nuqqas intrinsiku ta' trasparenza fin-negozjati tal-Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA); jinsisti li n-negozjati kollha dwar il-falsifikazzjoni u l-piraterija għandhom iżommu mal-objettivi u l-ħtiġijiet speċifiċi li jitmexxew bi trasparenza sħiħa, responsabilità u rispett tal-libertajiet u d-drittijiet ċivili, inkluż il-libertà tal-internet, fil-qafas tal-entitajiet internazzjonali xierqa u jinkludu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jikkunsidraw il-ħtieġa leġittima tagħhom għal traferiment tat-teknoloġija; jinsisti li l-Parlament kif ukoll is-soċjetà ċivili jeħtieġ li jkunu involuti fid-definizzjoni tal-mandat ta' negozjati ta' kull ftehim ta' kummerċ futur kif ukoll tal-kummerċ attwali;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-kummerċ internazzjonali

60. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-azzjonijiet esterni kollha tal-Unjoni Ewropea inklużi l-kummerċ internazzjonali u l-kooperazzjoni kummerċjali ma' pajjiżi u reġjuni terzi jeħtieġ li jkunu ggwidati mill-prinċipju tal-koerenza tal-politika, ir-rispett u l-implimentazzjoni tad-drittijiet politiċi u tad-drittijiet soċjali tal-bniedem, għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tissuspendi l-ftehimiet ta' kummerċ eżistenti u n-negozjati ta' ftehim kummerċjali ma' pajjiżi li qed jiksru d-drittijiet bażiċi demokratiċi u tal-bniedem;

61. Jinsisti bil-qawwa li kull ftehim ta' kummerċ negozjat mill-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ li jinkludi kliem assertiv u drittijiet tal-bniedem legalment vinkolanti u kapitoli sostenibbli kif ukoll mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim rispettivi fil-ftehimiet ta' kummerċ li qed jiġu negozjati; jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ u l-iżvilupp u jinsisti li l-objettivi ewlenin tal-politika ta' kummerċ tal-UE għandha tkun li tikkontribwixxi għal tkabbir u żvilupp- soċjali, ekoloġiku u ekonomiku sostenibbli fl-interess taċ-ċittadini kollha;

62. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tordna studju għal valutazzjoni tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex tipprovi l-konklużjoni tagħha lill-PE qabel ma' tinizjala kwalunkwe ftehim internazzjonali ta' kummerċ;

63. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieqaf tpoġġi pressjoni għall-firma tal-FSEs, li tiżgura relazzjonijiet alternattivi deċenti għal dawk il-pajjiżi li jiddeċiedu li ma jiffirmawx FSE jew FTA; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmi internazzjonali ġodda li jevitaw l-ispekulazzjoni dwar l-ikel u li jistabbilizzaw il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi;

Żvilupp

64. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-programm ta' ħidma tagħha, tagħti prijorità lir-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna umanitarja; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' żieda fl-approprjazzjonijiet u għal tisħiħ fil-kapaċitajiet u r-riżorsi bil-għan li jiġi żgurat li l-provvediment tal-għajnuna umanitarja jibqa' purament kompitu ċivili; itenni li la l-għajnuna umanitarja u lanqas il-politika ta' żvilupp ma jistgħu jsiru suġġett għall-bżonnijiet tal-politika ta' sigurtà tal-UE;

65. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, biex tirrevedi 'l-linji gwida tagħha dwar il-ħtif tal-art'; jiġbed l-attenzjoni għan-natura fundamentali tad-'dritt għall-ikel'; jirrimarka li ħtif tal-art massiv u l-użu tal-art biex jiġu prodotti l-bijofjuwils għall-esportazzjoni qed inaqqsu l-abilità tal-popli lokali fil-pajjiżi l-aktar fqar tad-dinja li jaqilgħu l-għajxien u jmantnu lilhom infushom, b'hekk ipoġġu fil-periklu s-sovranità tal-ikel ta' dawk il-pajjiżi;

Politika tal-Viċinat

66. Jiddispjaċih li r-revżjoni tal-PEV ma bidlitx l-orjentament fir-relazzjoni tal-UE mal-Afrika tat-Tramuntana, il-Lvant Nofsani u l-pajjiżi tal-Peniżula Għarbija minħabba li hi bbażat fuq interessi ekonomiċi u mhux fuq id-domanda tal-popli għal-libertajiet u d-demokrazija; jenfasizza li dawn ir-rewwixti wrew il-falliment tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

67. Jitlob lill-UE tiżviluppa sħubija reali ta’ interessi reċiproċi għall-iżvilupp fid-dimensjonijiet u fil-forom ta’ koperazzjoni kollha tagħha li jinkoraġġixxu lill-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li tirrifletti r-realtajiet soċjoekonomiċi ta’ kull pajjiż sieħeb; huwa tal-fehma li l-integrazzjoni ġenwina tal-PEV tista’ tinkiseb biss jekk isir progress tanġibbli fis-soluzzjonijiet tat-tensjonijiet politiċi u l-kunflitti reġjonali fir-reġjun, partikolarment fil-Palestina u s-Sahara tal-Punent, u li huwa permezz tal-integrazzjoni li l-klima ta’ fiduċja favorevoli għat-twettiq tal-għanijiet ta’ baċir tal-Mediterran mingħajr militar, fl-ispirtu ta’ solidarjetà u paċi tista' tkun possibbli;

Tkabbir

68. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-UE għandha tiżviluppa relazzjonijiet ta' benefiċċju reċiproku mal-pajjiżi ġirien kollha, bbażati fuq ir-rispett reċiproku u l-fehim; jinsisti li l-UE għandha tkun miftuħa għall-pajjżi kollha Ewropej fejn il-poplu jixtieq jingħaqad mal-UE; jenfasizza li l-politika ta' tkabbir tal-UE għandha titmexxa b'rispett sħiħ għal-Liġi Internazzjonali;

69. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li matul il-proċess ta' negozjati għal adeżjoni, il-pajjiżi kandidati jilħqu l-kriterji ta' Kopenhagen, jevitaw riformi li jħallu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni soċjali tal-popolazzjoni, jirrispettaw il-Liġi Internazzjonali u jiżviluppaw relazzjonijiet bilaterali u tajba mal-Istati Membri tal-UE ġirien tagħhom;

70. Jenfasizza li l-programmi ta' azzjoni tal-pajjiż għandhom jikkunsidraw il-kundizzjonijiet speċifiċi ta' kull pajjiż, jevitaw li jimponu miżuri u riformi li jkunu ta' ħsara għall-ħaddiema u l-poplu b'mod generali;

71. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-ġestjoni tal-fondi IPA bil-għan li tiggarantixxi l-akbar benefiċċju għall-benefiċjarji u skrutinju parlamentari sħiħ;

Baġit u Qafas Finanzjarju Multiannwali

72. Jistenna li l-Kummissjoni tappoġġja b'mod ċar it-talbiet tal-Parlament Ewropew li l-pożizzjonijiet politiċi li qabel dwarhom il-Kunsill Ewropew jiġu negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill, kif rappreżentat mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali, qabel ma l-Kunsill jissottometti l-proposti tiegħu formalment bil-għan li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament dwar ir-regolament tal-QFM skont l-Artikolu 312 tat-TFUE; jenfasizza li n-negozjati dwar il-proposti leġiżlattivi relatati mal-programmi multiannwali se jsiru skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u se jiġu finalizzati ġaladarba jintlaħaq ftehim dwar il-pakkett finanzjarju tagħhom; jinsab determinat li jagħmel użu sħiħ, skont il-każ, tal-poteri tiegħu ta’ approvazzjoni u l-poteri leġiżlattivi ordinarji, kif imnaqqxa fit-Trattat; itenni li jinsab ferm imħasseb li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jistgħu jantiċipaw in-negozjati leġiżlattivi;

73. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-baġit tal-UE għandu jirrapreżenta għodda b'saħħitha biex jiżdied il-tkabbir li jiġġenera l-investiment, il-progress soċjali u l-impjiegi filwaqt li jkollu l-għan li jkabbar il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali fl-Unjoni kollha; iwiegħed b'mod partikolari l-konċentrazzjoni tar-riżorsi fil-politiki u l-programmi li huma strumentali li jilħqu dawk l-objettivi, l-aktar dawk li jappoġġaw iż-żgħażagħ u l-SMEs; jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun imfassal b'mod li jkollu impatt ekonomiku reali, filwaqt li jikkumplimenta l-politiki ta' rkupru tal-Istati Membri;

74. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi proposti li jiggarantixxu lill-Unjoni b'livell adegwat ta' riżorsi kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-baġit tas-snin li ġejjin kif ukoll mal-QFM 2014/2020 li jmiss;

75. Ifakkar li l-2013 hi l-aħħar sena tal-QFM attwali, fejn l-implimentazzjoni tal-proġetti kofinanzjati jkunu għaddejjin b'veloċità kbira u hu mistenni li jaċċelleraw aktar u li l-parti l-kbira tal-pagamenti mistenni li tilħaq lill-Kummissjoni fit-tieni nofs tas-sena; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex immedjatament janalizzaw u jevalwaw, flimkien mal-Parlament, iċ-ċifri u r-rekwiżiti sabiex ma jpoġġux fil-periklu l-implimentazzjoni għall-2013; jirrimarka li nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet jipperikolaw programmi li attwalment qed jiffunzjonaw tajjeb;

76. Jenfasizza barra minn hekk, li l-2013 se tkun sena fejn, minħabba l-għeluq tar-regola N+3, talbiet ta' pagamenti mressqa mit-12-il Stat Membru jeħtieġ ikunu ppreżentati għal żewġ impenji annwali ta' pagamenti (pagamenti għall-2010 u l-2011 skont ir-regola N+3 u r-regola N+2, rispettivament); iqis għalhekk, bħala minimu, iż-żieda proposta f'approprjazzjonijiet ta' ħlasijiet ta' 11.7% (għal EUR 48.975 miljun) kif imqabbla mal-aħħar sena minħabba li, kif semmiet il-Kummissjoni, huma strettament relatati mal-2013 u tassumi li l-ħtiġijiet ta' ħlasijiet mis-snin precedenti se jkollhom jiġu koperti;

77. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.