Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0466/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0466/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja

17.10.2012 - (2012/2815(RSP))

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Filip Kaczmarek, Elmar Brok, Krzysztof Lisek, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Rafał Trzaskowski, Elena Băsescu, Jacek Protasiewicz, Cristian Dan Preda, Lena Kolarska-Bobińska, Eduard Kukan, Monica Luisa Macovei, Marietta Giannakou, Inese Vaidere, Andrzej Grzyb, Daniel Caspary, Jarosław Leszek Wałęsa, Paweł Zalewski, Bogusław Sonik f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0463/2012

Proċedura : 2012/2815(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0466/2012
Testi mressqa :
B7-0466/2012
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B7‑0466/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet fil-Bjelorussja

(2012/2815(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bjelorussja, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Lulju 2012, tad-29 ta' Marzu 2012[1], tas-16 ta' Frar 2012[2], tal-15 ta' Settembru 2011[3], tat-12 ta' Mejju 2011[4], tal-10 ta' Marzu 2011[5], tal-20 ta' Jannar 2011[6], tal-10 ta' Marzu 2010[7] u tas-17 ta' Diċembru 2009[8],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Ġunju 2012 tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012 li fihom jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/126/PESK tat-28 ta' Frar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja[9],

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnedija ta' djalogu Ewropew dwar il-modernizzazzjoni mas-soċjetà Bjelorussa (it-3157 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, Brussell, tat-23 ta' Marzu 2012),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 354/2012 tat-23 ta' April 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja,

–   wara li kunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bjelorussja (it-3191 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, Lussemburgu, 15 ta' Ottubru 2012),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Frar 2012 tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar id-deċiżjoni tagħha u dik tal-Gvern Pollakk biex jissejħu lura l-kap tad-delagazzjoni tal-UE f'Minsk u l-ambaxxatur Pollakk għall-Bjelorussja rispettivament,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/36/PESK tat-23 ta' Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1857(2012) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-25 ta' Jannar 2012 dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, li tikkundanna l-persekuzzjoni kontinwa tal-membri tal-oppożizzjoni u l-fastidju lill-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-midja indipendenti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' April 2012 u r-Riżoluzzjoni 17/24 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant adottata fi Praga fis-7-9 ta' Mejju 2009 u d-dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja adottata fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Grupp ta' Visegrad, u tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja fi Praga fil-5 ta' Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Settembru tal-President Schulz, tal-24 ta' Settembru tal-Viċi President Protasiewicz, tas-Sur Brok u tas-Sur Kaczmarek, tal-25 ta' Settembru tas-Sur Vigenin u tas-26 ta' Settembru  tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Bjelorussa, dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-twettiq u l-pluraliżmu tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fit-23 ta' Settembru tqiesu mill-UE bħala opportunità oħra għall-Bjelorussja li turi r-rispett tagħha għall-valuri demokratiċi u l-istandards Ewropej;

B.  billi, huwa evidenti mill-fatt li l-ebda kandidat tal-oppożizzjoni demokratika ma ġie elett fil-parlament nazzjonali u li ħafna priġunieri politiċi għadhom il-ħabs, li l-awtoritajiet Bjelorussi injoraw id-diversi talbiet tal-komunità internazzjonali, u minflok iddeċidew li jieħdu pass ieħor 'il bogħod mid-demokrazija u li jkomplu jiżolaw lil pajjiżhom;

C. billi l-oppożituri tal-President awtoritarju Alexander Lukashenko ddenunzjaw l-elezzjoni bħala mbagħbsa u farsa, filwaqt li esprimew il-biża' tagħhom li l-interess tal-President Lukashenko fid-demokrazija spiċċa u jistiednu lill-UE u lill-Istati Uniti ma jirrikonoxxux ir-riżultati tal-elezzjoni;

D. billi għadd kbir ta' kandidati tal-oppożizzjoni demokratika ma tħallewx jirreġistraw għal raġunijiet ta' ineżattezzi żgħar fid-dikjarazzjonijiet dwar l-introjtu u l-proprjetà tagħhom jew permezz tal-invalidazzjoni tal-firem meħtieġa għall-kandidatura; ħafna minnhom ma tħallewx ikunu parti mill-kummissjonijiet elettorali;

E.  billi l-kandidati kienu intitolati biss għal diskors ta' ħames minuti fuq il-midja ta' proprjetà tal-istat; dawn il-messaġġi kellhom jiġu rrekordjati minn qabel u bosta kandidati ma ngħatawx din l-opportunirtà, speċjalment dawk li talbu li l-elezzjoni tiġi bbojkottjata; konsegwentement, għadd kbir ta' kandidati mill-partiti tal-oppożizzjoni ma setgħux jikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom lill-votanti;

F.  billi ħafna studenti u impjegati ta' kumpaniji ta' proprjetà tal-istat ġew sfurzati jivvutaw kmieni bit-theddida li jitilfu l-boroż ta' studju u l-impjiegi tagħhom; saret pressjoni skorretta fuq il-votanti fl-armata biex jieħdu sehem fil-votazzjoni bikrija;

G. billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE ġiet mistiedna mill-awtoritajiet Bjelorussi biex josservaw l-elezzjonijiet bla ebda restrizzjoni u limitazzjoni; il-fatt li żewġ membri tal-missjoni u żewġ Membri tal-Parlamenti nazzjonali mill-Ġermanja u l-Litwanja, ma tħallewx jidħlu u ma ngħataw ebda spjegazzjoni jew kjarifika eżawrjenti min-naħa tal-awtoritajiet Bjelorussi ġimgħa biss qabel l-elezzjonijiet parlamentari fil-Bjelorussja, qajjem dubji dwar l-intenzjonijiet iddikjarati tal-awtoritajiet Bjelorussi u jipperikola l-atmosfera ta' fiduċja bejn iż-żewġ naħat;

H. billi l-UE laqgħet il-fatt li ntbagħtu osservaturi tal-OSKE/ODIHR u saħqet fuq l-importanza li dawk l-osservaturi jiġu ggarantiti aċċess effettiv għall-istadji kollha tal-proċess elettorali, inkluż l-għadd tal-voti, u enfasizzat b'mod partikolari l-importanza li d-drittijiet tal-oppożizzjoni jiġu ggarantiti kemm fir-rigward tad-dritt li joħorġu għall-elezzjoni kif ukoll tal-aċċess għal kummissjonijiet tal-immonitorjar elettorali u l-midja;

I.   billi skont ir-riżultati u l-konklużjonijiet preliminari tal-OSKE/ODIHR, dawn l-elezzjonijiet ma kinux kompetittivi, u kien hemm ħafna każijiet li fihom il-Kodiċi Elettorali Bjelorussu, li suppost kellu jżid l-opportunitajiet ta' kampanji elettorali, inkiser; l-elezzjoni saret f'ambjent ikkontrollat strettament b'kampanja li bilkemm dehret u kienet karatterizzata minn nuqqas ta' trasparenza fl-għadd tal-voti u fl-aggregazzjoni tar-riżultati minn diversi postijiet tal-votazzjoni;

1.  Jiddispjaċih li l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-Bjelorussja reġgħu kienu karatterizzati min-nuqqas ta' standards demokratiċi; minkejja xi titjib żgħir fil-qafas legali tal-elezzjonijiet, li wassal pereżempju għal żieda fl-għadd ta' kandidati li tressqu mill-partiti politiċi, l-awtoritajiet Bjelorussi ma użawx din l-opportunità biex isiru elezzjonijiet ġusti u trasparenti;

2.  Jemmen li l-parlament elett fil-Bjelorussja m'għandux leġittimità demokratika u li għalhekk, il-Parlament Ewropew se jkompli bil-politika tiegħu li ma jirrikonoxxihx kemm fir-relazzjonijiet bilaterali tiegħu mal-Bjelorussja kif ukoll fil-qafas tal-Assemblea Parlamentari Euronest;

3.  Jirrimarka li l-UE ttamat li jkun hemm titjib fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet; in-nuqqas kontinwu li jiġu organizzati elezzjonijiet ħielsa u ġusti se jkun daqqa ta' ħarta għall-Bjelorussja u se jibqa' sfida kbira fiż-żamma ta' relazzjonijiet bejn il-Bjelorussja u l-Unjoni Ewropea;

4.  Jikkundanna d-detenzjoni ta' ġurnalisti bl-għan ovvju li jiġi kkontrollat il-fluss ħieles ta' informazzjoni billi ma jitħallewx jeżerċitaw regolarment l-attivitajiet tagħhom, u għaldaqstant inkisret waħda mil-libertajiet l-aktar bażiċi – il-libertà tal-kelma;

5.  Jistieden lill-Gvern Bjelorussu jikkonferma d-dikjarazzjonijiet tiegħu dwar ir-rieda tiegħu li jtejjeb il-kooperazzjoni mal-UE u li joħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-bidu ta' diskussjonijiet bejn l-UE u l-Bjelorussja;

6.  Jiddispjaċih rigward id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Bjelorussi li jirrifjutaw ripetutament il-viżi ta' dħul lil Membri tal-Parlament Ewropew u lil deputati parlamentari nazzjonali fis-sentejn li għaddew; jistieden lill-awtoritajiet Bjelorussi ma joħolqu ebda ostaklu addizzjonali li jwaqqaf lid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Bjelorussja milli żżur il-pajjiż;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi jirrieżaminaw l-azzjonijiet tagħhom, itejbu u jaġġornaw il-leġiżlazzjoni elettorali u jmexxu elezzjonijiet parlamentari ħielsa u ġusti ġodda b'konformità mal-istandards internazzjonali; iħeġġiġhom ukoll jeħilsu bla kundizzjonijiet lill-priġunnieri politiċi kollha, bla ma jġegħluhom jiffirmaw stqarrijiet ta' ħtija u talbiet għal maħfra, u jirrispettaw lill-poplu tagħhom stess billi jipproteġu l-libertajiet bażiċi tagħhom u billi jħalluhom igawdu d-drittijiet bażiċi tagħhom; jesprimi preokkupazzjoni kbira rigward ir-rapporti rikorrenti ta' kundizzjonijiet ta' detenzjoni inumani imposti deliberatament, partikolarment fir-rigward ta' Ales Bialiatski u Dzmitry Dashkevich;

8.  Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Gvern Bjelorussu jieħu passi favur elezzjonijiet futuri ġenwinament demokratiċi skont l-istandards demokratiċi internazzjonali billi jdaħħal bidliet fil-liġi u l-prattika elettorali, bħal:

           (a) il-ħolqien ta' kundizzjonijiet u opportunitajiet ġusti għall-kandidati kollha biex titmexxa kampanja elettorali ġenwina;

           (b) jiġi żgurat li l-partiti kollha li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet ikunu rappreżentati fil-livelli kollha tal-kummissjonijiet elettorali, b'mod partikolari fil-livell ta' kummissjoni ċirkoskrizzjonali;

           (c) jiġi żgurat li l-voti mitfugħa jipprekludu kwalunkwe dubju rigward il-possibbiltà ta' frodi f'dan ir-rigward;

           (d) tiġi abolita l-proċedura ta' votazzjoni bikrija jew, tal-anqas, jiġi ggarantit li l-voti mitfugħa kmieni jkunu soġġetti għal proċedura separata minn dik għall-voti mitfugħa regolarment u li r-riżultati tal-votazzjoni bikrija jiġu ddokumentati separatament fil-protokolli elettorali;

           (e) tiġi żgurata t-trasparenza matul il-proċess tal-għadd u l-pubblikazzjoni tar-riżultati finali kollha;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern Bjelorussu jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem sabiex itemm l-iżolament awtoimpost tal-pajjiż mill-bqija tal-Ewropa u sabiex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bjelorussja jitjiebu b'mod sinifikanti billi:

           (a) jieqaf it-theddid ta' prosekuzzjoni kriminali, anke għal min jevita s-servizz militari fil-Bjelorussja, kontra studenti mkeċċija mill-universitajiet minħabba l-pożizzjoni ċivika tagħhom u obbligati jkompli l-istudji tagħhom barra l-pajjiż;

           (b) jiġu eliminati l-ostakli kollha li jipprevjenu r-reġistrazzjoni xierqa tal-NGOs fil-Bjelorussja;

           (c) jitjiebu t-trattament tal-minoranzi nazzjonali u r-rispett għalihom, inkluż ir-rikonoxximent tal-korp elett leġittimament tal-Unjoni tal-Pollakki, tal-kultura, tal-knejjes, tas-sistema edukattiva u tal-wirt storiku u materjali;

           (d) jiddaħħal minnufih moratorju fuq il-piena tal-mewt;

10. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hija lesta ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Bjelorussja u l-poplu tagħha fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat malli l-Gvern Bjelorussu jkun wera rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu Bjelorussu;

11. Jilqa' d-"Djalogu Ewropew dwar il-modernizzazzjoni mas-soċjetà Bjelorussa" dwar ir-riformi meħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-Bjelorussja u dwar l-iżvilupp potenzjali relatat tar-relazzjonijiet mal-UE kif ukoll il-kampanja ta' informazzjoni relatata fil-Bjelorussja; jinnota b'sodisfazzjon li d-Djalogu Ewropew għen biex jistimola dibattitu kostruttiv u sostanzjali bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà Bjelorussa f'Minsk rigward ideat konkreti dwar il-ħtiġijiet ta' riforma tal-pajjiż;

12. Jistieden lis-SEAE, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkomplu d-djalogu mal-Bjelorussja u jfasslu politika iktar ċara vis-à-vis l-Bjelorussja, soġġetta għal kundizzjonalità pożittiva stretta bbażata fuq approċċ gradwali pass pass, mgħammra b'benchmarks, skedi ta' żmien, klawsola ta' reviżjoni u riżorsi finanzjarji xierqa;

13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkunsidraw rieżami selettiva u sospensjoni possibbli ta' miżuri restrittivi eżistenti, bl-għan li jipprovdu benefiċċji għaċ-ċittadini ordinarji u li jippromwovu l-iżvilupp ta' soċjetà ħielsa;

14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni ma jneħħux il-projbizzjoni fuq il-viżi jew l-iffriżar tal-assi għal min huwa direttament involut fil-ksur tal-istandards elettorali demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem;

15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jieħdu passi addizzjonali, unilaterlament jekk ikun meħtieġ, lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viżi għaċ-ċittadini Bjelorussi, billi tali azzjoni hija kruċjali biex jintlaħaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE dwar il-Bjelorussja, partikolarment biex jiġu ffaċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn in-nies u biex tiddaħħal id-demokrazija fil-pajjiż; iħeġġiġhom, f'dan il-kuntest, jikkunsidraw il-possibbiltà li jitnaqqas il-kost tal-viżi għaċ-ċittadini Bjelorussi li jidħlu fiż-Żona Schengen, li huwa l-uniku mod li bih il-Bjelorussja u ċ-ċittadini tagħha ma jsirux dejjem aktar iżolati;

16. Jiddeplora għal darb'oħra l-lista ta' projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar barra l-pajjiż imfassla mill-Gvern Bjelorussu li tipprojbixxi lil diversi oppożituri u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem milli jitilqu mill-pajjiż; jesprimi s-simpatija tiegħu lin-nies kollha inklużi f'din il-lista u jistieden lill-awtoritajiet ta' Minsk iwaqqfu l-prattiki li jiksru l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Bjelorussi;

17. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġa, b'mezzi finanzjarji u politiċi, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Bjelorussa, tal-midja indipendenti (inklużi TV Belsat, European Radio for Belarus, Radio Racja u oħrajn) tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Bjelorussja biex jippromwovu d-demokrazija;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-KSI u lill-President Alexander Lukashenko.