Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0465/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0465/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja

17.10.2012 - (2012/2815(RSP))

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Werner Schulz, Elisabeth Schroedter f'isem il-Grupp Verts/ALE <<<

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0463/2012

Proċedura : 2012/2815(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0465/2012
Testi mressqa :
B7-0465/2012
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0465/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja

(2012/2815(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Lulju 2012 u tad-29 ta' Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Settembru 2012, mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Marzu 2012 li fihom jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/126/PESK tat-28 ta' Frar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 2012 dwar it-tnedija ta' djalogu Ewropew għall-modernizzazzjoni mas-soċjetà Bjelorussa,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 354/2012 tat-23 ta' April 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Frar 2012 tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar id-deċiżjoni tagħha u dik tal-Gvern Pollakk biex jissejħu lura l-kap tad-delagazzjoni tal-UE f'Minsk u l-ambaxxatur Pollakk għall-Bjelorussja rispettivament,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/36/PESK tat-23 ta' Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet u l-konklużjonijiet preliminari dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja mill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (OSKE/ODIHR) u l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE (AP OSKE) tal-24 ta' Settembru 2012,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' April 2012 u r-Riżoluzzjoni 17/24 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Settembru tal-President Schulz, tal-24 ta' Settembru tal-Viċi President Protasiewicz, tas-Sur Brok u tas-Sur Kaczmarek, tal-25 ta' Settembru tas-Sur Vigenin u tas-26 ta' Settembru, kollha dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Bjelorussja hija waħda mill-membri fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant; billi l-Bjelorussja laqgħet id-Dikjarazzjoni ta' Praga waqt is-Samit tas-Sħubija tal-Lvant tas-7-9 ta' Mejju 2009 fejn reġgħet affermat l-impenn tagħha favur il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;

B.  billi s-sitwazzjoni politika fil-Bjelorussja ilha kostantament tiddeterjora sa mill-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Diċembru 2010, b'miżuri ripressivi li ttieħdu kontra membri tal-oppożizzjoni demokratika, il-midja ħielsa, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u azzjonijiet ikkonċertati kontra l-bloggers, il-moderaturi u l-amministraturi tan-netwerks soċjali, b'perkwiżizzjonijiet tad-djar, interrogazzjonijiet u arresti fit-30 ta' Awwissu 2012, minkejja t-talbiet ripetuti mill-komunità internazzjonali biex dawn il-miżuri jieqfu immedjatament;

C. billi l-elezzjonijiet parlamentari li saru fit-23 ta' Settembru tqiesu mill-UE bħala test għall-Bjelorussja biex turi r-rieda tagħha li terġa' tidħol f'impenn mal-Unjoni fuq il-bażi tal-valuri demokratiċi u l-istandards Ewropej;

D. billi skont id-dikjarazzjoni tas-Sejbiet u l-Konklużjonijiet Preliminari tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Internazzjonali tal-OSKE/ODIHR ħafna mill-impenji tal-OSKE, inklużi d-drittijiet taċ-ċittadini li jassoċċjaw ruħhom u joħorġu għall-elezzjoni bħala kandidati, u biex jesprimu ruħhom b'mod ħieles ma ġewx rispettati, u billi s-sejbiet kienu kkonfermati sew mill-missjonijiet tal-osservazzjoni domestika u n-netwerks tal-NGOs Bjelorussi;

E.  billi, minkejja l-fatt li għall-ewwel darba l-partiti politiċi setgħu jressqu kandidati fil-kostitwenzi kollha, il-proċess għar-reġistrazzjoni tal-kandidati kien tant burokratiku mil-lat tekniku li rriżulta fl-esklużjoni ta' wieħed minn dawk nominati;

F.  billi l-kandidati kienu intitolati biss għal diskors ta' ħames minuti fuq il-midja ta' proprjetà tal-istat b'messaġġi li kellhom ikunu rrekordjati minn qabel; billi bosta kandidati ma ngħatawx din l-opportunità, speċjalment dawk li talbu li l-elezzjoni tiġi bbojkottjata;

G. billi żewġ partiti politiċi bbojkottjaw l-elezzjonijiet u żewġ partiti oħra rtiraw il-kandidati tagħhom minħabba t-tfigħ il-ħabs kontinwu ta' individwi fuq raġunijiet politiċi u atti ta' intimidazzjoni tal-attivisti tal-oppożizzjoni;

H. billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni kellhom 0.8% kważi esklużi għal kollox mill-kumitati elettorali lokali mill-awtoritajiet Bjelorussi;

I.   billi ħafna studenti u impjegati ta' kumpaniji ta' proprjetà tal-istat ġew sfurzati jivvutaw kmieni bit-theddida li jitilfu l-boroż ta' studju u l-impjiegi tagħhom; billi saret pressjoni skorretta fuq il-votanti fl-armata biex jieħdu sehem fil-votazzjoni bikrija;

J.   billi, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet Bjelorussi stiednu l-OSKE/ODIHR biex josservaw l-elezzjonijiet parlamentari mingħajr restrizzjonijiet u limitazzjonijiet, żewġ membri tal-missjoni u żewġ Membri tal-parlamenti nazzjonali mill-Ġermanja u l-Litwanja ma tħallewx jidħlu u ma ngħataw ebda spjegazzjoni jew kjarifika eżawstiva;

K. billi l-awtoritajiet Bjelorussi ddeċidew li ma jestendux il-mandat tal-Uffiċċju tal-OSKE f'Minsk għax skont l-opinjoni tagħhom hija kienet diġà ssodisfat il-mandat tagħha;

L.  billi l-Bjelorussja għadha qed iżomm detenuti 12-il priġunier politiku, fosthom id-difensur tad-drittijiet tal-bniedem u Viċi President tal-Federazzjoni Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem Ales Bialiatski, l-ex-kandidat presidenzjali Mikalai Statkevich u l-mexxej tal-organizzazzjoni taż-żgħażagħ “Malady Front” Zmitser Dashkevich, li riċentement beda strajk tal-ġuħ bi protesta kontra abbuż u theddid min-naħa tal-uffiċjali tal-ħabs;

M. billi f'Lulju l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU reġa' daħħal il-pożizzjoni ta' rapporteur għall-Bjelorussja billi ħatar lil Miklos Haraszti bħala rapporteur speċjali;

N. billi l-Bjelorussja hi l-uniku pajjiż fl-Ewropa fejn għadhom jingħataw sentenzi ta’ piena kapitali u jitwettqu l-eżekuzzjonijiet; billi skont attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, madwar 400 persuna nqatlu fil-Bjelorussja mill-1991 ’l hawn;

1.  Jiddispjaċih li għal darba oħra il-mod kif saru l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjeolrussja falla milli jissodisfa ħafna impenji bażiċi tal-OSKE li rriżulta f'konsultazzjonijiet mhux ġusti, mhux ħielsa, mhux trasparenti u mhux bilanċjati minkejja ċertu titjib minuri fil-qafas legali tal-elezzjonijiet;

2.  Jenfasizza li dawn l-elezzjonijiet jirrappreżentaw opportunità mitlufa oħra għall-Bjelorussja li toqrob lejn il-valuri Ewropej u li tissodisfa l-impenji fundaturi tas-Sħubija tal-Lvant u l-OSKE;

3.  Huwa tal-opinjoni li n-natura mhux demokratika tal-proċess elettorali u r-rapporti ta’ ksur tal-prinċipji ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti ipoġġu f’dubju serju l-validità tal-eżitu tal-elezzjonijiet u l-leġittimità tal-membri parlamentari eletti;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jindirizzaw għal kollox u b'bona fide n-nuqqasijiet kollha enfasizzati mill-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-OSKE/ODIHR u biex jitolbu għal elezzjonijiet parlamentari ġodda ladarba jiġu implimentati l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti reali skont l-OSKE;

5.  Huwa tal-opinjoni li d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern Bjelorussu dwar ir-rieda tiegħu biex itejjeb il-kooperazzjoni mal-UE u biex joħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-bidu ta' diskussjonijiet bejn l-UE u l-Bjelorussja għandhom bżonn jiġu konfermati u segwiti minn atti u fatti konkreti;

6.  Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi li, fis-sentejn li għaddew, irrifjutaw ripetutament il-viżi ta' dħul lil Membri tal-Parlament Ewropew u lil deputati parlamentari nazzjonali; jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi ma joħolqu ebda ostaklu addizzjonali li jwaqqaf lid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Bjelorussja milli żżur il-pajjiż;

7.  Jilqa' l-ħelsien ta' Syarhei Kavalenka imma jiddispjaċih li dan seħħ wara talba ta' maħfra miksuba permezz ta' tortura;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jeħilsu u jirrijabilitaw mingħajr kundizzjonijiet il-priġunieri politiċi kollha li baqa', mingħajr ma jiġu sfurzati jiffirmaw konfessjonijiet foloz u talbiet ta' maħfra u jesprimi preokkupazzjoni kbira rigward ir-rapporti rikorrenti ta' kundizzjonijiet ta' detenzjoni inumani imposti deliberatament, partikolarment fir-rigward ta' Ales Bialiatski u Dzmitry Dashkevich;

9.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hija lesta ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja u l-poplu tagħha fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Isħubija tal-Lvant malli l-Gvern Bjelorussu jkun wera rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu Bjelorussu;

10. Jilqa' d-"Djalogu Ewropew dwar il-modernizzazzjoni mas-soċjetà Bjelorussa" dwar ir-riformi meħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-Bjelorussja u dwar l-iżvilupp potenzjali relatat tar-relazzjonijiet mal-UE kif ukoll il-kampanja ta' informazzjoni relatata fil-Bjelorussja; huwa tal-opinjoni li d-Djalogu Ewropew jista' jgħin biex jistimola dibattitu kostruttiv u sostanzjali bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà Bjelorussa f'Minsk rigward ideat konkreti dwar il-ħtiġijiet ta' riforma tal-pajjiż;

11. Jistieden lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu d-djalogu mal-Bjelorussja u jfasslu politika iktar ċara vis-à-vis l-Bjelorussja, soġġetti għal kundizzjonalità pożittiva stretta bbażata fuq approċċ gradwali pass pass, mgħamamr b'benchmarks, skedi ta' żmien, klawsola ta' reviżjoni u riżorsi finanzjarji xierqa;

12. Jieħu nota tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill biex tiġġedded il-projbizzjoni fuq il-viżi u l-iffriżar tal-assi għal dawk il-persuni direttament involuti fil-ksur tal-istandards elettorali demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem u jitlob għat-twessigħ tas-sanzjonijiet ekonomiċi mmirati għal persuni individwali tan-negozju u l-kumpaniji tagħhom li ma jaffettwawx il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Bjelorussi;

13. Jistieden lill-Kunsill u l-Istati Membri biex jieħdu passi ulterjuri, favur l-iffaċilitar tal-proċeduri tal-viżi għaċ-ċittadini Bjelorussi, bħal ma huma t-traħħis tal-ispejjeż għall-viżi jew li jitneħħew kompletament għal gruppi speċjali bħal studenti li jkunu deħlin fiż-Żona Schengen;

14. Jiddeplora għal darb'oħra l-lista ta' projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar barra l-pajjiż imfassla mill-Gvern Bjelorussu li tipprojbixxi lil diversi oppożituri u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem milli jitilqu mill-pajjiż; jesprimi s-simpatija tiegħu lin-nies kollha inklużi f'din il-lista u jistieden lill-awtoritajiet ta' Minsk iwaqqfu l-prattiki li jiksru l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Bjelorussi;

15. Għal darba oħra jħeġġeġ lill-Bjelorussja, li hi l-uniku pajjiż Ewropew fejn għadha tiġi implimentta l-piena kapitali, biex tintroduċi moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet u biex b’mod immedjat tħabbar moratorju fuq il-piena kapitali bħala l-ewwel pass lejn abolizzjoni totali;

16. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi li ma jikkooperawx mar-rapporteur speċjali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li għadu kif inħatar għall-Bjelorussja u jistedinhom biex iħalluh jaqdi l-mandat tiegħu u jżur il-pajjiż meta jkun hemm bżonn;

17. Jistieden lill-Bjelorussja fir-rigward tal-proġett tal-kostruzzjoni ta' impjant tal-enerġija nukleari ġdid li jikkonforma għal kollox mal-Konvenzjoni Aarhus u biex timplimenta b'mod riġidu n-normi kollha tal-Konvenzjoni ESPOO dwar il-Valutazzjoni ta’ l-Impatt Ambjentali f’Kuntest Transkonfinali;

18. Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Litwani li rrifjutaw id-dħul u ħassru l-viżi ta' Tatsyana Novikawa u Mikalay Ulasevich, żewġ Bjelorussi prominenti mdaħħlin fil-kampanji politiċi, mistiedna f'Vilnius biex jattendu konferenza, billi allegaw li t-tnejn li huma 'heddu s-sigurtà ta' pajjiż tal-UE wieħed jew aktar u s-sigurtà nazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja'; jinnota li tali att jikkontradixxi u jmur kontra l-isforzi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex isaħħu s-soċjetà ċivili Bjelorussa u jistieden lill-awtoritajiet Litwani biex jagħmlu apoloġija dwar dan u biex jerġgħu lura d-deċiżjoni preċedenti tagħhom;

19. Jiddispjaċih aktar dwar il-kooperazzjoni u t-taħriġ tal-Miliz Bjelorussu mill-forzi tal-pulizija Ġermaniżi fl-2009 u l-2010 f'oqsma sensittivi ħafna bħal dimostrazzjonijiet tal-massa u rewwixti, jistieden lill-Kunsill u l-Istati Membri tal-UE, fid-dawl ta' numru ta' inċidenti reċenti fil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet Bjelorussi u tal-UE, biex itejbu b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni u l-informazzjoni interna tal-UE sabiex jiġi evitat kwalunkwe periklu ulterjuri għall-attivisti tas-soċjetà ċivili Bjelorussa mill-Istati Membri tal-UE;

20.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-KSI u lill-awtoritajiet Bjelorussi.