Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0430/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0430/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja

10.9.2012 - (2012/2789(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Werner Schulz, Barbara Lochbihler, Indrek Tarand, Reinhard Bütikofer, Amelia Andersdotter, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0427/2012

Proċedura : 2012/2789(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0430/2012
Testi mressqa :
B7-0430/2012
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0430/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja

(2012/2789(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b’mod partikolari l-Artikolu 14 li jgħid li kulħadd għandu jkun intitolat għal smigħ xieraq u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, li r-Russja ilha parti għalih sa mill-1973,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod partikolari l-Artikolu 6 li jgħid li kulħadd għandu jkun intitolat għal smigħ xieraq u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit mil-liġi, li r-Russja ilha parti għaliha sa mill-1998,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Russja, b’mod partikolari l-Artikolu 118 tagħha li jgħid li l-Ġustizzja fil-Federazzjoni Russa għandha tkun amministrata mill-qrati biss, u l-Artikolu 120 tagħha li jiddisponi li l-imħallfin huma indipendenti u subordinati biss għall-Kostituzzjoni Russa u għad-dritt federali,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-qorti tas-17 ta' Awwissu 2012 tal-qorti tad-distrett ta' Khamovnichesky ta' Moska li kkundannat lill-membri tal-grupp punk femminili Pussy Riot għal sentejn ħabs għal ħuliganiżmu,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Viċi-President tal-Kummissjoni Catherine Ashton dwar il-kundanna tal-membri tal-grupp punk 'Pussy Riot' fir-Russja tas-17 ta' Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra t-talba tal-Prosekutur ġenerali Russu biex tittieħed votazzjoni dwar it-tkeċċija bikrija tal-Membru tad-DUMA ta' Fair Russia Gennady Gutkov fit-12 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Federazzjoni Russa bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa impenjat ruħha għall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi minħabba bosta każijiet ta' ksur sejru tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi matul l-aħħar xhur hemm tħassib li qed dejjem jikber rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali;

B.  billi l-investigazzjonijiet dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem huma ħafna drabi ineffettivi, difettużi u jwasslu għal impunità; billi n-nuqqas ta’ trasparenza tal-atti uffiċjali jippermettu li jkun hemm ħafna abbużi;

C. billi l-imwiet ta’ Anna Politkovskaya, Natalia Estemirova, Anastasia Barburova, Stanislav Markelov u Sergei Magnitsky għadhom ma ġewx spjegati;

D. billi Mikhail Khordorkovsky u sieħbu fin-negozju Platon Lebedev instabu ħatja ta' approprjazzjoni bla jedd mill-qorti tad-distrett ta' Khamovnichesky ta' Moska fit-30 ta’ Diċembru 2010; billi l-prosekuzzjoni, il-proċess u l-verdett intwerew internazzjonalment bħala politikament motivati; billi l-interferenza politika u t-tqegħid ta' pressjoni politika ġew kritikati bis-saħħa mill-komunità internazzjonali;

E.  billi l-każijiet imsemmija hawn fuq kif ukoll il-prosekuzzjoni tal-mexxejja tal-oppożizzjoni jimminaw il-kredibbiltà tal-ġudikatura u jitfgħu dubji fuq l-indipendenza tagħha;

F.  billi lista ta' 39 isem meqjusa mill-oppożizzjoni politika u parti kbira tas-soċjetà ċivili bħala priġunieri politiċi ngħatat lill-ex President tal-Federazzjoni Russa, Dimitri Medvedev bit-talba għar-rilaxx immedjat tagħhom;

G. billi l-intimidazzjoni, il-fastidju u l-arresti kontinwi tar-rappreżentanti tal-forzi tal-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-adozzjoni reċenti ta' liġi dwar il-finanzjament tal-NGOs, dwar id-dritt ta' għaqda, il-liġi dwar il-malafama, il-liġi dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-internet kif ukoll il-pressjoni li dejjem qed tiżdied fuq il-midja ħielsa u indipendenti u fuq il-minoranzi ta' orjentazzjoni sesswali u twemmin reliġjuż jirriżultaw f'aktar degradazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fir-Russja;

H. billi dawn il-liġijiet ġodda jew emendati ġew adottati minn Duma tal-Istat parzjalment illeġittima li l-elezzjoni tagħha la kienet ġusta u lanqas ħielsa kif iddikjarat mill-missjoni ta' osservazzjoni tal-OSKE u kif kien konkluż mill-Parlament Ewropew;

I.   billi l-qorti tad-distrett ta' Khamovnichesky ta' Moska kkundannat tliet attivisti tal-grupp punk femminili Pussy Riot għal sentejn ħabs fis-17 ta' Awwissu 2012 wara li sabithom ħatja ta' ħuliganiżmu mmotivat minn mibegħda reliġjuża fi Frar 2012 fil-Katidral ta' Kristu s-Salvatur ta' Moska;

J.   billi d-DUMA hija skedata li tivvota fit-12 ta' Settembru 2012 biex tneħħi l-immunità ta' Gennady Gudkov u tkeċċih mid-DUMA minħabba attivitajiet kummerċjali matul il-mandat tiegħu li jmorru kontra l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja; billi għall-finijiet tal-istat tad-dritt regoli kontra l-korruzzjoni għandhom japplikaw b'mod ugwali u imparzjali għall-membri kollha tad-DUMA; billi membri oħrajn tal-fazzjoni Fair Russia bħal Dimitri Gudkov u Ilya Ponomarev qed jaffaċċjaw akkużi simili;

K. billi liġi federali ġdida qiegħda fl-istadju ta' abbozz inizjali li jippermetti lid-DUMA anke mingħajr ordni formali mill-qorti biex tkeċċi membri li qed jiksru lis-standards etiċi jew li jistgħu jiskreditaw lid-DUMA jew lill-gvern;

L.  billi l-każ ta' Sergei Magnitsky huwa biss wieħed minn bosta każi ta' abbuż tal-poter mill-awtoritajiet Russi għall-infurzar tal-liġi, li jiksru bil-kbir l-istat tad-dritt u jħallu lil dawk ħatja fil-mewt tiegħu mingħajr kastig; billi hemm għadd kbir ta' każijiet ġudizzjarji oħrajn fejn raġunijiet politiċi qed jintużaw biex jeliminaw kompetizzjoni politika u jrażżnu s-soċjetà ċivili;

M. billi l-użu mifrux tal-liġi Russa dwar l-Attivitajiet Estremisti ntuża kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-gruppi reliġjużi; billi l-liġi hija vaga fit-terminoloġija u fil-kontenut tagħha hekk kif ikkritikata mill-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u qed tintuża b'mod arbitrarju;,

N. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkundannat lill-Federazzjoni Russa għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana f’aktar minn 150 sentenza; billi s-sentenzi tal-QEDB ma ġewx implimentati; billi parti konsiderevoli tar-responsabilità għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-sentenzi hija tal-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ġudizzjarji;

O. billi l-istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi ma rnexxielhomx iwaqqfu s-sitwazzjoni ta’ impunità mifruxa għall-vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana; billi ma ġie ggarantit l-ebda rimedju legali għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem, attakki, assassinji, każijiet ta' għajbien forzat u każijiet ta’ maltrattament u detenzjoni arbitrarja f’ċerti nħawi tal-Kawkasu tat-Tramuntana;

1.  Huwa tal-fehma li r-Russja bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa trid tikkonforma bis-sħiħ u żżomm l-obbligi li impenjat ruħha li tissodisfa; jindika li żviluppi riċenti mxew lejn id-direzzjoni opposta tar-riformi meħtieġa biex jitjiebu l-istandards demokratiċi u l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Russja;

2.  Ifakkar li l-ex President tar-Russja Medvedev introduċa grupp ta' ħidma li jħares lejn ir-riforma tas-sistema elettorali, it-titjib tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fir-Russja; ifakkar li l-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex ikomplu dawn ir-riformi u kostantament offra l-appoġġ tal-UE inkluż permezz tal-qafas ipprovdut mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni;

3.  Iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Russi biex jitolbu lill-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa biex teżamina l-liġijiet Russi l-ġodda li jillimitaw il-libertà ta' opinjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni, id-dritt li jeleġġu u li jiġu eletti kif ukoll id-dritt tal-ħarsien kontra akkużi arbitrarji u inġusti sabiex ikun magħruf jekk jikkonformawx mal-istandards Ewropej;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-klima li qed tmur għall-agħar għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Russja b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni reċenti ta' serje ta' liġijiet li jirregolaw id-dimostrazzjonijiet, l-NGOs, il-malafama u l-internet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi u jistgħu jwasslu għal infurzar arbitrarju; ifakkar lill-awtoritajiet Russi li soċjetà moderna u prosperuża teħtieġ li tirrikonoxxi u tipproteġi d-drittijiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini kollha tagħha;

5.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-korpi kompetenti Russi jemendaw il-liġijiet il-ġodda dwar l-NGOs sabiex jissalvagwardjaw minn persukuzzjoni politika l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini li jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi barranin b'reputazzjoni tajba;

6.  Jinsab ferm iddiżappuntat bil-verdett tal-Qorti tad-Distrett ta' Khamovnichesky fir-Russja fil-każ ta' Nadezhda Tolokonnikova, Maria Alyokhina u Ekaterina Samutsevich, membri tal-grupp punk "Pussy Riot" fis-17 ta' Awwissu 2012 minħabba “ħuliganiżmu mmotivat minn mibgħeda reliġjuża” għal sentejn f'kolonja penali; huwa tal-fehma li l-verdett huwa parti minn ripressjoni tan-nuqqas ta' qbil politiku u tal-forzi tal-oppożizzjoni li tnaqqar aktar l-ispazju demokratiku Russu u ddgħajjef bil-kbir il-kredibbiltà tas-sistema ġudizzjarja tar-Russja; jikkundanna b'qawwa dan il-verdett motivat b'mod politiku u jistenna li din il-kundanna tiġi revokata f'appell bil-ħelsien tat-tliet membri ta' Pussy Riot;

7.  Jikkundanna l-arrest tad-demostranti fil-qafas tal-proċess tal-"Pussy Riot" inklużi membri ewlenin tal-oppożizzjoni u ġurnalisti u l-użu eċċessiv ta' arrest preventiv kontra l-parteċipanti tad-dimostrazzjonijiet ta' Bolotnaya fis-6 ta' Mejju, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw il-liberta ta' għaqda u ta' espressjoni;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-25 ta' Lulju 2012 biex jiġu rieżaminati ż-żewġ każijiet ta' Khoderkovsky u ta' Lebedev skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Presidenzjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minn Diċembru 2011; jieħu nota tat-tnaqqis tas-sentenza ta' Lebedev bi tliet snin; jappella biex tissokta analiżi komprensiva ta' dawn il-kawżi abbażi tal-impenji internazzjonali Russi għal proċessi ġusti u trasparenti;

9.  Jieħu nota tat-talba tal-Prosekutur Ġenerali li ssir votazzjoni fuq it-tneħħija bikrija tal-poteri tal-membru tad-DUMA Gennady Gudkov minħabba attivitajiet kummerċjali matul il-mandat tiegħu li jmorru kontra l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja; jistieden lir-Russja biex ma tużax il-liġijiet b'mod arbitrarju għal skopijiet ta' ripressjoni fuq il-Membri tal-oppożizzjoni;

10. Jinsab ixukkjat bis-sentenza tal-attivista ta' "Russja Oħra" Taisiya Osipova għal tmien snin priġunerija fuq akkuża ta' drogi minkejja irregolaritajiet preokkupanti li seħħew matul il-proċess u l-fatt li l-ex President Medvedev ikkritika l-ewwel verdett tal-2010 għal għaxar snin bħala aħrax wisq; jirrimarka li għadd ta' każijiet oħra kontra attivisti tal-oppożizzjoni jqajmu tħassib kbir inkluż il-prosekuzzjoni tal-attivist tal-oppożizzjoni Alexei Navalny li hemm il-possibbiltà li jeħel sa għaxar snin priġunerija jekk jinsab ħati tal-involviment fis-serq ta' injam b'valur ta' 16-il miljun rubli, il-każ ta' Garri Kasparov jew l-investigazzjonijiet kriminali ġodda kontra Suren Gazaryan;

11. Jiddeplora l-użu arbitrarju tal-liġi fi tmien reġjuni li introduċew liġi dwar propoganda omosesswali kontra minoranzi LGBT u l-prosekuzzjoni u l-iffastidjar fuq minoranzi reliġjużi bħal Jehovah’s Witnesses u Falun Gong bl-iskuża tal-estremiżmu;

12. Jindika li dawn il-każijiet ikomplu jżidu mal-intimidazzjoni u l-prosekuzzjoni politikament motivata tal-attivisti tal-oppożizzjoni fir-Russja; jagħmel talba lill-Kunsill għal approċċ koerenti u proattiv għal vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, u fuq bażi ta' każ b'każ, evalwazzjoni tal-Kunsill tal-bżonn ta' miżuri restrittivi kontra l-ħatja bħala miżura tal-aħħar rimedju sakemm ikun hemm evidenza ċara ta' reat jew delitt imwettaq;

13. Jistieden lir-Russja taqbad direzzjoni ġdida, tiffoka mill-ġdid fuq l-obbligi internazzjonali tagħha u tinvolvi ruħha f'impenji serji biex ittejjeb l-indipendenza tal-ġudikatura u l-istat ta' dritt tagħha;

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.