MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
10.9.2012 - (2012/2788(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0425/2012
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012/UE dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/424/PESK li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) dwar is-Sirja, l-aktar reċenti tat-8 ta Awwissu u tal-5 ta' Settembru 2012,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-18 ta’ Lulju; l-10 ta’ Ottubru, l-1 ta' Diċembru 2011; it-23 ta’ Jannar; it-23 ta' April; l-14 ta’ Mejju; il-25 ta’ Ġunju u t-23 ta' Lulju 2012,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta dwar "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni" tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Mejju 2011,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2042 (2012) tal-14 ta' April u 2043(2012) tal-21 ta' April 2012 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sitwazzjoni fis-Sirja tat-3 ta' Awwissu 2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali u Indipendenti tar-Repubblika Għarbija Sirjana, tal-15 ta' Awwissu 2012,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li s-Sirja hija firmatarja tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi s-sitwazzjoni fis-Sirja qed tkompli teħżien, bil-konflitt li għaddej u l-inkwiet li bla dubju qiegħed dejjem jersaq lejn gwerra ċivili totali;
B. billi n-NU ma rnexxiliex tikkonferma ċ-ċifri dwar in-numru ta' midruba minħabba l-konflitt, imma li għadd ta' organizzazzjonijiet ikkalkulaw li in-numru ta' mejtin qabeż l-20 000 persuna, fil-maġġoranza tagħhom ċivili, u billi hemm ħafna aktar feruti;
C. billi hu kkalkulat li 2.5 miljun persuna issa jeħtieġu assistenza umanitarja fis-Sirja, u madwar 1.5 miljun persuna fis-Sirja ġew spustati internament, u billi madwar 230 000 ħarbu lejn il-pajjiżi ġirien;
D. billi ċ-ċittadini tas-Sirja huma soġġetti għal arrest arbitrarju u priġunerija mingħajr proċess, jew proċess minn qorti militari u m'għandhom l-ebda ġudikatura indipendenti li tiddefendihom, l-ebda libertà tal-espressjoni u l-ebda dritt li jipprotestaw iggarantit bil-liġi;
E. billi hu rrappurtat li, fis-Sirja kollha, il-bliet qed jiġu assedjati mill-forzi mmexxija mill-Gvern, mingħajr aċċess għall-ikel, għall-provvisti mediċi jew il-komunikazzjonijiet;
F. billi, minkejja li għamel ħafna dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn impenja ruħu favur ir-riforma politika, il-President Bashar al-Assad naqas milli jieħu azzjoni biex jimplimenta aġenda speċifika li tissalvagwardja l-libertajiet pubbliċi u l-indipendenza ġudizzjarja u li tipprojbixxi lill-Gvern Sirjan milli jikser id-drittijiet tal-bniedem;
G. billi l-Istati Membri tal-UE qablu dwar estensjoni tas-sanzjonijiet, l-aktar reċenti fit-23 ta' Lulju 2012, minbarra restrizzjonijiet eżistenti applikati lis-Sirja,;
H. billi l-President Assad ma tax kas il-bosta appelli li sarulu mill-komunità internazzjonali biex iwaqqaf il-vjolenza orribbli fis-Sirja;
I. billi l-Lega Għarbija preċedentement ipproponiet pjan ta' paċi għas-Sirja, u fit-28 ta' Jannar 2012 issospendiet il-missjoni ta' Monitoraġġ minħabba li s-sitwazzjoni fis-Sirja kompliet tiggrava;
J. billi l-Missjoni ta' Superviżjoni tan-NU fis-Sirja li bdiet f'April 2012 ġiet sospiża f'Ġunju minħabba li eskalat il-vjolenza, u ma ġietx rinnovata wara l-iskadenza tal-mandat tagħha fl-20 ta' Awwissu 2012;
K. billi fil-5 ta' Settembru Lakhdar Barahimi inħatar Rappreżentant Speċjali Konġunt min-NU u l-Lega Għarbija għas-Sirja, wara li rriżenja Kofi Annan fit-2 ta' Awwissu 2012;
L. billi l-ferment ċivili u r-repressjoni brutali tal-awtoritajiet Sirjani fuq il-poplu Sirjan issa qegħdin jheddu li l-pajjiż jisfa fi stat ta' gwerra ċivili totali bil-periklu, imbagħad, ta' kunflitt reġjonali;
1. Jikkundanna l-brutalità murija mir-reġim Sirjan, li kien fiha ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa b'mod indiskrimat fuq skala kbira, skont il-politika tar-reġim; jistieden lir-reġim Sirjan jirtira l-forzi Sirjani kollha mill-bliet u l-irħula tas-Sirja; jistieden ukoll lir-reġim Sirjan jippermetti aċċess immedjat u inkondizzjonat tal-aġenziji tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiema umanitarji; jenfasizza l-fatt li l-attenzjoni medika ma tistax tiġi miċħuda lil persuni midruba waqt l-attakki vjolenti;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza mill-atturi kollha fis-Sirja;
3. Jikkundanna d-deċiżjonijiet taċ-Ċina u tar-Russja li jużaw il-veto kontra l-aħħar tentattivi li saru fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti biex tkun abbozzata riżoluzzjoni li tikkundanna t-trażżin vjolenti tad-dimostrazzjonijiet antigovernattivi fis-Sirja; jesprimi diżappunt bin-nuqqas ta' risposta konġunta mingħand il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-azzjonijiet brutali tal-awtoritajiet Sirjani u jappella biex il-komunità internazzjonali tingħaqad fil-kundanna tagħha għar-risposta tar-reġim Sirjan għad-dimostrazzjonijiet;
4. Jiddispjaċih li s-sitwazzjoni fis-Sirja impediet it-tiġdid tal-Missjoni ta' Superviżjoni tan-NU, u n-nuqqas tar-reġim Sirjan li jimplimenta b'mod sħiħ il-Pjan ta' Paċi ta' Annan;
5. Jinnota li l-President Assad, bħala l-kap kostituzzjonali u legali tal-Istat Sirjan, għandu r-responsabilità finali għall-azzjonijiet kollha mwettqa mill-forzi armati; iħeġġeġ lill-President Assad jirrikonoxxi l-fatt li l-poplu Sirjan ċaħad lir-reġim tiegħu u jwarrab, fl-aħjar interessi tas-Sirja u tal-unità tal-poplu tagħha; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-partijiet kollha fis-Sirja jaħdmu mal-Uffiċċju tal-Rappreżentant Speċjali Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Lega tal-Istati Għarab għas-Sirja biex ikun implimentat malajr pjan ta' tranżizzjoni maħruġ mill-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja fit-30 ta' Ġunju 2012;
6. Jilqa' pożittivament il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju u jappoġġa l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra r-reġim Sirjan;
7. Jilqa' l-kundanna tar-reġim Sirjan mit-Turkija, l-Arabja Sawdija u l-Eġittu, u r-rwol importanti li kellhom it-Turkija u l-Ġordan li jaċċettaw ir-refuġjati; jiddispjaċih li l-Iran għadu qed jappoġġja l-pożizzjoni intransiġenti tal-President al-Assad u r-repressjoni brutali tal-poplu tiegħu;
8. Jinsisti li l-Gvern Sirjan għandu jiggarantixxi l-protezzjoni tad-dimostranti minn attakki, u jsostni d-dritt tad-dimostranti li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi, biex tiġi ggarantita l-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-Gvern Sirjan, għaldaqstant, itemm minnufih l-użu tal-forza kontra d-dimostranti paċifiċi;
9. Jistieden lill-Gvern Sirjan itemm l-arrest u d-detenzjoni arbitrarja ta’ attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti, kif ukoll jeħles lill-priġunieri tal-kuxjenza kollha; jistieden lill-awtoritajiet fis-Sirja jagħtu rendikont pubbliku ta' kull persuna li nqatlet, indarbet jew għadha nieqsa;
10. Jappoġġa l-isforzi internazzjonali biex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferuta quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;
11. Jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li l-intimidazzjonijiet tal-awtoritajiet Sirjani jistgħu jiġu estiżi għall-attivisti tal-oppożizzjoni fl-eżilju;
12. Jinsab ferm imħasseb dwar il-perikli imposti mis-Sirja fuq il-ħafna minoritajiet, inklużi refuġjati mill-Iraq, u b'mod partikolari l-Kristjani; li qed jinqabdu fil-ġlied bejn ir-reġim tal-Partit Ba'ath iddominat mill-minorità Alawite u l-Armata Libera Sirjana dominata mis-Sunni, li jinkludu wkoll estremisti ta' elementi Salafiti;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati tal-Eġittu, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega Għarbija u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.