Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0462/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0462/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar in-negozjati kummerċjali tal-UE mal‑Ġappun

17.10.2012 - (2012/2711(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Vital Moreira, Metin Kazak f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Proċedura : 2012/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0462/2012

B7‑0462/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-negozjati kummerċjali tal-UE mal‑Ġappun

(2012/2711(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fi ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-kummerċ u l-investiment,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020" (COM(2010)0612/3),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ostakoli għall-kummerċ u għall-investiment, ippubblikat fil-21 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Rikonoxximent Reċiproku bejn l-UE u l-Ġappun konkluż fl-2001,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni rigward l-Attivitajiet Antikompetittivi bejn l-UE u l-Ġappun konkluż fl-2003,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni u l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun konkluż fl-2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' Copenhagen Economics bit-titolu "Assessment of barriers to trade and investment between the EU and Japan" (Valutazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ u għall-investimenti bejn l-UE u l-Ġappun), ippubblikat fit-30 ta' Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun, ippubblikati fil-21 ta' Frar 2011,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata waqt l-għoxrin Samit bejn l-UE u l-Ġappun, li sar fi Brussell fit-28 ta' Mejju 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn UE u l-Ġappun,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 90(2) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura,

–   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni (2008/2101(INI)),

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Amsterdam tal-1997 li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea – Protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija ffirmat fit-2 ta' Lulju 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar negozjati kummerċjali tal-UE mal-Ġappun,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE u l-Ġappun flimkien jirrappreżentaw iktar minn terz tal-PDG dinji u iktar minn 20 % tal-kummerċ dinji;

B.  billi fl-2011 il-volum totali tal-kummerċ bilaterali ta' merkanzija bejn l-UE u l-Ġappun kien jammonta għal EUR 116.4 biljun biss, b'kuntrast mal-EUR 444.7 biljun għall-UE-USA, mal-EUR 428.3 biljun għall-EU-Ċina u mat-EUR 306.6 biljun għall-UE-Russja;

C. billi, fl-2011, il-bilanċ kummerċjali fl-attiv tal-Ġappun meta mqabbel mal-Unjoni kien jammonta għal EUR 18.5 biljun, li minnhom 30 % biss fi prodotti awtomobilistiċi;

D. billi, fost in-nazzjonijiet, il-Ġappun jokkupa s-16-il post fil-klassifika "Kummerċ transkonfinali" ("Trading Across Borders") fl-istudju tal-Bank Dinji bit-titolu "Ease of Doing Business" (Faċilità li tagħmel negozju) u jinsab qabel 18-il Stat Membru;

E.  billi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni nnutaw li l-kapaċità tal-Ġappun li jneħħi ostakoli non-tariffarji (ONT) u ostakoli għall-aċċess għas-swieq fl-akkwist pubbliku hija prekundizzjoni għat-tnedija ta' negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) bejn l-UE u l-Ġappun;

F.  billi l-istudju ta' Copenhagen Economics ta' Novembru 2009 kkalkola żieda potenzjali ta' 71 % għall-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun u żieda ta' 61 % għall-esportazzjonijiet Ġappuniżi lejn l-UE jekk l-ostakoli non-tariffarji u tariffarji jitnaqqsu kemm jista' jkun;

G. billi l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun qablu f'samit konġunt li sar fit-28 ta' Mejju 2011 biex iniedu eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib rigward il-fattibilità u l-ambizzjoni komuni għat-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles; billi l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib kien konkluż,

H. billi l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jappoġġaw iż-żamma tal-moratorja globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni u l-projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali ta' prodotti li ġejjin mill-balieni, jimpenjaw ruħhom iwaqqfu l-"kaċċa għal finijiet xjentifiċi" u jsostnu d-deżinjazzjoni ta' żoni vasti tal-oċeani u tal-ibħra bħala santwarji marini, li fihom il-kaċċa għall-balieni, taħt kwalunkwe forma, hija pprojbita għal żmien indefinit;

I.   billi jeżisti eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib fuq livell politiku parallel għal ftehim ta' qafas politiku, li wkoll kien konkluż b'suċċess;

Kuntest politiku u ekonomiku

1.  Iqis li, quddiem l-isfidi l-ġodda li tħabbat wiċċha magħhom dinja globalizzata, huwa neċessarju li titqies l-importanza tal-Ġappun bħala alleat politiku b'approċċ simili għal dak tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jemmen li hu kruċjali għall-UE li tapprofondixxi b'mod komprensiv ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħha ma' ekonomiji globali kbar bħall-Ġappun sabiex ikun massimizzat il-potenzjal ta' impjiegi u tkabbir fil-qafas tal-istrateġija UE 2020; iqis li dan huwa partikolarment urġenti fid-dawl tal-kriżi ekonomika li qegħdin fiha, rati ta' qgħad għoljin u tbassir ta' tkabbir batut fl-UE;

3.  Jinsab imħasseb, f'dan ir-rigward, li l-volum kummerċjali bilaterali tal-UE mal-Ġappun huwa konsiderevolment anqas minn dak ta' ma' sħab oħra bħalma huma l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina u r-Russja; jikkonkludi li l-potenzjal enormi tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun għadu ma ġiex irrealizzat għall-ġid tal-impriżi, tal-ħaddiema u tal-konsumaturi tal-UE, speċjalment minħabba l-impatt tal-ostakoli mhux tariffarji mqiegħda mill-Ġappun għall-opportunitajiet ta' aċċess għas-suq għall-impriżi Ewropej;

4.  Josserva li l-Ġappun qiegħed isegwi l-interessi tiegħu fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ta' importanza kbira oħrajn, bħall-ftehim ta' kummerċ ħieles potenzjali bejn il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Korea t'Isfel u s-Sħubija Transpaċifika, apparti li qiegħed ukoll jinnegozja diversi ftehimiet bilaterali; huwa konvint li l-UE għandha tislet tagħlima mill-esperjenzi tagħha miksuba mill-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Korea t'Isfel biex tilħaq penetrazzjoni kumparabbli ta' aċċess għas-suq fin-negozjati mal-Ġappun;

L-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib

5.  Jinnota l-konklużjoni ta' eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib b'mod li kienu sodisfatti bih kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Ġappuniż;

6.  Jilqa' pożittivament l-enfasi fuq it-tneħħija tal-ONT u l-ostakoli għall-aċċess għas-swieq fl-akkwist pubbliku fl-ambitu tan-negozjati tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib, kif mitlub mill-Parlament;

7.  Iwissi li, filwaqt li l-pjanijiet direzzjonali jirrappreżentaw progress parzjali, uħud minnhom mhumiex daqshekk preċiżi u jagħtu lok għall-interpretazzjoni (eż. id-dispożizzjonijiet dwar l-akkwist fil-qasam ferrovjarju); iqis, għaldaqstant, li l-Ġappun irid juri ambizzjoni akbar sa mill-bidu tan-negozjati futuri; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' dawn in-negozjati hija kruċjali u għalhekk, jitlob li jinkisbu riżultati konkreti malajr kemm jista' jkun, idealment qabel id-dati stabbiliti;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Ġappun jerġa' jikkonferma, fil-bidu tan-negozjati uffiċjali dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun, l-impenn li assuma matul l-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib li jneħħi l-ostakoli non-tariffarji għall-kummerċ (ONT);

9.  Jitlob, f'dan ir-rigward, li bħala kundizzjoni għall-adozzjoni ta' direttivi ta' negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun, il-Kunsill jinsisti fuq klawsola ta' reviżjoni vinkolanti attiva fi żmien sena mit-tnedija tan-negozjati bil-għan li l-Ġappun jiġi vvalutat jekk huwiex jikseb riżultati ċari fit-tneħħija tal-ONT, partikolarment dawk li jolqtu s-settur awtomobilistiku tal-UE, kif anki l-ostakoli għall-akkwist pubbliku fil-qasam ferrovjarju u tat-trasport urban li ntlaħaq qbil dwarhom fl-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib;

Mandat għan-negozjati

10. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tagħti bidu lin-negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun abbażi tal-eżitu tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib u ta' objettivi ċari;

11. Jistieden lill-Kummissjoni tiddedika waħda mis-sessjonijiet inizjali tan-negozjati għall-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun għat-tneħħija tal-ONT u, għaldaqstant, tiggarantixxi l-possibilità li ssir valutazzjoni indipendenti tal-impatt bħala parti mill-klawsola ta' reviżjoni, sena wara l-bidu tan-negozjati, bil-għan li jiġi vvalutat objettivament il-progress li sar f'dan is-settur ta' interess kruċjali għall-Parlament;

12. Jenfasizza li tali ftehim irid ikun komprensiv, ambizzjuż u kompletament vinkolanti fid-dispożizzjonijiet kummerċjali kollha tiegħu; jenfasizza li l-ftehim ta' kummerċ ħieles irid iwassal għal ftuħ ġenwin tas-suq u għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-post, pjuttost milli ftuħ ipotetiku u ġuridiku biss; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament u lill-Kunsill uffiċjalment u fuq bażi perjodika dwar l-istat ta' avvanzament tan-negozjati u dwar il-progress li sar fit-tneħħija tal-ONT; iqis li jekk, matul in-negozjati, il-Ġappun ma jurix ambizzjoni suffiċjenti biex jissodisfa r-rekwiżiti prijoritarji tal-UE, il-Kummissjoni għandha tissospendi n-negozjati wara konsultazzjonijiet mal-Parlament u mal-Kunsill;

13. Jinnota li t-tneħħija tal-ostakoli non-tariffarji tippreżenta diffikultà iktar sinifikattiva f'termini ta' monitoraġġ u implimentazzjoni mill-eliminazzjoni ta' tariffi fuq l-importazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis totalment ir-rakkomandazzjonijiet formulati mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-Kummerċ u l-Investiment u tislet konklużjonijiet mill-impenji fil-qasam tal-ONT li jinsabu fil-ftehim ta' kummerċ ħieles UE-Korea t'Isfel biex tiżviluppa prattiki aħjar f'dawk li huma mekkaniżmi ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ;

14. Jisħaq fuq il-fatt li, biex ftehim ta' kummerċ ħieles ikun tassew vantaġġuż għall-ekonomija tal-UE, il-Kunsill għandu jistabbilixxi kalendarju ċar u jinkludi dawn l-aspetti li ġejjin fid-direttivi tan-negozjati tal-Kummissjoni:

–   riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu mill-gvern Ġappuniż dwar l-ONT bil-ħsieb tal-eliminazzjoni tal-maġġoranza l-kbira ta' ostakoli li jxekklu l-kummerċ bejn l-UE u l-Ġappun; jenfasizza li dawn l-impenji għandhom imorru lil hinn mill-pjanijiet direzzjonali miftiehma fil-qafas tal-eżerċizzju ta' identifikazzjoni bikrija tal-elementi ewlenija ta' tħassib; il-Kummissjoni tagħmel rapport lill-Kunsill u lill-Parlament fuq bażi regolari dwar il-progress f'dan il-qasam;

–   l-eliminazzjoni tal-ONT attwali fis-settur awtomobilistiku bħar-"regolamenti dwar it-tqassim f'żoni", restrizzjonijiet antikompetittivi oħra u t-trattament tal-vetturi elettriċi u ibridi; it-trattament preferenzjali tal-vetturi "keicar" għandu jiġi ttrattat biex tiġi garantita kompetizzjoni ġusta f'dan is-settur importanti;

–   konċessjonijiet sinifikattivi fil-qasam tal-akkwist pubbliku li jiggarantixxu lill-kumpaniji Ewropej aċċess għas-suq f'setturi strateġiċi tal-Ġappun, fosthom il-ferroviji u t-trasport urban, bl-istess grad ta' ftuħ garantit fl-ambitu tas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE;

–   mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni tat-tilwim rigoruż u effikaċi li jeħtieġ konsultazzjonijiet obbligatorji fost il-partijiet diġà mill-ewwel fażijiet għall-ġlieda kontra ONT ġodda kif ukoll ostakoli għall-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku fil-Ġappun wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim;

–   programm gradwali għat-tnaqqis tat-tariffi sensittivi fl-UE sabiex iħalli biżżejjed żmien lill-industrija tal-UE tadatta ruħha għal iktar kompetizzjoni; iqis li t-tneħħija ta' tali tariffi għandha tkun inestrikabbilment marbuta, permezz ta' "klawsola ta' salvagwardja", mal-progress fit-tneħħija tal-ostakoli għall-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku u tal-ONT fil-Ġappun b'tali mod li t-tariffi sensittivi tal-UE ma jitnaqqsux mingħajr it-tneħħija korrispondenti ta' ostakoli non-tariffarji u ostakoli fil-qasam tal-akkwist pubbliku fil-Ġappun;

–   miżuri effikaċi ta' salvagwardja bilaterali biex tkun evitata żieda għal għarrieda fl-importazzjonijiet li tkun tikkawża, jew tista' tikkawża, dannu gravi lill-industrija tal-UE u tal-Ġappun, speċjalment fis-setturi sensittivi bħall-industriji awtomobilistika u tal-elettronika;

–   it-tneħħija ta' numru sostanzjali ta' ostakoli l-aktar problematiċi li jimpedixxu l-aċċess tal-SMEs Ewropej għas-suq;

–   riferiment għall-istandards u għad-dixxiplini fis-seħħ f'livell internazzjonali f'ambitu sanitarju u fitosanitarju, partikolarment dawk tal-Codex Alimentarius, tal-Organizzazzjonu Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (IPPC);

–   miżuri obbligatorji għall-ħarsien tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) għall-prodotti agrikoli u tal-ikel, inklużi nbejjed u spirti;

–   fid-dawl tal-katastrofi ta' Marzu 2011, enfasi partikolari fuq il-kooperazzjoni enerġetika u fuq it-tisħiħ tal-aċċess għas-suq ta' beni u servizzi ambjentali;

–   kapitolu solidu u ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli bi standards fundamentali fil-qasam tax-xogħol, li jinkludu l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO għall-pajjiżi industrijalizzati; tali kapitolu għandu jinkludi wkoll il-ħolqien ta' forum tas-soċjetà ċivili li tgħasses u tifformula osservazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tiegħu u l-implimentazzjoni effikaċi tal-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent, il-benesseri tal-abnimali u l-konservazzjoni tal-bijodiversità;

–   opportunitajiet reali ta' aċċess għas-suq għaż-żewġ partijiet fis-swieq tas-servizzi rispettivi tagħhom permezz tat-tneħħija tal-ostakoli regolamentari, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-investimenti, l-appalti fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u impenji sinifikattivi rigward ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, biex jiġu ttrattati wkoll il-vantaġġi inġusti fis-settur tas-servizzi postali;

–   tisħiħ u estensjoni tad-djalogi dwar il-kooperazzjoni fl-ambitu regolamentari bil-previżjoni ta' dispożizzjonijiet vinkolanti għal aktar rispett tal-istandards internazzjonali u ta' armonizzazzjoni tar-regolamentazzjoni, partikolarment permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE);

–   kapitolu komprensiv dwar l-investimenti li jittratta kemm il-protezzjoni tal-investimenti kif ukoll l-aċċess għas-suq;

15. Itenni li, jekk il-kundizzjonijiet huma rispettati, ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Ġappun għandu l-potenzjal li jwassal għal sitwazzjoni reċiprokament vantaġġuża, għall-ġid taż-żewġ ekonomiji, u li livell akbar ta' integrazzjoni bis-saħħa ta' ftehim ta' integrazzjoni ekonomika jista' jkattar il-benefiċċji konsiderevolment għaż-żewġ ekonomiji;

16. Josserva l-persistenza ta' diverġenzi gravi bejn l-UE u l-Ġappun dwar kwistjonijiet marbuta mal-ġestjoni tas-sajd u tal-kaċċa għall-balieni, b'mod partikolari tal-kaċċa għall-balieni mwettqa mill-Ġappun bl-iskuża ta' finijiet xjentifiċi, u jappella għal estensjoni tad-diskussjonijiet dwar il-projbizzjoni tal-kaċċa għall-balieni kif ukoll tal-kummerċ ta' prodotti li ġejjin mill-balieni;

Wara n-negozjati

17. Jitlob li, f'każ li n-negozjati jirnexxu, il-Kummissjoni tibda t-tieni valutazzjoni ta' impatt biex teżamina l-vantaġġi u l-iżvantaġġi mistennija mill-ftehim f'termini ta' impjiegi u tkabbir fl-UE, inkluża analiżi tal-impatt fuq setturi sensittivi bħal dawk awtomobilistiku tal-elettronika, u l-benefiċċji għall-interessi offensivi tal-UE

18. Ifakkar li l-Parlament se jintalab jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-eventwali ftehim ta' kummerċ ħieles UE-Ġappun, kif stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ġappun.