MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (28-29 ta' Ġunju 2012)
3.7.2012 - (2011/2923(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Joseph Daul, Corien Wortmann-Kool, Marian-Jean Marinescu f'isem il-Grupp PPE
B7‑0406/2012
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew (28-29 ta' Ġunju 2012)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2012 kif ukoll id-dikjarazzjoni tas-Samit taż-Żona tal-Euro,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill Ewropew wera l-impenn tiegħu fir-rigward ta' miżuri fuq medda ta' żmien qasira iżda wkoll medja għal twila, li se jergħu jibnu l-fiduċja u jrawmu t-tkabbir u l-kompetittività;
1. Jilqa' l-pakkett ta' miżuri għat-tkabbir kif appoġġat mill-Kunsill Ewropew; ifaħħar id-determinazzjoni tal-istituzzjonijiet kollha - il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament - biex jiffokaw b'mod ċar fuq it-trawwim tat-tkabbir, tal-impjiegi u tal-kompetittività; jitlob li din il-prijorità tkun onorata fil-proposti kollha ta' ħidma u leġiżlattivi fix-xhur li ġejjin; jilqa' l-mobilizzazzjoni ta' EUR 120 biljun biex jiżdied il-finanzjament tal-ekonomija; jitlob li dan il-finanjzament ikun dirett b'mod partikolari lejn is-SME;
2. Jilqa' l-appoġġ tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż min-naħa tal-Kunsill Ewropew, u jitlob lill-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom bis-sħiħ f'dan ir-rigward u jistabbilixxu r-riformi strutturali meħtieġa biex itejbu ulterjorment il-kredibilità u l-kompetittività tagħhom;
3. Jilqa' d-dikjarazzjoni tas-Samit taż-Żona tal-Euro tad-29 ta' Ġunju li tibgħat sinjal qawwi tad-determinazzjoni taż-żoni tal-Euro li jieħdu l-passi meħtieġa biex jegħlbu l-kriżi u jerġgħu jistabbilixxu l-kredibilità;
4. Jilqa' d-dikjarazzjoni tas-Samit taż-Żona tal-Euro li jista' jsir użu flessibbli u effiċjenti mill-istrumenti tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u tal-MES eżistenti għal Stati Membri li jirrispettaw ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tagħhom u l-impenji l-oħra tagħhom, inkluż is-Semestru Ewropew u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jenfasizza li dan l-akkoppjament ta' żieda fil-flessibilità u kondizzjonalità se jżid l-isforzi tal-UE biex toħloq stabbilizzazzjoni taż-żona tal-Euro;
5. Jitlob li tittieħed azzjoni rapida fit-twaqqif ta' Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għall-banek; ifakkar lill-Kunsill li l-Parlament Ewropew diġà appoġġa approċċ bħal dan bosta xhur ilu; jappoġġa l-linja ġenerali li ladarba jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku effettiv, il-MES tista', b'ċerti ċirkostanzi u skont ċerti kundizzjonijiet, tirrikapitalizza lill-banek;
6. Jilqa' l-fatt li l-President tal-Kunsill Ewropew, flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni, il-Grupp tal-Euro u l-Bank Ċentrali Ewropew, ġew mistiedna jiżviluppaw pjan direzzjonali bi skadenza għal Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina (UEM); iqis l-abbozz ta' proposta mill-President Van Rompuy u t-tliet Presidenti l-oħra bħala punt inizjali tajjeb għan-negozjati u l-proċess lejn UEM soda u ġenwina; jitlob li jittieħdu deċiżjonijiet konkreti sa tmiem din is-sena; jinsisti li kwalunkwe integrazzjoni iktar mill-qrib f'dan il-qasam għandha tippreserva l-unità u l-integrità tas-Suq Uniku;
7. Jenfasizza li, fid-dawl tal-iżvilupp reċenti, l-elementi demokratiċi fil-livell Ewropew u nazzjonali għandhom jissaħħu sabiex tiġi żgurata leġittimità demokratika billi jissaħħu l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali fil-livelli rispettivi tagħhom u billi ssir kooperazzjoni fuq il-bażi tal-Protokoll 1 tat-Trattat ta' Lisbona;
8. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-gvern dwar it-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku; jappoġġa bis-saħħa l-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-qagħda tas-Suq Uniku u jitlob li tittieħed azzjoni fir-rigward tat-twettiq sħiħ tas-Suq Uniku; ifakkar li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-impenn li jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni kollha dwar is-Suq Uniku fis-seħħ fi pjan direzzjonali ċar li jipprevedi skadenzi konkreti; iqis dan bħala kontribut essenzjali tal-UE għat-tkabbir peress li anke implimentazzjoni mtejba tad-Direttiva dwar is-Servizzi waħedha tiġġenera qligħ ekonomiku ta' EUR 350 biljun;
9. Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kunsill Ekonomiku li jiġġieled il-qgħad taż-żgħażagħ iżda jitlob li jkun hemm iktar ambizzjoni fl-iffaċċjar ta' din il-problema deprimenti; jissuġġerixxi għalhekk li jintlaħaq ftehim dwar miri u miżuri vinkolanti fl-oqsma tal-mobilità taż-żgħażagħ (Żgħażagħ Mobbli) u ħiliet lingwistiċi kif ukoll biex titħeġġeġ l-intraprenditorija taż-żgħażagħ billi jiġu semplifikati l-proċeduri u l-finanzjament tat-twaqqif ta' negozju; l-Inizjattiva dwar Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ (YOI) rigward kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u l-Istati Membri għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri li jiffaċċjaw il-qgħad taż-żgħażagħ għandha tiġi implimentata mill-aktar fis bi skadenzi ċari u vinkolanti;
10. Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-piżijiet regolatorji, iżda jitlob li jkun hemm miri iktar ċari u ambizzjużi; jissuġġerixxi li l-Istati Membri u l-UE jaqtgħu il-piżijiet burokratiċi b'25% sal-2015;
11. Jinnota li ma sar l-ebda progress tanġibbli fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju biex jintlaħaq ftehim dwar l-MFF li jmiss (2014-2020); iħeġġeġ lill-Presidenza Ċiprijotta żżid l-isforzi tagħha b'rabta ma' dan il-fajl, bl-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew fin-negozjati dwar l-MFF; itenni l-konvinzjoni tiegħu li ftehim kemm dwar id-dħul tal-MFF kif ukoll dwar in-nefqa, li għandu jikkorrispondi għall-bżonnijiet u ambizzjonijiet attwali tal-Unjoni għall-perjodu li jmiss, għandu jintlaħaq sa tmiem din is-sena;
12. Jinnota li l-Kunsill Ewropew jitlob li l-Kaxxa tan-Negozjar tiġi żviluppata ulterjorment matul il-Presidenza Ċiprijotta; itenni l-pożizzjoni qawwija tiegħu li bosta elementi tal-kaxxa tan-negozjar attwali għandhom jiġu deċiżi taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u m'għandhomx ikunu parti mill-pakkett ġenerali tal-MFF; iwissi lill-Kunsill li mhux se jkun marbut minn ebda ftehim dwar dawn il-punti li jkun intlaħaq fil-livell tal-Kunsill Ewropew meta dan ikun qed jieħu deċiżjoni dwar l-MFF;
13. Jenfasizza li r-rapport SURE s'issa għadu l-uniku mandat tal-Parlament Ewropew għan-negozjati dwar l-MFF; jinforma lill-Kunsill li Rapport Interim, li għalih se jikkontribwixxu l-kumitati parlamentari kollha kkonċernati permezz ta' Opinjoni, se jiġi adottat f'waqtu, fejn se jiġu stabbiliti l-limiti u l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-Parlament se jagħti l-kunsens tiegħu għar-Regolament dwar l-MFF, hekk kif propost mill-Kunsill;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew.