Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0499/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0499/2012

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, u l-espansjoni possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali

    19.11.2012 - (2012/2881(RSP))

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
    skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

    Marietje Schaake f’isem il-grupp ALDE
    Amelia Andersdotter, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0498/2012

    Proċedura : 2012/2881(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B7-0499/2012
    Testi mressqa :
    B7-0499/2012
    Dibattiti :
    Votazzjonijiet :
    Testi adottati :

    B7‑0499/2012

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT-2012) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet, u l-espansjoni possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali

    (2012/2881(RSP))

    Il-Parlament Ewropew,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009[1] li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, id-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u d-Direttiva 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009[2] li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi,

    –   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/77/KE tas-16 ta' Settembru 2002[3] dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi,

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-internet miftuħ u n-newtralità tan-net fl-Ewropa[4],

    –   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss[5],

    –   wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni li se tittieħed fil-Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jew fl-istanzi preparatorji tagħha (COM(2012)0430),

    –   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A. billi r-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali ġew adottati permezz tal-Konferenza Amministrattiva Dinjija dwar it-Telegrafija u t-Telefonija f’Melbourne fl-1988 u sa issa għadhom qatt ma ġew riveduti;

    B.  billi s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji ta’ dawn ir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali;

    C. billi l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (UIT) sejħet laqgħa f'Dubaj bejn it-3 u l-14 ta' Diċembru 2012, bl-isem Konferenza Dinjija dwar it-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali (WCIT), biex jintlaħaq qbil dwar test ġdid għal dawn ir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali;

    1.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali jkun kompatibbli mal-acquis tal-UE u jsaħħaħ l-objettiv tal-Unjoni li l-internet jiġi żviluppat bħala post pubbliku fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, ikunu rispettati, filwaqt li l-osservanza tal-prinċipji tas-suq ħieles, in-newtralità tal-internet u l-intraprenditorija jkunu żgurati;

    2.  Jenfasizza li wħud mill-proposti għar-riforma tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali li qed jiġu ppreżentati mill-istati membri tal-UIT jolqtu negattivament lill-internet, l-arkitettura, l-operazzjonijiet, il-kontenut u s-sigurtà tiegħu, ir-relazzjonijiet fid-dinja tan-negozju, il-governanza tal-internet u l-fluss liberu tal-informazzjoni onlajn;

    3.  Jinsab imħasseb li dawn il-proposti ta’ riforma tal-UIT jinkludu l-ħolqienta’ mekkaniżmi speċifiċi ta’ ħlas għall-interkonnessjoni, li jistgħu jheddu serjament in-natura miftuħa u kompetittiva tal-internet billi jgħollu l-prezzijiet u jxekklu l-innovazzjoni;

    4.  Jemmen li, bħala konsegwenza ta’ wħud mill-proposti ppreżentati, l-UIT stess għandha mnejn issir is-setgħa li tikkmanda l-internet, minflok mudell b’partijiet konċernati multipli miftuħ, inklużiv u minn fuq għal isfel;

    5.  Jemmen li l-UIT, jew kwalunkwe istituzzjoni internazzjonali ċentralizzata unika oħra (pereżempju l-ICANN), mhijiex l-entità xierqa li teżerċita l-awtorità regolatorja fuq l-internet;

    6.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu kwalunkwe tibdil fir-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali li jista’ jkun dannuż għan-natura miftuħa tal-internet, in-newtralità tal-internet, l-aċċess għal kontenut kreattiv onlajn u l-governanza parteċipattiva fdata f’idejn atturi multipli bħal gvernijiet, istituzzjonijiet sopranazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, operaturi privati kbar u żgħar u l-‘pubbliku tal-internet’ magħmul mill-utenti u l-konsumaturi;

    7.  Jistieden lill-Kunsill jagħti mandat ċar u trasparenti lill-Kummissjoni biex tikkoordina strateġija unika tal-UE fost l-Istati Membri, bl-għan primarju li tiżgura u tippreserva l-ftuħ tal-internet, tħares id-drittijiet u l-libertajiet tal-utenti tal-internet onlajn u tikkoordina n-negozjar tar-reviżjoni tar-Regolamenti tat-Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali għan-nom tal-Unjoni Ewropea, abbażi ta’ kontributi miġbura b’mod inklużiv mingħand diversi partijiet konċernati;

    8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.