Proċedura : 2012/2789(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0431/2012

Testi mressqa :

B7-0431/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2012 - 11.16

Testi adottati :

P7_TA(2012)0352

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 80k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0427/2012
10.9.2012
PE493.592v01-00
 
B7-0431/2012

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja (2012/2789(RSP))


José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ria Oomen-Ruijten, Elmar Brok, Mario Mauro, Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Jacek Saryusz-Wolski, Jacek Protasiewicz, Vytautas Landsbergis, Elena Băsescu, Laima Liucija Andrikienė, Nadezhda Neynsky, Alojz Peterle, Roberta Angelilli f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-użu politiku tal-ġustizzja fir-Russja (2012/2789(RSP))  
B7‑0431/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-rapporti u riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar ir-riżultat tal-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja u tas-16 ta' Frar 2012(1) dwar l-elezzjoni presidenzjali imminenti fir-Russja,

   wara li kkunsidra s-sentenza tas-17 ta' Awwissu 2012 tal-qorti tad-distrett ta' Khamovnichesky ta' Moska li kkundannat lill-membri tal-grupp punk femminili Pussy Riot għal sentejn ħabs għal ħuliganiżmu,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Viċi-President tal-Kummissjoni Catherine Ashton dwar il-kundanna tal-membri tal-grupp punk "Pussy Riot" fir-Russja tas-17 ta' Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-kundanna tal-membri tal-grupp punk Pussy Riot tas-17 ta' Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra t-talba tal-Prosekutur ġenerali Russu biex tittieħed votazzjoni dwar it-tkeċċija bikrija tal-Membru tad-Duma ta' Fair Russia Gennady Gutkov fit-12 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Federazzjoni Russa bħala membru sħiħ tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa impenjat ruħha fir-rigward tal-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; billi minħabba bosta każijiet ta' ksur sejru tal-istat tad-dritt u l-adozzjoni ta' liġijiet restrittivi matul l-aħħar xhur hemm tħassib li qiegħed dejjem jikber rigward il-konformità tar-Russja mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali;

B.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja marret għall-agħar drastikament fl-aħħar ftit xhur u għandha tiġi indirizzata b'mod xieraq bħala prijorità, b'mod partikolari waqt il-laqgħat u n-negozjati bilaterali bejn l-UE u r-Rusja;

C. billi l-awtoritajiet Russi dan l-aħħar adottaw serje ta' liġijiet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi u jistgħu jintużaw biex ikomplu jirrestrinġu l-atturi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u jxekklu l-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda;

D. billi l-qorti tad-distrett ta' Khamovnichesky ta' Moska kkundannat tliet attivisti tal-grupp punk femminili Pussy Riot għal sentejn ħabs fis-17 ta' Awwissu 2012 wara li sabithom ħatja ta' ħuliganiżmu allegatament immotivat minn mibegħda reliġjuża fi Frar 2012 fil-Katidral ta' Kristu s-Salvatur ta' Moska;

E.  billi d-Duma hija skedata li tivvota fit-12 ta' Settembru 2012 biex tneħħi l-immunità ta' Gennady Gudkov u tkeċċih mid-Duma minħabba attivitajiet kummerċjali matul il-mandat tiegħu, ħaġa li tmur kontra l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja; billi fl-interess tal-istat tad-dritt, ir-regoli kontra l-korruzzjoni għandhom japplikaw b'mod ugwali u imparzjali għall-membri kollha tad-Duma;

F.  billi l-każ ta' Sergei Magnitsky huwa biss wieħed minn bosta każi ta' abbuż tal-poter mill-awtoritajiet Russi għall-infurzar tal-liġi, li jiksru bil-kbir l-istat tad-dritt u jħallu lil dawk ħatja fil-mewt tiegħu mingħajr kastig; billi hemm għadd kbir ta' każijiet ġudizzjarji oħrajn fejn raġunijiet politiċi qed jintużaw biex jeliminaw kompetizzjoni politika u jheddu s-soċjetà ċivili;

G. billi l-każ ta' Mikhail Khodorkovsky, l-ex kap eżekuttiv tal-kumpanija taż-żejt Yukos, li għadu l-ħabs wara li ġie kkundannat f'żewġ proċessi separati abbażi ta' akkużi kkunsidrati b'mod ġenerali bħala motivati politikament; billi t-tieni proċess tas-Sur Khodorkovsky kien deskritt mill-Istitu għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-International Bar Association bħala inġust; billi s-Sur Khodorkovsky ġie ddikjarat priġunier tal-kuxjenza minn Amnesty International;

1.  Huwa tal-fehma li r-Russja bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa trid tissodisfa l-obbligi li impenjat ruħa fir-rigward tagħhom; jindika li l-iżviluppi riċenti mxew fid-direzzjoni opposta tar-riformi meħtieġa biex jitjiebu l-istandards demokratiċi u l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Russja;

2.  Ifakkar li l-ex President Medvedev stabbilixxa grupp ta' ħidma li jeżamina r-riforma tas-sistema elettorali, it-titjib tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fir-Russja; ifakkar li l-Parlament Ewropew ħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex ikomplu b'dawn ir-riformi u offra l-appoġġ tal-UE inkluż permezz tal-qafas ipprovdut mis-Sħubija għall-Modernizzazzjoni;

3.  Jesprimi madankollu t-tħassib tiegħu dwar il-klima li qed tmur għall-agħar għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fir-Russja b'mod partikolari fir-rigward tal-adozzjoni reċenti ta' serje ta' liġijiet li jirregolaw id-dimostrazzjonijiet, l-NGOs, il-malafama u l-internet li fihom dispożizzjonijiet ambigwi u jistgħu jwasslu għal infurzar arbitrarju; ifakkar lill-awtoritajiet Russi li soċjetà moderna u prosperuża teħtieġ li tirrikonoxxi u tipproteġi d-drittijiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini kollha tagħha;

4.  Jesprimi tħassib ukoll dwar il-liġi dwar l-estremiżmu minħabba d-diskrezzjoni wiesgħa fl-interpretazzjoni tal-kunċetti bażiċi tagħha ta' "azzjonijet estremisti" u "organizzazzjonijiet estremisti" li skont il-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa tista' twassal għal arbitrarjetà u restrizzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet Russi jindirizzaw dan it-tħassib billi jemendaw il-liġi;

5.  Jinsab ferm iddiżappuntat bil-verdett tal-Qorti tad-Distrett ta' Khamovnichesky fir-Russja fil-kawża ta' Nadezhda Tolokonnikova, Maria Alyokhina u Ekaterina Samutsevich, membri tal-grupp punk "Pussy Riot" fis-17 ta' Awwissu 2012 minħabba “ħuliganiżmu mmotivat minn mibgħeda reliġjuża”; iqis li s-sentenza hija dubjuża fil-motivazzjoni tagħha u sproporzjonata minħabba l-fatt li kienet protesta mhux vjolenti u jikkundanna r-rapporti tat-trattament ħażin tal-membri tal-grupp matul l-arrest preventiv u l-irregolaritajiet irrappurtati tal-proċess; jistenna li din is-sentenza se tiġi rieżaminata u revokata bi qbil mal-impenji internazzjonali tar-Russja;

6.  Jikkundanna l-arrest tad-demostranti fil-qafas tal-proċess tal-"Pussy Riot" inklużi membri ewlenin tal-oppożizzjoni u ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw il-liberta ta' għaqda u ta' espressjoni;

7.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-25 ta' Lulju 2012 biex jiġu rieżaminati ż-żewġ każijiet ta' Khoderkovsky u ta' Lebedev skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Presidenzjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minn Diċembru 2011; jieħu nota tat-tnaqqis tas-sentenza ta' Lebedev bi tliet snin; jappella biex tissokta analiżi komprensiva ta' dawn il-kawżi abbażi tal-impenji internazzjonali Russi rigward proċessi ġusti u trasparenti u biex jiġu rispettati għalkollox u implimentati s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Presidenzjali għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-każ tas-Sur Khodorkovsky;

8.  Jieħu nota tat-talba tal-Prosekutur Ġenerali li ssir votazzjoni dwar it-tneħħija bikrija tal-poteri tal-membru tad-Duma Gennady Gudkov minħabba attivitajiet kummerċjali matul il-mandat tiegħu li jmorru kontra l-Artikolu 289 tal-Kodiċi Kriminali tar-Russja; jistieden lir-Russja biex ma tużax il-liġijiet b'mod arbitrarju għal skopijiet ta' ripressjoni tal-Membri tal-oppożizzjoni;

9.  Huwa mħasseb dwar il-kundanna tal-attivista ta' "Russja Oħra" Taisiya Osipova għal tmien snin ħabs fuq akkużi relatati mad-droga minkejja li l-ex President Medvedev ikkritika l-ewwel kundanna tal-2010 għal għaxar snin bħala ħarxa wisq, il-prosekutur talab biss erba' snin u bosta xhieda kkontestaw l-affidabilità tal-akkużi kontriha; jirrimarka li bosta każijiet oħra kontra attivisti tal-oppożizzjoni jqajmu tħassib kbir inkluż il-prosekuzzjoni tal-attivist tal-oppożizzjoni Alexei Navalny li hemm ċans li jeħel sa għaxar snin priġunerija jekk jinsab ħati tal-involviment fl-allegat serq ta' injam b'valur ta' 16-il miljun rubli;

10. Jindika li dawn il-każijiet ikomplu jżidu mal-intimidazzjoni u l-prosekuzzjoni politikament motivata tal-attivisti tal-oppożizzjoni fir-Russja; jitlob li jkun hemm approċċ koerenti u proattiv rigward il-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, u fuq bażi ta' każ b'każ, evalwazzjoni tal-Kunsill tal-bżonn ta' miżuri restrittivi kontra l-ħatja bħala miżura tal-aħħar rimedju sakemm ikun hemm evidenza ċara ta' reat jew delitt imwettaq;

11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-impunità u l-korruzzjoni li jeżistu kullimkien fil-pajjiż, iwettqu investigazzjoni kredibbli u indipendenti tal-każ ta' Magnistky u każijiet oħra, u jressqu lil dawk kollha responsabbli quddiem il-ġustizzja;

12. Jistieden lir-Russja taqbad direzzjoni ġdida, tiffoka mill-ġdid fuq l-obbligi internazzjonali tagħha u timpenja ruħha serjament biex ittejjeb l-indipendenza tal-ġudikatura tagħha u l-istat ta' dritt;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

(1)

     Testi adottati, P7_TA(2012)0054.

Avviż legali - Politika tal-privatezza