Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0468/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0468/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet fil-Ġeorġja

17.10.2012 - (2012/2816(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
José Ignacio Salafranca, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Elena Băsescu, Krzysztof Lisek, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Rafał Trzaskowski, Corien Wortmann-Kool, Jacek Protasiewicz, Cristian Dan Preda, Lena Kolarska-Bobińska, Anna Ibrisagic, Eduard Kukan, Monica Luisa Macovei, Marietta Giannakou, Inese Vaidere, Andrzej Grzyb, Filip Kaczmarek, Paweł Zalewski

  f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0467/2012

Proċedura : 2012/2816(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0468/2012
Testi mressqa :
B7-0468/2012
Testi adottati :

B7‑0468/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet fil-Ġeorġja

(2012/2816(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Ġeorġja: ir-riżoluzzjoni tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, dik tas-7 ta' April 2011 dwar ir-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat – Dimensjoni tan-Nofsinhar, u dik tas-17 ta' Novembru 2011 dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton u l-Kummissarju Štefan Füle dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja tat-2 ta' Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tar-riżultati preliminari u l-konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali għall-elezzjoni parlamentari Ġeorġjana tal-1 ta’ Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġeorġja tal-15 ta’ Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-PEV dwar il-Ġeorġja adottat fil-15 ta' Mejju 2012,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE hija favur Ġeorġja demokratika u stabbli li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija soċjali tas-suq, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-istabbilità politika domestika tal-Ġeorġja u l-attenzjoni għar-riforma interna huma prerekwiżiti għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja;

B.  billi l-aħħar elezzjonijiet parlamentari li saru fil-Ġeorġja fl-1 ta' Ottubru 2012 kienu ħielsa u ġusti, kif ukoll konformi mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment; billi l-libertajiet ġenerali tal-assoċjazzjoni, ta' għaqda u ta' espressjoni ġew rispettati u l-poplu Ġeorġjan, minkejja kampanja politika polarizzata ħafna esprima r-rieda tiegħu liberament;

C. billi l-UE u l-Ġeorġja wettqu progress biex ir-relazzjonijiet UE-Ġeorġja fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant isiru aktar profondi u estensivi; billi n-negozjar u l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja, inkluża żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva, huma importanti għall-perspettiva Ewropea tal-Ġeorġja;

D. billi l-UE baqgħet impenjata favur u kompliet tappoġġa bis-sħiħ l-integrità u s-sovranità territorjali tal-Ġeorġja u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fil-Ġeorġja;

1.  Jenfasizza li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika barranija tal-UE huwa li jittejbu u jitkattru r-relazzjonijiet mal-Ġeorġja;

2.  Jilqa' l-progress fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja u jafferma mill-ġdid il-valuri, il-prinċipji u l-impenji li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Ġeorġja wettqet b'suċċess l-ewwel elezzjonijiet tassew kompetittivi tagħha, li kienu ħielsa u ġusti kif ukoll konformi mal-istandards u r-regoli tal-liġi internazzjonali, li saru taħt qafas legali mtejjeb u amministrati globalment b'mod professjonali u trasparenti; jenfasizza li din l-elezzjoni kienet pass importanti lejn l-iżvilupp demokratiku tal-Ġeorġja u għall-ġejjieni politiku tal-pajjiż; jirringrazzja lill-president u lill-gvern li, flimkien, għamlu dan l-iżvilupp possibbli;

4.  Jistieden lill-partiti politiċi kollha biex jirrispettaw ir-rieda tal-votanti kif murija fl-eżitu tal-elezzjonijiet u jirrispettaw ambjent postelettorali ħieles u paċifiku u jibqgħu fil-limiti tal-qafas legali u l-istat tad-dritt;

5.  Jilqa' l-istqarrija tal-President Saakashvili, li jaċċetta t-telfa tal-partit tiegħu fl-elezzjonijiet u jenfasizza li din l-istqarrija fi stadju tant bikri wara l-elezzjonijiet tagħti indikazzjoni pożittiva fir-rigward tad-demokrazija fil-Ġeorġja;

6.  Jistieden lill-forzi politiċi kollha biex juru trażżin ,u għandu fiduċja li se jkun hemm kooperazzjoni kostruttiva bejn il-poteri eżekuttivi u leġiżlattivi fil-Ġeorġja matul il-perjodu probabbli tal-koabitazzjoni; jikkundanna l-fatt li l-mexxej tal-partit "Il-Ħolma Ġeorġjana", Bidzina Ivanishvili, talab lill-President Mikheil Saakashvili biex jirriżenja u jorganizza elezzjonijiet presidenzjali bikrija, ħaġa li tikkostitwixxi attakk dirett fuq id-demokrazija fil-Ġeorġja; jitlob rispett għall-kostituzzjoni, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Ġeorġja;

7.  Jistieden lill-gvern il-ġdid u lill-oppożizzjoni biex jassumu r-responsabilitajiet tagħhom u jaħdmu flimkien, biex jikkonċentraw fuq l-iżvilupp demokratiku ulterjuri tal-pajjiż u jibqgħu kompletament impenjati favur il-promozzjoni tad-demokrazija u ta' governanza tajba;

8.  Jistenna li l-maġġoranza l-ġdida tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-UE u n-NATO, u jittama li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja ser jibqgħu b'saħħithom;

9.  Jinsisti li l-gvern il-ġdid se jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u jimplimenta r-riformi politiċi diġà mibdija mill-gvern attwali;

10. Jitlob lill-VP/RGħ tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà biex taħdem aktar sabiex tinkoraġġixxi lir-Russja tikkonforma mal-Pjan ta’ Sarkozy ta’ sitt punti biex il-kunflitt fil-Ġeorġja jiġi stabbilizzat u solvut;

11. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-gvern il-ġdid iżomm u jsaħħaħ l-involviment kostruttiv tal-Ġeorġja fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politikà tas-Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġeorġja, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-OSKE.