Proċedura : 2012/2788(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0439/2012

Testi mressqa :

B7-0439/2012

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2012 - 11.15
CRE 13/09/2012 - 11.15

Testi adottati :

P7_TA(2012)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 146kWORD 86k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0425/2012
10.9.2012
PE493.600v01-00
 
B7-0439/2012

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-Sirja (2012/2788(RSP))


Guy Verhofstadt, Marietje Schaake, Edward McMillan-Scott, Robert Rochefort, Graham Watson, Marielle de Sarnez, Sonia Alfano, Sarah Ludford, Louis Michel, Norica Nicolai, Kristiina Ojuland, Antonyia Parvanova, Johannes Cornelis van Baalen, Jelko Kacin, Alexandra Thein f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sirja (2012/2788(RSP))  
B7‑0439/2012

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-23 ta’ Lulju 2012 tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja, kif ukoll il-konklużjoni tad-29 ta’ Ġunju 2012 tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Lulju, it-2 u t-18 ta' Awwissu, u l-5 ta’ Settembru 2012 dwar is-Sirja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżijiet tal-31 ta’ Lulju u d-29 ta’ Awwissu 2012,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2012 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab Nabil El Araby għall-ħatra ta’ Lakhdar Brahimi bħala Rappreżentant Speċjali Konġunt għas-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 509/2012 tal-15 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u d-Deċiżjonijiet sussegwenti tal-Kunsill li jinfurzaw dawn il-miżuri,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta’ Awwissu 2012 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Għarbija Sirjana,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-6 ta’ Lulju 2012 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja,

–   wara li kkunsidra l-Patt Nazzjonali u l-Viżjoni Politika Komuni għat-tranżizzjoni fis-Sirja li nħarġu wara l-konferenza tal-oppożizzjoni Sirjana li saret fil-Kajr fit-2-3 ta’ Lulju taħt l-awspiċju tal-Lega Għarbija,

–   wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Grupp ta’ Azzjoni tat-30 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra l-Pjan Annan u r-riżoluzzjonijiet 2042, 2043 u 2059 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi sa mill-bidu tar-repressjoni vjolenti ta’ persuni li jipprotestaw b’mod paċifiku fis-Sirja f’Marzu 2011, aktar minn 26 000 persuna nqatlu u kompliet tiżdied il-vjolenza qawwija, bħall-użu tal-artillerija u l-bumbardamenti qawwija taż-żoni popolati, inkluż f’Damasku u Aleppo, u anke l-qtil tal-waħx mill-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u x-Shabiha; billi kien hemm diversi massakri u qtil immirat (‘point-blank’) ta’ rġiel, nisa u tfal; billi t-tortura, l-arresti tal-massa u l-qerda mifruxa ta’ żoni popolati eskalaw b’mod drammatiku; billi l-bliet fis-Sirja kollha qed jiġu assedjati u bbumbardjati, anki minn elikotteri u ġettijiet militari (‘fighter jets’) mill-forzi mmexxija mill-Gvern; billi l-militarizzazzjoni dejjem tiżdied tal-kunflitt żiedet ir-riskju ta’ gwerra ċivili kif ukoll ikkawżat kunflitt settarju;

B.  billi aktar militarizzazzjoni tas-sitwazzjoni fis-Sirja jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni ċivili tagħha u se tkompli taffettwa r-reġjun b’mod ġenerali f’termini ta’ sigurtà u stabbiltà, b’implikazzjonijiet u konsegwenzi mhux prevedibbli;

C. billi l-awtoritajiet Sirjani deliberatament qatgħu l-aċċess għall-ikel u l-provvisti mediċi għaċ-ċittadini, kif intwera brutalment mill-bumbardament taċ-ċivili li kienu qed jistennew biex jidħlu għand furnara f’Aleppo; billi aktar minn żewġ miljun Sirjan qed jesperjenzaw sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora b'riżultat ta’ vjolenza kontinwa u spostamenti sfurzati;

D. billi l-impenji favur l-implimentazzjoni tal-pjan b’sitt punti mill-Mibgħut Speċjali Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Lega tal-Istati Għarab għas-Sirja s-Sur Kofi Annan ma ġewx rispettati mill-President Bashar al-Assad, filwaqt li r-reġim Sirjan tilef il-kredibbiltà kollha tiegħu u l-leġittimità bħala rappreżentant tal-poplu Sirjan;

E.  billi tul dawn l-aħħar xhur, kien hemm diżerzjonijiet ta’ persuni ta' livell għoli, inklużi l-Prim Ministru Sirjan Riad Hijabm, il-Brigadier Ġenerali tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Sirjana Manaf Tlass u diversi persuni b'pożizzjoni għola fil-korp diplomatiku; billi dawn id-diżerturi talbu lil oħrajn qrib il-President Assad u l-armata biex isegwu l-eżempju tagħhom;

F.  billi l-attakk ta’ bomba fuq il-binja tas-sigurtà nazzjonali fiċ-ċentru ta’ Damasku fit-18 ta’ Awwissu 2012 qatel diversi figuri ewlenin tar-reġim ta’ Assad;

G. billi minkejja l-embargo tal-UE fis-seħħ fuq l-armamenti, il-munizzjon u tagħmir militari ieħor, kif ukoll il-projbizzjoni tal-esportazzjoni tat-teknoloġiji tas-sorveljanza, ġew rappurtati diversi inċidenti li jinvolvu t-trasport bil-baħar tal-armi fl-ilmijiet tal-UE u d-dettalji li ħarġu dwar tranżazzjonijiet kummerċjali bejn kumpaniji tal-UE u entitajiet u persuni (statali) Sirjani, koperti bis-sanzjonijiet tal-UE, urew in-nuqqas ta’ kompetenza tal-UE li timplimenta b’mod sħiħ id-deċiżjonijiet u r-regolamenti tagħha stess;

H. billi diversi atturi esterni, direttament jew permezz ta’ kanali reġjonali u pajjiżi ġirien, ikomplu jappoġġaw b’mod attiv ir-reġim ta’ Assad u l-użu tiegħu ta’ vjolenza qawwija kontra l-popolazzjoni ċivili b’appoġġ u b’għajnuna finanzjarja, operattiva, loġistika u tattika; billi l-forzi u l-gruppi li jopponu lill-President Assad jirċievu wkoll appoġġ militari u tekniku minn pajjiżi tal-viċinat u dan jindika n-natura panreġjonali tal-kunflitt;

I.   billi l-intensifikazzjoni tal-vjolenza u l-kriżi umanitarja li dejjem qed tiżdied, fil-ġimgħat riċenti wasslu lill-pajjiżi tal-viċinat biex jaċċettaw numru li qed jikber b’mod drammatiku ta’ refuġjati Sirjani, partikolarment fit-Turkija, il-Ġordan u l-Libanu; billi ġew irreġistrati aktar minn 235 000 refuġjat Sirjan f’dawn il-pajjiżi; billi aktar minn 1.5 miljun ċivili huma spustati internament u aktar minn miljun għandhom bżonn urġenti ta’ għajnuna umanitarja;

J.   billi sa mid-19 ta’ Awwissu 2012, il-missjoni ta’ monitoraġġ USMIS tan-Nazzjonijiet Uniti ġiet sfurzata tirtira mis-Sirja minħabba s-sitwazzjoni ta’ sigurtà li qed tiddeterjora;

K. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha s’issa pprovdew aktar minn EUR 146 miljun f’għajnuna umanitarja lil organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż lill-attivisti u s-soċjetà ċivili fis-Sirja u lir-refuġjati Sirjani f’pajjiżi tal-viċinat fiż-żoni affettwati minn influss ta’ refuġjati Sirjani;

L.  billi l-Membri tal-oppożizzjoni Sirjana ħarġu Patt Nazzjonali u Viżjoni Politika Komuni għat-tranżizzjoni fis-Sirja wara l-konferenza li saret taħt l-awspiċju tal-Lega Għarbija li saret fil-Kajr fit-2 u t-3 ta’ Lulju; billi ġie stabbilit kumitat ta’ segwitu biex ikompli l-isforzi għall-unjoni tal-oppożizzjoni Sirjana;

M. billi fl-1 ta’ Lulju 2012 , il-grupp ta’ azzjoni tas-Sirja f’Ġinevra qabel dwar il-prinċipji u l-linji gwida ta’ tranżizzjoni mmexxija mis-Sirjani, li jinkludu t-twaqqif ta’ korp governattiv tranżitorju li jeżerċita setgħat eżekuttivi sħaħ;

N. billi l-vetoes tar-Russja u ċ-Ċina waqqfu lill-KSNU milli jadotta riżoluzzjoni li tapprova l-eżitu tal-Grupp ta’ Azzjoni għas-Sirja u waqqfu wkoll miżuri previsti biex jinfurzaw il-konformità mal-Pjan Annan b’sitt punti skont l-Artikolu 41 tal-Kapitolu tan-NU;

O. billi l-komunità internazzjonali s’issa naqset milli tingħaqad u timxi ’l quddiem għall-implimentazzjoni tal-pjan Annan kif ukoll ta’ prinċipji u linji gwida oħra miftiehma biex jakkomodaw it-tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani;

1.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-użu dejjem jiżdied ta’ vjolenza indiskriminata mir-reġim tal-President Assad kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, partikolarment il-qtil speċifiku ta’ tfal u nisa u l-eżekuzzjonijiet tal-massa fil-villaġġi; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-gravità tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti possibbli kontra l-umanità li ġew awtorizzati u/jew twettqu mill-awtoritajiet Sirjani, l-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u militari affiljati;

2.  Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji sommarji u kull forma oħra ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem kommessi minn gruppi u forzi li jopponu r-reġim ta’ Assad;

3.  Jenfasizza li m’għandha qatt tiġi rifjutata attenzjoni medika lil persuni li jkorru u li għandhom bżonn l-għajnuna u jitlob lill-partijiet kollha involuti jipproteġu l-popolazzjoni ċivili u jieqfu milli jużaw kull forma ta’ intimidazzjoni u vjolenza kontra pazjenti, tobba, persunal mediku u ħaddiema li jipprovdu għajnuna;

4.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri lill-familji tal-vittmi; ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni kontinwi tal-poplu Sirjan u jkompli jappoġġja bil-qawwa l-aspirazzjonijiet tiegħu biex jiżgura r-rispett sħiħ tad-dinjità tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-garanzija ta' kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jaġixxi u ma qabilx dwar riżoluzzjoni biex iżid pressjoni aktar robusta u effettiva biex tintemm il-vjolenza fis-Sirja; inkluża l-konformità sfurzata mar-riżoluzzjonijiet 2042 u 2043 tal-KSNU;

6.  Itenni l-istedina tiegħu lill-membri kollha tal-KSNU, partikolarment ir-Russja u ċ-Ċina, biex jonoraw ir-responsabbiltà internazzjonali tagħhom sabiex jiżguraw li l-użu tal-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana tieqaf immedjatament u tkun tista’ tibda tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani;

7.  Jistieden b'mod partikolari lill-membri permanenti kollha tal-KSNU biex jaħdmu bla waqfien fuq ftehim li jiżblokka l-waqfien attwali fin-negozjati, li qed jippermetti li tkompli l-vjolenza qawwija u li jiżdied in-numru ta’ mwiet. Jistieden lill-KSNU jafferma u jimplementa d-duttrina “Responsabbiltà ta’ Protezzjoni” biex jgħin isalva lill-popolazzjoni ċivili Sirjana milli tiġi massakrata mir-reġim ta’ Assad;

8.  Itenni l-appell tiegħu lill-President Bashar al-Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw immedjatament, biex tkun tista' sseħħ mill-aktar fis tranżizzjoni paċifika, inklużiva u demokratika mmexxija mis-Sirjani;

9.  Iħeġġeġ lir-reġim tal-President Assad iwaqqaf immedjatament il-vjolenza kriminali orrenda, indiskriminata u kriminali kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, partikolarment kontra t-tfal, u biex immedjatament ineħħi t-truppi u t-tankijiet mill-bliet, jirrilaxxa immedjatament il-persuni li pprotestaw li jinsabu detenuti, il-priġunieri politiċi, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-bloggers u l-ġurnalisti, u biex jippermetti l-provvista imminenti tal-għajnuna umanitarja;

10. Jistieden lill-partijiet kollha jaqblu dwar waqfien mill-ġlied (lokali) mill-aktar fis possibbli, sabiex jippermettu waqfien mill-ġlied sinifikanti, innegozjat u aktar estensiv;

11. Jistieden lill-partijiet kollha jippermettu aċċess sħiħ u sikur għall-ħaddiema internazzjonali u lokali, kif ukoll għall-midja internazzjonali u jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali;

12. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar aktar militarizzazzjoni tal-kunflitt u l-vjolenza settarja; jinnota r-rwol tal-atturi reġjonali differenti, inkluża il-kunsinna tal-armi u jinsab imħasseb dwar l-effetti kollaterali tal-kunflitt Sirjan fuq il-pajjiżi tal-viċinat;

13. Jikkundanna r-rieda espressa mir-reġim Sirjan li juża l-armi kimiċi kontra ‘theddid ta’ terroriżmu estern’ u jfakkar lill-President Assad dwar l-obbligi tiegħu skont il-Protokoll ta’ Ġinevra dwar il-fatt li ma jintużawx armi kimiċi u jistieden lill-awtoritajiet Sirjani jobdu b’mod rigoruż l-obbligi internazzjonali assunti minnhom;

14. Jiddispjaċih li l-isforzi kollha mill-Mibgħut Speċjali Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Lega tal-Istati Għarab għas-Sirja s-Sur Kofi Annan, inkluż il-pjan b’sitt punti sabiex tintemm il-vjolenza u tiġi promossa soluzzjoni politika fis-Sirja fallew; jilqa’ u jappoġġa b’mod sħiħ l-isforzi kollha mir-Rapperżentant Speċjali Konġunt is-Sur Lakhdar Brahimi u jħeġġeġ il-komunità internazzjonali, partikolarment il-KSNU, biex tagħtih l-appoġġ mhux kondizzjonat u unifikat tagħha;

15. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, il-Kunsill u l-Istati Membri biex flimkien ifittxu soluzzjoni imminenti għall-kriżi fis-Sirja; iħeġġeġ, madankollu, lill-VP/RGħ biex immedjatament iżżid l-isforzi u teżerċita pressjoni diplomatika fuq ir-Russja u ċ-Ċina biex jiżblokkaw l-istatus quo rigward azzjoni internazzjonali rapida u b’saħħitha mill-KSNU biex tintemm il-kriżi fis-Sirja;

16. Jappoġġa l-isforz kontinwu tal-UE li żżid il-pressjoni fuq ir-reġim tal-President Assad permezz ta’ miżuri restrittivi, jistieden lill-UE tikkunsidra li twessa’ l-ambitu tal-miżuri restrittivi tagħha għal entitajiet jew gruppi esterni li ċertament jipprovdu jew jiffaċilitaw appoġġ finanzjarju u operattiv lill-awtoritajiet Sirjani;

17. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ u l-Istati Membri tal-UE jagħmlu kull sforz biex jgħaqqdu l-oppożizzjoni Sirjana biex tistabbilixxi aġenda ċara għal Sirja demokratika bbażata fuq il-Patt Nazzjonali u Viżjoni Politika Komuni, u li se jkollha input wiesa’ u ftehim minn dawk fis-Sirja, sabiex jimplimentaw tranżizzjoni politika fis-Sirja mill-aktar fis possibbli li se tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet universali u l-libertajiet fundamentali tas-Sirjani kollha; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tkompli tiffaċilita seminars tal-oppożizzjoni, li jiġbru flimkien varjetà wiesgħa ta’ figuri tal-oppożizzjoni;

18. Jistieden lill-oppożizzjoni Sirjana tifforma gvern tranżitorju inklużiv u rappreżentattiv fl-eżilju bħala alternattiva kredibbli għar-reġim tal-President Assad, li jista’ eventwalment isir rappreżentant leġittimu tal-poplu Sirjan;

19. Jappoġġa t-talbiet minn diversi gruppi fl-oppożizzjoni u mill-Gvern Tork biex jiġu stabbiliti postijiet tal-kenn tul il-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja, u possibilment fis-Sirja, kif ukoll il-ħolqien ta’ kurituri umanitarji mill-komunità internazzjonali; jistieden lir-RGħ/VP tintensifika d-diskussjonijiet mat-Turkija, il-Lega Għarbija u l-oppożizzjoni Sirjana dwar it-twaqqif ta’ dawn il-postijiet tal-kenn biex jaċċettaw refuġjati Sirjani u jippermettu lil dawk li huma ppersegwitati mir-reġim isibu rifuġju u protezzjoni;

20. Jilqa’ l-fatt li l-UE hija lesta li toffri appoġġ addizzjonali inkluż finanzjarju biex tgħin lill-pajjiżi tal-viċinat u jistieden lill-VP/RGħ u l-Kummissjoni jesploraw il-mezzi kollha biex jipprovdu assistenza umanitarja diretta lill-kunsilli ċivili fuq l-art, kif ukoll lill-aġenziji tan-NU u l-NGOs internazzjonali, b'reazzjoni għall-ħtiġijiet f’dawk il-pajjiżi tal-viċinat li, partikolarment permezz tal-influss tar-rifuġjati, jinsabu affettwati l-aktar mill-kriżi fis-Sirja;

21. Jilqa’ l-appoġġ qawwi muri mil-Lebanon, il-Ġordan, l-Iraq u partikolarment it-Turkija biex jagħtu kenn lin-numru dejjem jiżdied ta’ rifuġjati Sirjani u r-rieda tagħhom biex iżidu l-għajnuna umanitarja; jappoġġa bil-qawwa l-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi li jagħtu għajnuna umanitarja liċ-ċittadini Sirjani li qed ifittxu protezzjoni fil-pajjiżi tagħhom;

22. Itenni t-talba tiegħu li jsiru investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti minnufih tal-każijiet ta’ ksur mifrux u sistematiku gravi tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Sirjani, l-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà, il-forzi militari kif ukoll mill-forzi li jopponu r-reġim ta’ Assad, bil-għan li jiżguraw li dawk responsabbli ta’ dawn l-atti, li jistgħu jitqiesu delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli mill-komunità internazzjonali;

23. Itenni l-approvazzjoni qawwija tiegħu tat-talba tal-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq mill-KSNU quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) għal investigazzjoni formali; jikkommetti ruħu bil-qawwa biex jassigura li dawk kollha responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt internazzjonali jiġu identifikati u jinżammu responsabbli;

24. Jitlob li jkun hemm tranżizzjoni politika paċifika u ġenwina mmexxija mis-Sirjani lejn demokrazija li tissodisfa t-talbiet leġittimi tal-poplu Sirjan u li tkun imsejsa fuq djalogu inklużiv li jinvolvi l-forzi demokratiċi u l-komponenti kollha fi ħdan is-soċjetà Sirjana bil-għan li jitnieda proċess ta' riforma demokratika profonda, li tqis ukoll il-ħtieġa li tkun żgurata r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u huwa impenjat li jiżgura r-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet tal-minoranzi;

25. Ifakkar li hekk kif tibda tranżizzjoni demokratika ġenwina, inklużi elezzjonijiet ħielsa u ġusti, l-UE għandha tkun lesta tiżviluppa sħubija ġdida u ambizzjuża mas-Sirja fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku, anke billi timmobilizza l-għajnuna, issaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi u tappoġġa l-ġustizzja tranżitorja u t-tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana.

 

Avviż legali - Politika tal-privatezza