Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0498/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0498/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, u l-espansjoni possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali

19.11.2012 - (2012/2881(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sabine Verheyen f'isem il-Grupp ECR
Ivailo Kalfin, Petra Kammerevert f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0498/2012

Proċedura : 2012/2881(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0498/2012
Testi mressqa :
B7-0498/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0498/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, u l-espansjoni possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali

(2012/2881(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009[1] li temenda d-Direttivi 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009[2] li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/77/KE tas-16 ta' Settembru 2002[3] dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru2 011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa[4],

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li se tittieħed fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jew fl-istanzi preparatorji tagħha (COM(2012)0430),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali ġew adottati permezz tal-Konferenza Amministrattiva Dinjija dwar it-Telegrafija u t-Telefonija f’Melbourne fl-1988 u sa issa għadhom qatt ma ġew riveduti;

B.  billi s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta' dawn ir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali;

C. billi l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (UIT) sejħet laqgħa f'Dubaj bejn it-3 u l-14 ta' Diċembru 2012, bl-isem "Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT)", biex jintlaħaq qbil dwar test ġdid għal dawn ir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali;

1.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jkun kompatibbli mal-acquis tal-UE u jsaħħaħ l-objettiv tal-Unjoni li l-internet jiġi żviluppat bħala post pubbliku għat-tħaddim tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-kelma u intraprenditorija ħielsa;

2.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' trasparenza rigward it-tħejjijiet għad-WCIT-12 u l-laqgħa nnifisha, peress li r-riżultati ta' din il-laqgħa huma kwistjonijiet importanti li jolqtu l-interess pubbliku;

3.  Jenfasizza li wħud mill-proposti għar-riforma tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali li qed jiġu ppreżentati mill-193 stat membru tal-UIT jista' jkollhom impatt fuq l-internet, l-arkitettura, l-operazzjonijiet, il-kontenut u s-sigurtà tiegħu, ir-relazzjonijiet fid-dinja tan-negozju, il-governanza tal-internet u l-fluss liberu tal-informazzjoni onlajn;

4.  Jemmen li, bħala konsegwenza ta' wħud mill-proposti ppreżentati, l-UIT stess għandha mnejn issir is-setgħa li tikkmanda l-internet u dan jaf itemm l-organizzazzjoni attwali, li tinvolvi lil diversi atturi u tiżgura parteċipazzjoni minn isfel għal fuq min-naħa ta' diversi partijiet interessati; jibża' li, jekk jiġu adottati, dawn il-proposti jafu jolqtu serjament l-iżvilupp ta' servizzi onlajn għall-utenti finali u l-aċċess tagħhom għal dawn is-servizzi, kif ukoll l-ekonomija diġitali kollha kemm hi; jemmen li l-governanza tal-internet u l-kwistjonijiet regolatorji relatati għandhom jibqgħu jkunu soġġetti għal konsultazzjonijiet komprensivi f'diversi livelli;

5.  Jinsab imħasseb li dawn il-proposti ta' riforma tal-UIT jinkludu l-ħolqien ta' mekkaniżmi speċifiċi ta' ħlas għall-interkonnessjoni, li jistgħu jheddu serjament in-natura miftuħa u kompetittiva tal-internet billi jgħollu l-prezzijiet u billi jxekklu l-innovazzjoni;

6.  Jemmen li, filwaqt li ċerti kwistjonijiet li jirfdu wħud minn dawn il-proposti, bħalma hija l-allokazzjoni ġusta tal-introjtu mill-katina tal-valur tal-internet, għandhom bżonn jiġu kkunsidrati, l-UIT mhijiex il-korp adatt biex teżerċita l-awtorità regolatorja, la fuq il-governanza tal-internet u lanqas fuq il-flussi tat-traffiku;

7.  Jappoġġa kwalunkwe proposta biex jinżammu l-kamp ta' applikazzjoni attwali tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali u l-mandat attwali tal-UIT, iżda jopponi kwalunkwe proposta maħsuba biex twessa' l-kamp ta' applikazzjoni għal oqsma bħar-routing tat-traffiku fl-internet u kwistjonijiet relatati mal-kontenut;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali li jkun dannuż għan-natura miftuħa tal-internet, in-newtralità tal-internet, il-prinċipju ta’ minn tarf għall-ieħor (end-to-end), l-obbligi ta' servizz universali, il-kontenut kreattiv onlajn u l-governanza parteċipattiva fdata f'idejn atturi diversi bħal gvernijiet, istituzzjonijiet sopranazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u operaturi privati kbar u żgħar;

9.  Ifakkar fl-importanza li jiġi salvagwardat internet sod abbażi tal-prinċipju tal-aħjar sforz, li jitrawmu l-innovazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, li tiġi żgurata l-kompetizzjoni u li jiġi evitat distakk diġitali ġdid;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.