Proċedura : 2012/2788(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0425/2012

Testi mressqa :

B7-0425/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2012 - 11.15
CRE 13/09/2012 - 11.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2012)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 143kWORD 80k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0425/2012
10.9.2012
PE493.586v01-00
 
B7-0425/2012

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2012/2788(RSP))


Véronique De Keyser, Ana Gomes, Saïd El Khadraoui, Pino Arlacchi, Emilio Menéndez del Valle, María Muñiz De Urquiza, Pier Antonio Panzeri, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2012/2788(RSP))  
B7‑0425/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja(1),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-29 ta’ Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-23 ta' Lulju, tal-25 ta' Ġunju, tal-14 ta' Mejju, tat-23 ta' April u tat-23 ta' Marzu 2012,

 wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, Catherine Ashton, dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, b'mod partikolari dik tal-5 ta' Settembru 2012 dwar it-telefonata tagħha ma' Lakhdar Brahimi; dik tat-18 ta' Awwissu 2012 dwar il-ħatra tas-Sur Lakhdar Brahimi bħala Rappreżentant Speċjali Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Lega tal-Istati Għarab għas-Sirja; dik tal-4 ta' Awwissu dwar l-espulsjonijiet taċ-ċittadini Sirjani mill-awtoritajiet Libaniżi lejn is-Sirja; dik tal-20 ta' Lulju 2012 dwar il-votazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja; dik tat-8 ta' Lulju 2012 dwar l-inkursjonijiet tal-forzi Sirjani fit-territorju Libaniż; dik tas-6 ta' Lulju 2012 wara l-laqgħa tal-Ħbieb tal-Poplu Sirjan; dik tat-18 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni attwali tas-Sirja; dik tat-3 ta' Ġunju u tas-27 ta' Mejju 2012 dwar is-Sirja; dik tas-27 ta' April 2012 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja; dik tal-14 ta' April 2012 fejn laqgħet b'sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja li awtorizzat l-iskjerament ta' missjoni preparatorja ta' osservazzjoni; u dik tal-15 ta' Marzu 2012 fejn ikkundannat it-tkomplija tar-repressjoni u l-vjolenza fis-Sirja u fakkret fl-anniversarju tar-rewwixta,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Kristalina Georgieva tad-29 ta' Awwissu u tal-31 u s-17 ta' Lulju 2012 dwar is-sitwazzjoni tas-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 2059 tal-20 ta' Lulju, Nru 2043 tal-21 ta' April, u Nru 2042 tal-14 ta' April 2012,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966; il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966; il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra tal-1984; il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati tal-2000, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom kollha;

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tas-6 ta' Lulju, tal-1 ta' Ġunju u tal-1 ta' Marzu 2012 dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja tal-15 ta' Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra l-Communiqué Finali tal-laqgħa tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja tat-30 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra l-'Patt Nazzjonali' u l-'Viżjoni Politika Komuni għat-tranżizzjoni fis-Sirja' li ħarġu wara l-konferenza tal-oppożizzjoni Sirjana li saret taħt l-awspiċji tal-Lega tal-Istati Għarab fil-Kajr fit-2 u t-3 ta' Lulju 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-'Proġett tal-organizzazzjoni "The Day After": Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja' li ġie ppubblikat f'Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi nqatlu kważi 20 000 ruħ u ħafna oħrajn indarbu waqt ir-repressjoni brutali tar-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu minn Marzu 2011 'l hawn; billi 235 000 rifuġjat mis-Sirja ġew irreġistrati jew qed jistennew li jiġu rreġistrati mal-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati; billi għexieren ta' eluf oħrajn li jaħarbu mis-Sirja lejn il-pajjiżi ġirien ma jirreġistrawx; billi, skont l-istimi tan-Nazzjonijiet Uniti, aktar minn 1.2 miljun ruħ ġew spostati internament ġewwa s-Sirja u madwar 3 miljun ruħ għandhom bżonn għajnuna umanitarja urġenti; billi l-kriżi ħadet xejra partikolarment brutali, li wasslet għaż-żieda mgħaġġla ta' dawn iċ-ċifri, f'Awwissu 2012;

B.  billi l-massakru tar-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu, li wassal lill-pajjiż f'xifer il-gwerra ċivili, għadu għaddej; billi r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja tal-15 ta' Awwissu 2012 ikkonkluda li l-forzi tal-gvern u l-ġellieda Shabbiha wettqu reati kontra l-umanità kif ukoll reati tal-gwerra u ksur gravi tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u li dawn l-azzjonijiet segwew il-politika tal-Istat bil-parteċipazzjoni tal-ogħla livelli tal-forzi armati u tas-sigurtà kif ukoll tal-gvern; billi l-Kummissjoni Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti rrapportat ukoll li twettqu reati tal-gwerra minn gruppi armati li huma kontra l-gvern, għad li dawn ir-reati ma kinux tal-istess gravità, frekwenza u skala bħal dawk li twettqu mill-forzi tal-gvern u l-grupp ta' Shabbiha; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem Navi Pillay appellat kemm-il darba lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferita quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

C. billi l-uniku triq lejn Sirja ħielsa u demokratika hija tranżizzjoni politika inklużiva mmexxija mis-Sirjani li tissodisfa l-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi tal-poplu Sirjan; billi aktar militarizzazzjoni tal-kunflitt jista' biss iġib miegħu tbatija akbar lill-poplu Sirjan u lir-reġjun kollu kemm hu; billi l-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sirja osservat li f'dawn l-aħħar xhur intużaw tattiċi aktar brutali u kapaċitajiet militari ġodda miż-żewġ naħat; billi l-armi qed ikomplu jidħlu s-Sirja permezz ta' diversi mezzi;

D. billi l-President Bashar al-Assad u r-reġim awtoritarju tiegħu ma baqax post għalihom fis-Sirja fil-futur; billi r-riżenja tal-President hija l-unika triq biex jiġi evitat li l-kriżi tkompli taggrava u biex ikun possibbli li sseħħ tranżizzjoni paċifika u demokratika fil-pajjiż; billi bosta persuni li qabel kienu mexxejja poltiċi u militari tar-reġim kif ukoll ambaxxaturi telqu f'pajjiżi ġirien u lil hinn;

E.  billi hemm bżonn alternattiva kredibbli għar-reġim attwali; billi din l-alternattiva għandha tkun inklużiva u rappreżentattiva tad-diversità tas-soċjetà Sirjana u għandha tirrispetta bis-sħiħ il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tal-minoranzi etniċi, kulturali u reliġjużi kif ukoll tan-nisa; billi l-ħolqien ta' gvern proviżorju inklużiv u rappreżentattiv mill-forzi tal-oppożizzjoni jista' jikkontribwixxi għal din l-alternattiva;

F.  billi matul ix-xhur li għaddew ir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Sirjana organizzaw diversi laqgħat bil-għan li jegħlbu diverġenzi interni u li joħolqu front magħqud, u ħarġu 'Patt Nazzjonali' u 'Viżjoni Politika Komuni għat-tranżizzjoni fis-Sirja' kif ukoll konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet fil-kuntest tal-'Proġett tal-organizzazzjoni "The Day After": Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja'; billi, minkejja l-isforzi kollha, għad hemm firdiet u tensjonijiet interni fi ħdan din l-oppożizzjoni;

G. billi, minħabba l-veto tar-Russja u ċ-Ċina, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti s'issa għadu ma rnexxilux jagħti tweġiba adegwata għall-kriżi fis-Sirja; billi, fir-riżoluzzjoni tagħha adottata fil-31 ta' Awwissu 2012, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeplorat il-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà ma rnexxilux jilħaq qbil dwar il-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità tal-awtoritajiet Sirjani mad-deċiżjonijiet tiegħu; billi, abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, intbagħtu osservaturi militari mhux armati tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Sirja; billi l-operazzjonijiet ta' din il-missjoni ta' osservazzjoni ntemmu fl-20 ta' Awwissu 2012;

H. billi l-pjan ta' paċi msejjes fuq sitt punti li ppropona Kofi Annan bħala rappreżentant konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Lega tal-Istati Għarab falla, u dan irriżenja; billi l-eks-Ministru Alġerin għall-Affarijiet Barranin Lakhdar Brahimi dan l-aħħar inħatar bħala r-Rappreżentant Speċjali Konġunt il-ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Lega tal-Istati Għarab għas-Sirja;

I.   billi, fit-30 ta' Ġunju 2012, is-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Lega tal-Istati Għarab, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, Franza, l-Iraq, il-Kuwajt, il-Qatar, ir-Russja, it-Turkija, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu Ġinevra bħala l-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja, ippresedut mir-Rappreżentant Speċjali Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Lega tal-Istati Għarab għas-Sirja; billi dan il-Grupp ta' Azzjoni qabel dwar 'prinċipji u linji gwida dwar tranżizzjoni mmexxija mis-Sirjani': perspettiva għall-ġejjieni li tista' tiġi kondiviża minn kulħadd fis-Sirja, li tistabbilixxi passi ċari skont kalendarju rigoruż lejn it-twettiq tagħha, li tista' tiġi implimentata f'ambjent ta' sigurtà għal kulħadd, ta' stabbiltà u ta' kalma, li tista' tinkiseb malajr mingħajr aktar vjolenza u tixrid ta' demm, u li hija kredibbli;

J.   billi twaqqaf Grupp tal-Ħbieb tas-Sirja u dan organizza diversi konferenzi fil-livell tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin inklużi n-Nazzjonijiet Uniti, il-Lega tal-Istati Għarab, l-Unjoni Ewropea, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-Unjoni tal-Magreb Għarbi u l-Unjoni Afrikana;

K. billi l-kriżi fis-Sirja hija theddida kbira għas-sigurtà u l-istabbilità fraġli tar-reġjun kollu kemm hu; billi, skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, minkejja d-diffikultajiet kollha tagħhom, il-pajjiżi ġirien tas-Sirja s'issa aċċettaw lil dawk kollha li talbuhom protezzjoni ; billi, minħabba li n-numru ta' rifuġjati u persuni spostati Sirjani kulma jmur qed jikber b'pass imgħaġġel, qed tiżdied il-pressjoni fuq dawk il-pajjiżi li jeħtieġu appoġġ internazzjonali;

L.  billi l-Unjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet immirati fuq is-Sirja f'diversi fażijiet, inklużi projbizzjoni fuq vjaġġar, iffriżar tal-assi, projbizzjoni fuq esportazzjoni ta' oġġetti lussużi u oġġetti ta' użu doppju lejn il-pajjiż, u kompliet issaħħaħ l-embargo tagħha fuq l-armi kontra s-Sirja;

1.  Jerġa’ jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-massakru brutali tar-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu; ifaħħar il-kuraġġ tal-poplu Sirjan; jesprimi s-solidarjetà tiegħu u l-appoġġ tiegħu għas-Sirjani li qed jitqabdu għad-demokrazija, id-dinjità, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

2.  Jappella lill-atturi armati kollha sabiex iwaqqfu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; jappella lill-gvern Sirjan sabiex jirtira l-armata Sirjana mill-bliet u l-irħula assedjati mingħajr dewmien; jerġa' jenfasizza li d-dritt umanitarju internazzjonali għandu jiġi rispettat bis-sħiħ mill-atturi kollha involuti fil-kriżi;

3.  Jappella għal għajnuna umanitarja immedjata għal dawk kollha li jinsabu fil-bżonn fis-Sirja, b'attenzjoni speċjali għall-midrubin, ir-refuġjati, il-persuni spostati internament, in-nisa u t-tfal; ifaħħar l-isforzi tas-Salib l-Aħmar Internazzjonali u tal-UNRWA f'dan ir-rigward; jappella lill-gvern Sirjan sabiex jippermetti lill-organizzazzjonijet umanitarji jkollhom aċċess sħiħ għall-pajjiż;

4.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom biex isibu modi alternattivi ħalli jkunu jistgħu jwasslu l-għajnuna umanitarja lill-poplu Sirjan minkejja l-ostakli u d-diffikultajiet kollha;

5.  Itenni l-appell tiegħu lill-President Bashar al-Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw minnufih, sabiex jippermettu li sseħħ tranżizzjoni demokratika, inklużiva u paċifika fil-pajjiż;

6.  Jerġa' jenfasizza li dawk li għandhom responsabbiltà għall-ksur mifrux, sistemiku u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq fis-Sirja matul dawn l-aħħar tmintax-il xahar għandhom jinżammu responsabbli; f'dan il-kuntest, jappoġġja bis-sħiħ l-appelli li għamlet il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferita quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

7.  Jieħu nota tal-isforzi li għamlu r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Sirjana biex joħolqu front magħqud tal-forzi tal-oppożizzjoni, kif ukoll tal-'Patt Nazzjonali', il-'Viżjoni Politika Komuni għat-tranżizzjoni fis-Sirja' u l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-'Proġett tal-organizzazzjoni "The Day After": Appoġġ għal Tranżizzjoni Demokratika fis-Sirja' li ħarġu dan l-aħħar; iħeġġeġ lill-oppożizzjoni Sirjana biex tkompli miexja f'din it-triq bil-għan li toħloq alternattiva kredibbli għar-reġim;

8.  Ifaħħar l-isforzi tal-pajjiżi ġirien biex jospitaw ir-refuġjati Sirjana u jagħtuhom għajnuna umanitarja u f'dan il-kuntest jappella għal żieda fl-appoġġ u l-għajnuna internazzjonali; jenfasizza l-importanza kruċjali li tinstab tweġiba sostenibbli għall-kriżi umanitarja kemm fis-Sirja kif ukoll fost ir-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien; iħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja biex ikomplu jagħtu protezzjoni lir-refuġjati u lill-persuni spostati Sirjani u biex, b'konformità mal-obbligi internazzjonali, iżommu milli jkeċċu u jibagħtu lura kwalunkwe persuna ta' dan it-tip lejn is-Sirja;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-Russja u ċ-Ċina, biex jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom sabiex il-vjolenza u r-repressjoni kontra l-poplu Sirjan jaslu fit-tmiem; ikompli jsostni l-isforzi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha f'dan il-qasam;

10. Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Speċjali Konġunt il-ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Lega tal-Istati Għarab għas-Sirja sabiex jadotta approċċ ambizzjuż u proattiv; jappella lill-komunità internazzjonali, inklużi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, biex tagħtih appoġġ sħiħ u magħqud;

11. Ikompli jappoġġja l-isforzi li għaddejjin bħalissa min-naħa tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jagħmlu dejjem aktar pressjoni fuq ir-reġim Sirjan permezz ta' miżuri restrittivi; jappella sabiex is-sanzjonijiet immirati jkomplu jissaħħu;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Cina, lill-gvern u l-parlament tal-Iraq, lill-gvern u l-parlament tal-Ġordan, lill-gvern u l-parlament tal-Libanu, lill-gvern u l-parlament tar-Russja, lill-gvern u l-parlament tat-Turkija, lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-gvern u l-parlament tas-Sirja.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2012)0057.

Avviż legali - Politika tal-privatezza