Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0470/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0470/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-elezzjonijiet f'Ġeorġja

17.10.2012 - (2012/2816(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Mojca Kleva, Edit Herczog, Minodora Cliveti, Teresa Riera Madurell, Evgeni Kirilov, Libor Rouček, Richard Falbr f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0467/2012

Proċedura : 2012/2816(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0470/2012
Testi mressqa :
B7-0470/2012
Testi adottati :

B7‑0470/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet f'Ġeorġja

(2012/2816(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rapporti preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk li fihom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar in-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja tas-27 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u ta' Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt UE-Ġeorġja dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), approvat mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006, li jistipula l-objettivi strateġiċi bbażati fuq l-impenji fir-rigward ta' valuri kondiviżi u l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali,

–   wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'medjazzjoni mill-UE u ffirmat mill-Ġeorġja u mill-Federazzjoni Russa, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Samit ta' Sħubija tal-Lvant imnedija f'Varsavja fit-30 ta' Settembru 2011,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni Elettorali għall-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja tat-2 ta’ Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton u l-Kummissarju Stefan Fule dwar ir-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja tat-2 ta' Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tal-PE tal-Assemblea Parlamentari Euronest Kristian Vigenin dwar l-eżitu tal-elezzjonijiet parlamentari f'Ġeorġja fit-3 ta' Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġeorġja tal-15 ta’ Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja u l-impenn tagħha għall-valuri u l-prinċipji komuni, li jinkludu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, huma essenzjali biex il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea jkompli miexi 'l quddiem u biex in-negozjati u l-implimentazzjoni sussegwenti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jirnexxu,

B.  billi l-kunflitt mhux solvut bejn ir-Russja u l-Ġeorġja jkompli jfixkel l-istabbiltà u l-iżvilupp tal-Ġeorġja; billi r-Russja tkompli tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar;

C. billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sħubija tal-Lvant tat-23 ta' Lulju 2012 irreferiet għall-Pjan Direzzjonali bħala l-bażi li jiggwida l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ulterjuri tas-Sħubija tal-Lvant;

D. billi numru kbir ta' osservaturi internazzjonali kienu mistiedna mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja biex jimmonitorjaw il-proċess elettorali;

E.  billi l-Kunsill u l-Parlament Ewropew ħa nota tal-valutazzjoni preliminari tal-ODIHR dwar il-mod li bih imxew l-elezzjonijiet parlamentari fil-Ġeorġja li seħħew fl-1 ta' Ottubru 2012;

F.  billi l-Ġeorġja, bħala sieħeb importanti tal-UE, wera l-impenn sħiħ tiegħu għal standards demokratiċi matul dawn l-elezzjonijiet parlamentari;

1.  Jifraħ lill-poplu tal-Ġeorġja għal dan il-pass sinifikanti lejn il-konsolidament tad-demokrazija f'pajjiżu; jilqa' l-elezzjonijiet parlamentari demokratiċi tal-1 ta' Ottubru li tmexxew bi qbil mal-impenji tal-OSCE u tal-Kunsill tal-Ewropa minkejja li għad fadal xi kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati;

2.  Jinnota li l-President Mikheil Saakashvili aċċetta t-telfa f'dawn l-elezzjonijet parlamentari u ddikjara li lest li jmur fl-oppożizzjoni, ġrajja straordinarja fil-pajjiż u fir-reġjun fejn il-mexxejja ta' wara l-perjodu Sovjetiku spiss ċedew l-uffiċċju wara pressjoni minn protesti tal-massa jew theddid ta' gwerra ċivili;

3.  Jilqa' d-dikjarazzjonijiet mill-President Saakashvili kif ukoll mill-mexxej tal-koalizzjoni "Il-Ħolma Ġeorġjana", Bidzina Ivanishvili, u l-impenji tagħhom li jaħdmu flimkien biex jibnu l-pajjiż; jenfasizza l-importanza kritika kemm ta' oppożizzjoni parlamentari effettiva kif ukoll ta' soċjetà ċivili vibranti għall-iżvilupp demokratiku;

4.  Jinkoraġġixxi lill-partiti politiċi kollha tal-Ġeorġja biex jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv matul il-perjodu ta' tranżizzjoni li ġej u wara, sabiex jiżguraw l-istabilità, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza t-tajba, b'rispett sħiħ tar-rieda tal-poplu tal-Ġeorġja espressa demokratikament; jinkoraġġixxi lill-gvern il-ġdid iwettaq riformi fuq bażi wiesgħa u aġenda ta' tkabbir inklużiv, mhux l-inqas permezz tad-djalogu soċjali u ta' enfasi mġedda dwar id-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema;

5.  Jifraħ lill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali għat-trasparenza u l-effiċjenza tagħha fit-tħejjija u l-ġestjoni ta' dawn l-elezzjonijiet; jinnota li l-involviment attiv ta' osservaturi u tas-soċjetà ċivili matul il-proċess elettorali kollu saħħet b'mod ġenerali t-trasparenza;

6.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini matul il-kampanja kollha, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni tan-nisa u tal-minoritajiet nazzjonali;

7.  Jinnota li minkejja l-ambjent elettorali polarizzat u minli tensjoni, il-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea kienu, b'mod ġenerali, rispettati; hu konxju, madankollu, li f'xi każi kien hemm inċidenti ta' fastidju u intimidazzjoni ta' attivitisti u sostenituri tal-partiti li ħassru l-ambjent tal-kampanja;

8.  Ifaħħar il-Kummissjoni bejn l-Aġenziji għar-reviżjoni effettivi tagħha dwar ilmenti u allegazzjonijiet ta' vjolazzjonijiet fil-kampanja li tqajmu minn partijiet interessati rispettivi matul il-proċess elettorali u li kienu indirizzati fil-pront mill-awtoritajiet tal-Ġeorġja;

9.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja biex jirrevedu u jsaħħu l-Liġi dwar l-Unjoni Politika taċ-Ċittadini li tirregola l-finanzi tal-partiti u tal-kampanja li, minkejja l-emendi sostanzjali li kienu adottati inqas minn sena ilu qabel l-elezzjonijiet, għad għandha ambigwitajiet serji li jaffettwaw b'mod negattiv l-implimentazzjoni tagħha;

10. Jistieden lill-gvern il-ġdid tal-Ġeorġja jinvestiga u jtejjeb il-kundizzjonijiet li hemm fil-ħabsijiet u fiċ-ċentri ta' detenzjoni u jkompli jadotta u jimplimenta r-riformi meħtieġa bi qbil mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

11. Jistieden lill-assemblea nazzjonali l-ġdida biex tirrevedi b'mod oġġettiv id-deċiżjoni ta' rilokazzjoni tas-sede tal-Parlament Ġeorġjan minn Tbilisi għal Kutaisi;

12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw l-appoġġ meħtieġ għall-amministrazzjoni l-ġdida u jkomplu d-djalogu li għaddej biex jiżguraw li jibqa' jkun hemm kontinwità u ritmu tajjeb fin-negozjati tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, kif ukoll id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża;

13. Jappella lill-President u lill-gvern il-ġdid tal-Ġeorġja biex iżommu l-impenji tagħhom u jiżguraw li n-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jkompli b'ritmu tajjeb;

14. Jerġa' jafferma l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja; jittama li kemm il-Ġeorġja u kemm ir-Russja jkompli jittrattaw b'mod attiv ir-riżoluzzjoni tal-konflitt mingħajr prekundizzjonijiet; jinsab ħerqan li l-Ġeorġja tkompli timpenja lilha nnifisha fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra u tkompli ssegwi politika effettiva hi u tittratta mar-reġjuni seċċessjonisti;

15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-gvern tal-Ġeorġja.